L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

L-istorja ta’ San Injazju hi storja ħafna drabi drammatika. Dan kien bniedem b’ambizzjoni kbira u ried li jkun suldat tajjeb, suldat li lest għal kull battalja. Aħna nafu li l-bidu tal-konverżjoni tiegħu jmur lura għal battalja minnhom – il-battalja ta’ Pamplona, fi Spanja viċin ħafna ta’ Franza – fejn San Injazju kien qed jiġġieled u jagħmel ħiltu fil-battalja, imma mbagħad intlaqat minn balla ta’ kanun li tertqitlu siequ l-leminija u anke feriet ix-xellugija. Mill-ewwel ħaduh biex jippruvaw ifejquh, u għamel ħames xhur sħaħ għall-kura.

It-trasformazzjoni

Il-konverżjoni tiegħu ma saritx mil-lum għal għada, jew f’daqqa. Imma kien dan iż-żmien li hu kien għall-kura li talab biex jaqra r-rumanzi li kien iħobb jaqra, ta’ nies qalbiena; imma kellhom biss il-ħajja tal-qaddisin u l-ħajja ta’ Kristu. U meta beda jaqra l-ħajja tal-qaddisin, hu rrealizza li dawn kienu nies qalbiena, imma dak li għamlu, għamluh għal Kristu. U beda jirrifletti u jgħid: jien ma nistax nagħmel xi ħaġa bħal San Franġisk u San Duminku, imma xi ħaġa li tkun tassew dak li jrid minni Alla?

Hemmhekk bdiet isseħħ il-konverżjoni tiegħu – għalhekk iċ-ċelebrazzjoni tal-500 sena minn din il-ġrajja li seħħet fl-20 ta’ Mejju tal-1521 – li wasslitu biex jgħid: nixtieq li flok suldat, inkun bniedem qalbieni li nagħmel kollox għall-akbar glorja ta’ Alla. Irrid naħdem biex inxandar lil Kristu u biex nagħraf dak li Kristu jrid minni llum. Hemmhekk saret il-bidla fih li wasslitu biex ikun wieħed mill-qaddisin hekk kbar fil-Knisja li għamel tant ġid. Nafu li fil-ħajja tiegħu sab ħafna diffikultajiet, ħafna xkiel, imma għax ried dejjem jilħaq dan l-għan – li jaħdem għall-akbar glorja ta’ Alla u jfittex dak li Alla jrid minnu qalb dawn id-diffikultajiet – mexa tassew ’il quddiem. Kompla jistudja, jitgħallem, waqqaf is-Soċjetà ta’ Ġesù, il-Ġiżwiti, b’mod li l-wirt tiegħu baqa’ sal-lum fil-Knisja, wirt ħaj u tant sabiħ.

Talenti għas-servizz ta’ Alla

Nixtieq li nirriflettu fuq ħaġa waħda minn tant affarijiet sbieħ fuq dan il-qaddis. San Injazju kellu ħafna kwalitajiet, ħafna talenti. Kien bniedem ambizzjuż, enerġetiku, intelliġenti, iħobb jitgħallem, ħabrieki, jaħdem ħafna. Meta ltaqa’ mal-Mulej, f’din il-bidla li seħħet fih fil-konverżjoni, dawn it-talenti sbieħ tiegħu ma ħbihomx. Ma qalx: issa mmur wara l-Mulej u dawn storja passata. Mhux hekk għamel. Qiegħed it-talenti tiegħu għas-servizz ta’ Alla, għall-akbar glorja ta’ Alla, u biex ikunu ta’ ġid għan-nies kollha. It-tajjeb tiegħu ma ħbiehx, imma meta ltaqa’ mal-Mulej, offrieh lill-Mulej biex jista’ jużah għall-ġid. Għalhekk, jekk qabel kien iħabrek, hekk baqa’ wara. Iħabrek u jara x’jista’ jagħmel b’mod kreattiv u intelliġenti, imma kollox għall-akbar glorja ta’ Alla u għas-servizz tan-nies, għall-akbar ġid tagħhom.

Alla ħalaqkom oriġinali. Lilek tak id-doni u t-talenti biex tiżviluppahom. Ma jridx li int tkun fotokopja ta’ ħaddieħor

Naħseb li hawn għandna l-isbaħ tagħlima għalina; għalikom bħala Kulleġġ, għall-istaff edukattiv kollu, li qed jagħti s-sehem tiegħu f’din il-missjoni edukattiva, il-ħaddiema kollha, u għall-istudenti li għalihom qegħdin, fuq kollox, naħdmu, għall-ġid ta’ kull student u kull studenta. X’inhu dal-messaġġ? Kull persuna hi prezzjuża. Lilek Alla tak id-doni u t-talenti tiegħu, u jistiednek biex dawn tiżviluppahom. Għalhekk il-ħidma kollha li ssir l-iskola. Jistiednek biex toħroġ it-tajjeb li hemm fik u biex tqiegħed dan għas-servizz tal-oħrajn u għall-akbar glorja ta’ Alla.

Oriġinali mhux fotokopja

San Injazju jfakkarni f’dak li kien qal Carlo Acutis, li dan l-aħħar sar beatu. Kien żgħir meta miet imma fil-ftit snin li għex, għamel ħafna ġid. Hu qal – u din il-Papa Franġisku rrepetiha ftit ġranet ilu u tfakkarna ħafna f’San Injazju u f’kull wieħed u waħda minna: “God created us originals, we should not live as photocopies”. Alla lilna ħalaqna oriġinali, ma jridx li ngħixu ta’ fotokopji.

Ma jridx li ngħixu fotokopji ta’ ħaddieħor, jew tal-oħrajn. Lil kull wieħed u waħda minnkom – qed ngħid b’mod speċjali wkoll likom studenti hawnhekk u lilkom li qed issegwuna livestream – Alla ħalaqkom oriġinali. Lilek tak id-doni u t-talenti biex tiżviluppahom. Ma jridx li int tkun fotokopja ta’ ħaddieħor. Ma jridekx tikkopja lil ħaddieħor, jew tagħżel li tagħmel hekk għax ħaddieħor qed jagħmel hekk, jew għax l-oħrajn qed jagħmlu hekk. Alla qiegħed ħafna tajjeb fik u jixtieq li int tiżviluppah, u jagħtik l-għajnuna biex int tiżviluppah. L-għajnuna bħalma hi l-iskola: l-għalliema, u l-istaff kollu, u dawk is-saċerdoti li jiġu l-iskola, inkluż il-kappillani tal-postijiet differenti, għajnuna biex int tiżviluppa t-tajjeb li hemm fik. U dan ikun l-ikbar suċċess tal-iskola: li inti tagħraf it-tajjeb tiegħek u tiżviluppah, imbagħad tista’ tqiegħdu għas-servizz tal-oħrajn u għall-akbar glorja ta’ Alla.

Dan hu li nixtieq nitlob għal kull wieħed u waħda minnkom illum, ispirati minn San Injazju. Nawguralkom ħafna li intom tiżviluppaw it-tajjeb u s-sabiħ li hemm fikom u taħdmu biex tqiegħduh fil-ħajja tagħkom għas-servizz u l-ġid tal-oħrajn u għall-akbar glorja ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju