L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Tajjeb li niftakru li dan il-kliem Ġesù qalu fil-mument għażiż; aħna nafuh bħala l-mument tal-aħħar ċena propju f’Ħamis ix-Xirka. Qiegħed mad-dixxipli tiegħu. Qegħdin jieklu l-aħħar ikla qabel jingħata f’idejn l-għedewwa tiegħu biex jagħmlu bih li jridu.

Imma d-djalogu mqanqal, sabiħ tal-Mulej Ġesù ma’ sħabu hu wkoll okkażjoni fejn nifhmu eżattament xi jrid jgħidilna Ġesù fuq l-affarijiet l-iżjed għeżież. Jaf li se jiġi ttradut, anzi kien tradut diġà, jaf li qed jistennieh destin kiefer u ikrah meta jingħata f’idejna. Imma lil sħabu jgħidilhom: “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll” (Ġw 14:1).

Ħuti, ejjew naħsbu ftit fil-mumenti f’ħajjitna meta jkollna bżonn nisimgħuha din il-kelma. Jiġi fuqna l-mard, nitilfu ’l xi ħadd għażiż, jiġri xi ħaġa li ma tkunx qed tistennieha. Aħna għandna din l-espressjoni: ‘tolqtok xi ħaġa bħal sajjetta fil-bnazzi’. Fil-bnazzi ma tistenniex is-sajjetti. U tisma’ lill-Mulej jgħidlek: “Tħallix qalbek titħawwad! Emmen f’Alla, emmen fija wkoll”.

Imbagħad jagħtina risposta għad-domanda li ħafna drabi titla’ f’qalbna meta jmut xi ħadd għażiż jew naħsbu fl-aħħar vjaġġ tagħna. Min jaf kemm-il darba smajtuni ngħid it-talba li nħobb ngħidlu: meta trid inti imma m’iniex mgħaġġel. Imma mgħaġġel u m’intix, dak biljett one-way, immorru u ma nerġgħux lura. U d-domanda tiġi: imma dan it-taħbit kollu, dan is-sagrifiċċju kollu, niġi għall-quddies, nipprova ngħix sura ta’ nies, għalfejn? Hemm xi ħaġa tistennieni? Dan id-diskors tal-ġenna u l-infern u l-purgatorju, il-ġudizzju, imma dan jagħmel sens?

Ejjew nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù: “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet”. Aħna qabel konna ngħidu għamajjar, l-għamara (l-għamara mhux il-gradenza) imma post fejn tgħammar. Illum jittraduċuha postijiet. “Li ma kienx hekk,” jgħidilna Ġesù, “kont ngħidilkom sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu?” Ma kienx jgħidilna hekk. “Imma meta mmur u nħejjilkom post, niġi biex neħodkom miegħi” (Ġw 14:2-3).

Ejjew naħsbu ftit fuq dak l-aħħar mument li jiġi fuqna, l-aħwa. Issa rridu u ma rridux, u mgħaġġlin u mhux mgħaġġlin, se jiġi fuqna. Isimgħu l-kelma tal-Irxoxt: “Niġi biex neħodkom miegħi biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll” (Ġw 14:3). Kemm hi ħaġa sabiħa, kemm hu faraġ kbir li aħna nifhmu l-punt tal-mewt u l-vjaġġ tal-għeżież tagħna, li dejjem taqsmilna qalbna, tbikkina, tbeżżagħna, fid-dawl ta’ dak li jgħidilna Ġesù llum: “niġi biex neħodkom miegħi biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll”.

Hu qalilna: “Hemm ħafna postijiet,” jiġifieri għandek post ibbukkjat inti. Issa inti tista’ tgħidlu: ‘Jiddispjaċini, aqtagħli għan-naħa l-oħra’. Imma dak f’idejk. Jekk inti tagħżel it-triq tal-imħabba u tal-maħfra qiegħed fis-sgur, l-imħabba u l-maħfra għax il-maħfra hi, wara kollox, espressjoni tal-imħabba.

Imbagħad jgħidilna: “It-triq għall-post fejn sejjer, tafuha” (Ġw 14:4). It-triq – issa sew – qed jgħidilna li nafu kif, kif immorru. U Tumas żbukkat imma intelliġenti ħafna jaqbeż għalina. Id-domanda tagħna, tiegħi u tiegħek, jagħmilha hu lil Ġesù: “Ma nafux fejn inti sejjer, kif nistgħu nafu t-triq?” (Mt 14:5), Nixtieq niġi imma x’għandi nagħmel? Kif naqtgħu l-biljett? Isimgħu r-risposta ta’ Ġesù: “Jiena t-triq, il-verità u l-ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14:6).

