L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ġesù darba qal dan il-kliem: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom” (Mt 11:28-30). Jidher li l-Evanġelju tal-lum fih żewġ esperjenzi ta’ kemm hu veru dan il-kliem: li f’Ġesù nsibu tassew is-serħan ta’ qalbna. Hawnhekk għandna miraklu ġo miraklu. Fil-qalba ta’ dan ir-rakkont, hemm din il-mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxiegħa tad-demm, u li Ġesù jfejjaqha. U fil-bidu tar-rakkont, hemm Ġesù li miexi lejn id-dar ta’ Ġajru, il-kap tas-sinagoga, biex ifejjaq lil bintu; u fl-aħħar imbagħad jgħidulu li kienet mietet, u jmur biex jagħtiha l-ħajja mill-ġdid.

Nixtieq li nħarsu lejn tliet punti partikulari ta’ dan ir-rakkont.

Il-folla

L-ewwel nett, inħarsu lejn il-folla ta’ nies. San Mark jenfasizza li Ġesù kellu madwaru “kotra kbira ta’ nies, u kulħadd iross fuqu”. Meta tqis it-toroq dojoq, qishom tal-Imdina, minn fejn kien għaddej Ġesù u tiftakar li dawn kienu mimlijin nies, kulħadd iross fuq Ġesù, aktar u aktar tifhem x’biċċa xogħol kellha dik il-mara biex tasal sa għandu. Il-folla ma kinitx tgħinha lill-mara biex tasal għand Ġesù; kienet pjuttost ta’ tfixkil għaliha.

Il-folla fil-ħajja qatt mhi l-kriterju ta’ dak li hu tajjeb jew ħażin. Li nimxu mal-folla mhux dejjem hi ħaġa tajba. Tista’ tkun ta’ tfixkil għall-ħajja tagħna. Għalhekk hu importanti li nifhmu l-isforz li għamlet din il-mara biex tofroq il-folla ħa tasal għand Ġesù.

Il-mara

Ħa nħarsu lejn din il-mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati minn din il-kundizzjoni li kellha. Tnax-il sena – daqskemm kellha t-tifla ta’ Ġajru! Meta twieldet din, il-mara kienet diġà qed tbati minn din il-kundizzjoni. Din il-mara mhux biss kienet marida, imma kienet ukoll emarġinata. Hawn fir-rakkont ma joħroġx daqshekk dal-fatt, imma rridu niftakru li fl-Antik Testment hemm li min ikollu din il-kundizzjoni jrid jibqa’ għalih, u lanqas jista’ jmur it-Tempju jew is-sinagoga. Din il-mara mhux biss kienet qed tbati għax marida imma wkoll għax imwarrba. Kienet meqjusa, għal dak iż-żmien, imniġġsa (ara Levitiku 15:25-27). Għalhekk iktar u iktar aħna nammiraw l-isforz li tagħmel u tirraġuna li tmiss imqar it-tarf tal-mantar tiegħu biex tfiq.

Meta aħna nħarsu lejn il-folla, qatt ma nittieħdu mill-mewġa tal-folla biex nimxu magħha, imma li nagħrfu nagħżlu dak li hu tajjeb.

X’naraw f’din il-mara? Il-fidi kbira li Ġesù jista’ jfejjaqha. Lanqas fittxet li tkellmu, li tiltaqa’ miegħu, imma resqet minn wara, u għaliha kien biżżejjed li tmiss il-mantar. Hi din il-fidi msieħba mad-determinazzjoni biex tagħmel xi ħaġa. Faċli rraġunat li hemm folla kbira, inutli, forsi tkun darb’oħra; ma għamlitx hekk il-mara. Il-fidi mhix kontra li aħna nkunu determinati, anzi l-fidi tgħinna biex aħna nkunu determinati biex nagħmlu dak li hu sewwa. Dan jolqotna ħafna f’din il-mara li permezz ta’ hekk setgħet tasal għand Ġesù, tmissu u tfiq.

Ġesù

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Jolqotna – mhix l-ewwel darba din – kif ikun imdawwar b’folla ta’ nies – warajh, quddiemu, maġenbu – imma jitfa’ ħarstu fuq xi ħadd; jew jieqaf biex jgħin persuna waħda. L-ewwel miexi biex imur ifejjaq lil bint Ġajru, imbagħad lil din il-mara. Meta hi messet it-tarf tal-mantar, u Ġesù qal “min messni?” – x’kien l-iskop ta’ Ġesù? Hu ried li lil din il-mara juriha li japprezza l-fidi tagħha, u jerġa’ jgħinha billi jiltaqa’ magħha, biex mhux biss tkun misset il-mantar, imma jkun jista’ jitkellem magħha. Meta Ġesù jgħidilha “binti, il-fidi tiegħek salvatek”, interessanti li dan l-uniku post fl-Evanġelju fejn Ġesù jgħid lil xi ħadd “binti”, dak is-sens ta’ affezzjoni lejn din il-mara.

Lill-mara ried juriha kemm japprezza u jinkoraġġiha fil-fidi tagħha, u lin-nies ried jurihom il-fidi ta’ din il-mara, u kif hi ma għandhiex tkun maqtugħa u mwarrba mis-soċjetà.

Jolqotna Ġesù, bħal dejjem, l-imħabba tiegħu lejn kull bniedem, l-imħabba tiegħu lejn il-ħajja. Dil-mara ma kienet tiswa xejn qalb dik il-folla, imma għal Ġesù kienet tiswa ħafna. Ġesù dejjem għallimna l-imħabba lejn il-bniedem, kemm jekk tfajla ta’ tnax-il sena, kemm jekk mara anzjana marida; kemm jekk hi tifla ta’ xi ħadd magħruf, il-kap tas-sinagoga, u kemm jekk waħda li mhi meqjusa xejn importanti.

Jurina kemm hu importanti li aħna napprezzaw u ngħożżu l-ħajja; il-ħajja umana minn meta tibda, jiġifieri l-ħajja minn qabel it-twelid, anke jekk ikun hemm il-folla li tgħid “ma napprezzahiex il-ħajja ta’ qabel it-twelid”. Aħna mhux mal-folla nimxu, imma nimxu ma’ dak li għallimna Ġesù, li l-ħajja umana hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Hemm diġà ħajja umana. Issa inti tista’ tagħlaq għajnejk, u tgħatti widnejk, u tgħid “ma rridx nara u nisma’ ”, biex taħrab mir-realtà, imma l-ħajja umana hemm qiegħda. Ġesu jgħidilna li l-ħajja għandna ngħożżuha mill-bidu nett tagħha sat-tmiem tagħha – anke meta jkun hemm persuna, bħal din il-mara, li mhi xejn għan-nies imma hi importanti f’għajnejn Alla.

Dan hu messaġġ qawwi li jagħtina llum Ġesù u jurih fil-prattika, kif dejjem wera li hu jgħożż il-ħajja umana f’kull waqt tagħha.

Aħna

Nitolbuh illum, ispirati mill-kelma tiegħu, l-ewwel nett biex meta aħna nħarsu lejn il-folla, qatt ma nittieħdu mill-mewġa tal-folla biex nimxu magħha, imma li nagħrfu nagħżlu dak li hu tajjeb. It-tieni, meta nħarsu lejn din il-mara, nitolbuh li bħalha jkollna dik il-fidi msieħba mad-determinazzjoni biex nagħmlu dak li hemm bżonn. It-tielet, meta nħarsu lejn Ġesù, li bħalu dejjem ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha, u li ngħożżu l-ħajja tassew b’dik l-imħabba, il-kompassjoni u l-qalb kbira li wriena Ġesù.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju