L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Tela’ fuq l-għolja” (Mk 3:13). Hekk naqraw fuq Ġesù fl-Evanġelju skont San Mark. Mal-ewwel, kif naraw li “tela’ fuq l-għolja”, hu ċar li se jkollna ġrajja ta’ importanza kbira, għaliex fl-Iskrittura l-għolja hi dejjem il-post fejn hemm manifestazzjoni speċjali ta’ Alla jew ġrajja partikulari. Fil-fatt, hawnhekk Ġesù jagħżel it-tnax-l appostlu, u għandna wkoll ismihom f’din is-silta. 

Nixtieq li naraw din is-silta qasira u sabiħa li fiha hemm diversi punti li jolqtu lilna lkoll fil-ħajja tagħna. L-ewwel nett, l-Evanġelju jgħid: “sejjaħ lejh lil dawk li ried” (Mk 3:13). Mhux lil dawk li kienu qaddisin, tajbin ħafna; jew lil dawk li kienu jilħqilhom, jew li kienu bravi; jew li kienu mlaħħqin. Mhux lil dawk li ppreżentaw ruħhom lilu u qalulu “aħna”, imma sejjaħ lil dawk li ried. Hi r-rieda tal-Mulej. Hu misteru kif għażel lil dawn it-tnax, bħalma hu misteru kif jagħżel lilna. Imma hija r-rieda tiegħu.

Meta jgħid għalfejn sejħilhom, l-ewwel ma jsemmi l-Evanġelju hu “biex jibqgħu miegħu” (Mk 3:14). Ara kemm hi sabiħa din, u kemm hi vera! L-ewwel ma xtaq Ġesù minn dawn it-tnax hu li jibqgħu miegħu, qrib tiegħu, fejn ikunu tassew ħbieb tiegħu, u għalhekk hemm din ir-relazzjoni kbira u rabta sħiħa miegħu. Hu għax jibqgħu miegħu li jistgħu jkunu wkoll dawk li jkollhom l-ispirtu tiegħu, li t-tagħlim tiegħu jixorbuh biex jistgħu jgħadduh. Hu meta jibqgħu miegħu li jista’ jkollhom din l-għaqda sħiħa li tant hi meħtieġa għal dawk li Ġesù għażel bħala appostli tiegħu. Nafu l-enfasi li għamel Ġesù kemm-il darba. Niftakru fil-ġrajja meta hu mar għand Marta u Marija. Marta kienet mehdija b’ħafna xogħol – xogħol tajjeb – u Marija niżlet f’riġlejh tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. U Ġesù dak inhar faħħar lil Marija għax għażlet is-sehem it-tajjeb. Għax l-ewwel tibqa’ miegħu, imbagħad taħdem għalih. Nafu wkoll x’qal lid-dixxipli “Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15:4) meta ġab it-tixbiha sabiħa tad-dielja: “Jien d-dielja, intom il-friegħi” (Ġw 15:5). U semma Ġesù: Jekk tibqgħu fija, u jiena fikom, hemmhekk tagħmlu l-frott. L-ewwel: li “jibqgħu miegħu”. Dak li qed jgħid lilna wkoll: l-iktar importanti hu li nibqgħu miegħu.

Imbagħad San Mark jgħid “biex jibgħathom jippritkaw” (Mk 3:14). Din hi l-missjoni tal-kelma, tat-tħabbir tal-Evanġelju, li hi tant importanti. Nafu li Ġesù, fil-fatt, fl-għeluq tal-Evanġelju qabel ma tela’ s-sema, hekk qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Hu importanti li nagħrfu l-missjoni li għandna li nwasslu l-kelma. Inwassluha bid-diskors, imma qabel xejn bix-xhieda tal-ħajja tagħna. Inwasslu din il-kelma li hi kelma li tagħmel tassew ġid.

L-Evanġelju jgħid ukoll: “u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3:15). Dan hu l-eżorċiżmu, jiġifieri il-qawwa li Ġesù ta lill-appostli tiegħu biex ikeċċu x-xitan. Imma tajjeb niftakru li x-xitan mhux biss f’dawk il-każijiet fejn ikun hemm bżonn eżorċiżmu. Ix-xitan l-aktar li jaħdem hu bil-qerq, minn taħt, fejn ma jidhirx, u fejn kultant jippreżentalek tajjeb dak li hu ħażin. Hemm ikun qed jaħdem ix-xitan. U għalhekk “ikollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten” ifisser li jaħdmu kontra dan il-qerq, kontra dak kollu li jfixkel il-kelma ta’ Alla, anke jekk fejn ma jidhirx, b’ingann.

L-Evanġelju jispiċċa billi jagħtina l-lista ta’ dawn l-appostli, dawn it-tnax li għażel Ġesù. Tolqotna kif fl-għeluq ta’ din il-lista, hemm “dak li ttradih” (Mk 3:19). Hekk tispiċċa l-lista. Dan għażilhom hu! U għażel tnax li wieħed minnhom ittradih. Għażel dawk li ħafna minnhom baqgħu fidili lejh sal-martirju, sat-tixrid ta’ demmhom; imma dan ittradih. Hekk tibqa’ l-Knisja. Se jkollok dejjem min jibqa’ fidil sal-aħħar, u se jkun hemm min jittradih lill-Mulej. Hekk għażel it-tnax, hekk kienu fil-bidu, hekk tibqa’.  Nitolbu lill-Mulej l-grazzja li aħna nibqgħu miegħu verament, biex inkunu dawk li ngħix b’fedelta, fidili lejh sal-aħħar, u qatt ma nitraduh

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju