L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-Kelma ta’ Alla llum, tkellimna dwar il-misteru tas-sejħa. Ilkoll nirċievu mingħand Ġesù, mingħand il-Mulej f’ħajjitna. Kemm il-Profeta fil-bidu tal-vokazzjoni tiegħu, l-Profeta Iżaija jħoss li mhuwiex dehen; hekk jiġrilu Pietru; hekk jikkonferma Pawlu. Dawn it-tliet personaġġi li l-Kelma ta’ Alla tlaqna magħhom illum: il-Profeta Iżaija, l-Appostlu Missierna, li mil-lejla nibdew niċċelebraw il-festa patronali tiegħu, u Pietru. Fil-laqgħa tagħhom mal-Mulej iħossu li huma midinbin, iħossu n-nuqqasijiet tagħhom; it-tagħbija tal-passat tagħhom. U l-Mulej, għal darba, darbtejn, tlieta, jinsisti magħhom: ma’ Iżaija, ma’ Pawlu, ma’ Pietru, li jaf min huma; bħalma jaf min aħna lkoll kemm aħna, wieħed wieħed, waħda waħda, jafna; minkejja li jaf, jafdana.
Kemm hi ħaġa sabiħa li tħossok afdat, afdata mill-Mulej! Għaliex se jitlob minna affarijiet li għandhom it-toqol tagħhom. M’ilux iltqajt ma’ isqof u qasam miegħi l-esperjenza tiegħu meta kien qed jitkellem ma’ komunità Nisranija mħeġġa. U qalilhom: ħa ngħidilkom il-vokazzjoni tiegħi. Jiena kont żagħżugħ normali. Ingawdi l-ħajja, ma niddejjaqx bid-divertiment. Kollox kien sew sakemm iltqajt mal-Evanġelju u sfidani li nagħti ħajti. Minn dak il-ħin ħajti saret ikkumplikata ħafna.
Illum nirringrazzjaw lil Alla talli laqqgħana ma’ persuni f’ħajjitna li fil-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù għarfu min huma imma xorta waħda ħassewhom afdati.
Ried jgħidilhom, il-fatt li inti tilqa’ l-istedina tal-Mulej, li tħalli kollox u timxi warajh, ma jfissirx li se jkollok ħajja faċli. Il-Mulej li jafdalek missjoni, li tkun fis-sagrament taż-żwieġ, fis-saċerdozju, fl-attiviżmu għall-ġustizzja soċjali, jew fil-politika, hi x’inhi l-missjoni tiegħek; kun af, li l-ewwel stedina hi li titlaq kollox, li tagħti ħajtek, imma li tafdah. Ma tħallix id-dgħufija tiegħek u wisq inqas il-passat tiegħek, jiġbduk ’l isfel. Imma tilqa’ l-istedina: ‘Itfa’ xbiek fil-fond tal-ħajja tiegħek’, timxix fuq is-superfiċjal, imma tippretendix ukoll li kollox jiġi kif tixtieq.
Intom tgħallmuni: min jidħol għaż-żwieġ, jiġih kollu kif jixtieq? U min jidħol għas-saċerdozju, meta jgħid ‘iva’ lill-isqof tiegħu, ikun jaf x’se jiġri minnu nnifsu? F’liema parti ta’ Malta u tad-dinja se jkun? Imma l-Mulej irid jagħmlilna kuraġġ. Il-kelma tal-Appostlu Missierna, tagħmlilna kuraġġ ukoll: “Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn għax tħabbat ħafna iktar minnhom ilkoll; għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi” (1Kor 15:10).
Mil-lejla nibdew niċċelebraw il-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Madwar is-sena 60WK iltqajna ma’ raġel; ġie fostna ħabsi, għasra mill-għarqa li kważi ra ma’ sħabu l-oħrajn, imma lqajnieh. U meta konna qed nilqgħu lil dan il-ħabsi, sibna l-ħelsien; meta lqajna lil dan ir-raġel imxarrab għasra, sibna l-kenn tal-fejqan. Iltqajna ma’ raġel li kellu l-kuraġġ jgħid, “mhux jien, imma l-grazzja ta’ Alla fija” (1Kor 15:10).
Allura għażiża oħti, għażiż ħija, int fejn int, fil-mixja tal-ħajja tiegħek, għamel kuraġġ. Tħallix id-dgħufija tiegħek, id-dnubiet tiegħek, id-disfatti tiegħek iniżluk ’l isfel. Isma’ lil Ġesù jgħidlek: “tibżax” (Lq 5:10). Isimgħu jafdak, jagħtik il-missjoni, hi x’inhi. Il-lingwaġġ ta’ kull missjoni li jagħtina l-Mulej hi li nitilqu kollox, nagħtu ħajjitna, nafdawh, inħalluh jaħdem.
Dun Victor ħabb lill-poplu. Kemm kien iħobb jirrepeti Dun Victor: ‘tibżax, għamel kuraġġ, taqtax qalbek’! Kienet il-kelma ta’ Ġesù li dwiet fil-qalb ta’ Dun Victor u permezz tiegħu waslet fil-qalb tagħna u ta’ ħafna u ħafna nies.
Ilbieraħ sellimna saċerdot Malti li l-poplu ħabb għax Dun Victor ħabb lill-poplu. Kemm kien iħobb jirrepeti Dun Victor: ‘tibżax, għamel kuraġġ, taqtax qalbek’! Kienet il-kelma ta’ Ġesù li dwiet fil-qalb ta’ Dun Victor u permezz tiegħu waslet fil-qalb tagħna u ta’ ħafna u ħafna nies. Illum nirringrazzjaw lil Alla talli laqqgħana ma’ persuni f’ħajjitna li fil-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù għarfu min huma imma xorta waħda ħassewhom afdati.
“La tibżax, minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5:10). F’dan il-kliem misterjuż ta’ Ġesù lil Pietru hemm l-għerf ta’ mexxej li ma jippretendix li ssir persuna oħra biex tissieħeb miegħu; li jilqa’ d-doni kollha tiegħek, il-baggage kollu tiegħek (kif jgħidu l-Ingliżi) u jużah għall-ġid. Kif jgħidu bl-Ingliż: ‘We are in good hands’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 6:1-2a,3-8
Salm: 137(138):1-2a,2bċ-3,4-5,7ċ-8
Qari II: 1 Kor 15:1-11
L-Evanġelju: Lq 5:1-11