• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    19 ta’ April 2019

    “Ecce Homo” (hawn hu il-bniedem) (Ġw 19:5). Dawn il-kelmiet ta’ Ponzju Pilatu fihom verità profonda fuq diversi livelli.

    Wara li smajna r-rakkont tal-passjoni ta’ Sidna Ġesù skont San Ġwann, nistgħu nifhmu iżjed kemm huma profondi l-kliem ecce homo għaliex f’Ġesù ta’ Nazaret ifflaġellat, inkurunat bix-xewk u ttorturat hemm is-sintesi tat-tbatija tal-bniedem. “Kien imżeblah u nwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard” (Iż 53:3). Min iżur xi sptar f’dawn il-ġranet jew inkella min iżur xi faċilità korrettiva, kif jgħidulu l-ħabs illum, jiltaqa’ ma’ diversi bnedmin; fihom hemm ukoll ix-xbieha ta’ Ġesù: “Ecce homo”. Kull min hu mżeblah u mwarrab mill-bnedmin, kull bniedem li jbati, kull bniedem li jaf x’inhu l-mard, jista’ jħares lejn Ġesù llum u jgħid: “Ecce homo”.

    Fl-istess ħin meta nħarsu lejn it-tbatija tiegħu nifhmu wkoll fejn tista’ tasal l-kefrija tal-umanità u f’dan is-sens nistgħu wkoll ngħidu ecce homo, dan jaf jagħmel il-bniedem, ecce homo. Fit-tbatija ta’ Ġesù naraw id-disprezz tal-umanità għall-verità, id-disprezz tal-umanità għall-ħajja, naraw dak kollu li jfisser inġustizzja, rabja inġusta u qtil. “Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna (Iż 53:5).

    Hawnhekk naslu għat-tielet sinifikat tal-frażi qasira u sintetika ta’ Pilatu ecce homo. F’Ġesù ta’ Nazaret, sultan tal-Lhud, hemm ukoll il-fejqan tagħna. “Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa kull wieħed minna qabad triq għal rasu u l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen” (Iż 53:6) ta’ kull wieħed u waħda minna. “Bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Iż 53:5).

    Illum ejjew nitolbu u nqimu lill-Mulej imsallab biex nidħlu fil-profond tal-kelmiet ecce homo għax l-Iben ta’ Alla sar bniedem billi obda, “obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8).

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti