Fil-Knejjes kollha tal-Ewropa, għada se jiġi offrut talb għall-paċi fl-Ukrajna, proprju fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib. F’Malta, l-Arċisqof Scicluna se joffri t-talb waqt il-quddiesa minn Ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta, fejn hemm il-Kurċifiss Mirakoluż.

Din il-ġurnata ta’ talb madwar l-Ewropa se ssir fuq stedina ta’ Mons. Gintaras Grušas, li huwa l-Arċisqof ta’ Vilnius u l-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Ewropej.

L-Adorazzjoni Ewkaristika hija t-talba magħżula għal din l-inizjattiva u tħejjew għajnuniet u skedi ta’ talb għal dan l-appuntament. Waqt it-talba, dawk preżenti jinġabru għarkuptejhom quddiem is-Sagrament biex jitolbu ’l Alla jwassal il-paċi fl-Ukrajna. Dan it-talb se jsir wara l-appell tal-Papa Franġisku li talab lil kull persuna biex “tkun bennej tal-paċi u li titlob li l-ħsibijiet u l-pjanijiet ta’ qbil u rikonċiljazzjoni jinfirxu madwar id-dinja.”

L-isqfijiet Ewropej kemm il-darba ingħaqdu b’vuċi waħda mal-Papa f’appell biex jitwaqqaf l-użu tal-armi, li tieqaf immedjatament il-gwerra fl-Ukrajna u li jiżdiedu l-isforzi favur il-paċi. Għamlu għadd ta’ appelli lill-kapijiet tal-istati u lill-komunità internazzjonali biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex itemmu l-gwerra li qed teqred il-ħajjiet u tikkawża ħafna tbatija.

L-inizjattiva tar-Randan ta’ din is-sena imsejħa il-Katina Ewkaristika, maħluqa biex turi r-rabta mill-qrib tal-Knisja mal-vittmi tal-Covid u l-familji tagħha, din is-sena ħadet ukoll l-opportunità li titlob għall-vittmi tal-gwerra u li titlob għall-paċi fl-Ukrajna.

Fis-sit www.ccee.eu tista’ ssib lista tal-inizjattivi organizzati mill-Konferenzi tal-Isqfijiet kif ukoll għajnuniet għat-talb.

Sors: Newsbook Malta