Mela inti biex isserraħ rasek u allura tgħix kuntent, ma titħawwadx ikkonċentra ħajtek, ruħek u qalbek f’Ġesù. Għidlu: ‘Ġesù, kun inti l-imħabba tiegħi ta’ ħajti. Fil-proxxmu tiegħi nara lilek, fil-kelma tiegħek insib id-dawl tal-ħajja tiegħi’. Inti t-triq. Imma fejn irridu mmorru? Ġesù! Kif irridu mmorru? Ġesù! X’se nsibu? Ġesù! Imma din vera? Din il-verità: “Jiena t-triq, il-verità jew is-sewwa u l-ħajja”. Jiena Ġesù qed jgħidha. Il-kelma ‘Ġesù’ tal-isem għażiż! U allura t-triq, il-verità u l-ħajja tagħna la huma kotba, la huma liġijiet, huma persuna, Ġesù!

Aħna, l-aħwa, l-Insara veru għandna l-Kelma t’Alla, imma l-fidi tagħna hi f’Ġesù – il-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem. Aħna ma nemmnux fi ktieb. Aħna nemmnu f’persuna msallab u rxuxtat. It-triq tagħna mhix xi pjan li nistgħu nagħmlu jew ifassal l-isqof. Kemm nagħmlu pjanijiet pastorali, l-aħwa, u nagħtuhom titli u naħlu karti imma t-triq fundamentali hi Ġesù. Dak li qed nagħmlu qed iwassalna għandu? Anke f’dak kollu li jsir fil-parroċċa.

Din id-domanda li rridu nagħmlu l-aħwa: dak li qed nagħmlu anke, l-imħabba tagħna lejn Sidtna Marija. Hawnhekk intom tqimuha ġustament taħt it-titlu sabiħ tal-Madonna tal-Karmnu. U qed nieħu pjaċir li għandkom devozzjoni kbira lejn San Ġorġ Preca, li kien midħla ta’ hawnhekk ukoll. U f’dawn l-inħawi ta’ Fleur-de-Lys li kien beda jiltaqa’ ma’ Eugenio (Ġeġè) Borg taħt xi ħarruba jaqraw l-Evanġelju ta’ San Ġwann sakemm imbagħad xi ħadd qala’ qlajja’ għax beda jarahom taħt il-ħarruba. U m’hemmx għalfejn inkomplilkom. U Dun Ġorġ qallu: ‘Mela minflok il-ħarruba nsibu post’. U kien jiltaqa’ ma’ Ġeġè jispjegalu l-Evanġelju ta’ San Ġwann għax kien l-ewwel dixxiplu tiegħu. Hawnhekk beda Dun Ġorġ, f’dawn l-inħawi ta’ Fleur-de-Lys. U kif tafu ,ma mietx ’il  bogħod minn hawn ukoll, f’Santa Venera.

Aħna u nippreparaw għall-festa ta’ San Ġorġ Preca, nitolbu l-interċessjoni tiegħu li tfakkarna f’espressjoni, l-ewwel fit-tnehida tiegħu, imbagħad f’talba tiegħu u nieqaf hawnhekk. L-ewwel it-tnehida ta’ Dun Ġorġ. Qed ngħid hekk għax smajt ir-recordings kollha meta kelli bżonn nistudja l-ħajja u t-tagħlim tiegħu. Xi soċji kienu ħadu ftit recordings lejn l-aħħar ta’ ħajtu. Dun Ġorġ kien iħobb jirrepeti ħafna u waħda minnhom, bi tnehida, trid tisimgħu b’vuċi rqiqa tgħajjat (bl-Ingliż jgħidu ‘a shrill voice’) kien jilmenta hekk: ‘għal ħafna nies Alla żerò kbir!’ Qisu ma jeżistix, qisu ma tridx tagħti kas ’l Alla, dak il-biljett, għalkemm maqtugħ one-way, qisu ma jeżistix. Dik hi t-tnehida ta’ Dun Ġorġ. Niftakruha b’qalb maqsuma: għal ħafna nies Alla żerò kbir.

Imbagħad it-talba tiegħu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.’ Mhux hekk qed jgħidilna Ġesù meta Tumas qallu: “Kif se nagħmlu aħna? Orrajt għidtilna li hemm il-postijiet u se tiġi imma kif se nagħmlu?” (ara Ġw 14:5). “Jiena t-triq, il-verità u l-ħajja” U lil Filippu meta jgħidlu: “Urina naqra l-Missier, dan Alla min hu li għalina ħafna drabi huwa żerò kbir, min hu?” (ara Ġw 14:8) “Ili daqshekk magħkom, Filippu, għadkom ma għaraftunix? Min jara lili jara l-Missier” (Ġw 14:9). 

Din hi l-kelma ta’ faraġ li jagħtina l-Mulej llum. Mhix liġi, mhix kmand, hi isem: Ġesù! “Tħallix qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, emmnu fija wkoll” (Ġw 14:1). Emmnu f’Ġesù.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 6:1-7
Salm: 32 (33):1-2,4-5,18-19
Qari II: 1 Piet 2:4-9
L-Evanġelju: Ġw 14:1-12

Aktar ritratti