L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fost in-nies li kienu jkunu kultant f’polemika ma’ Ġesù, fost il-gruppi, kien hemm tnejn partikulari, li kienu l-Fariżej u s-Sadduċej. Il-Fariżej – li nisimgħu iktar bihom – kienu dawk li jridu jwettqu l-ittra tal-Liġi ta’ Alla, imma ħafna drabi kien jinsew l-iktar affarijiet importanti, bħall-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, u nsibu lil Ġesù f’polemika magħhom. Imbagħad kien hemm ukoll is-Sadduċej. Mhux f’kollox kienu jaqblu mal-Fariżej – għalkemm insibuhom jaqblu magħhom biex joqtlu lil Ġesù aktar tard. Hawnhekk qegħdin f’polemika għax kienu jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, filwaqt li l-Fariżej kienu jemmnu.

Għas-Sadduċej il-ħajja kienet tispiċċa mal-mewt, mad-dfin, u daqshekk. Insibu okkażjoni partikulari fl-Atti tal-Appostli, meta Pawlu kien quddiem is-Sinedriju, u nduna li kien hemm kemm xi wħud min-naħa tal-Fariżej u oħrajn min-naħa tas-Sadduċej, u ħaddem rasu u qal lilhom ilkoll: “…għalhekk qiegħed isir ħaqq minni, minħabba t-tama fil-qawmien minn bejn l-imwiet” (Atti 23:6). Dak il-ħin, minħabba dal-kliem ta’ Pawlu, qamet tilwima bejn il-Fariżej u s-Sadduċej, kien hemm storbju sħiħ u s-sessjoni spiċċat hemm.

Alla hu Alla tal-ħajjin

Fl-Evanġelju tal-lum, is-Sadduċej, għax ma kinux jemmnu fil-qawmien mill-imwiet, jivvintaw każ partikulari u jiġu jistaqsu lil Ġesù:  “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh’” (Lq 20:28). Isemmulu l-każ ta’ sebat aħwa li kollha spiċċaw iżżewġu l-armla, billi mietu wieħed wara l-ieħor. Riedu jkunu jafu minn Ġesù din l-armla mart min tkun fil-qawmien mill-imwiet. Imma Ġesù jgħidilhom: fis-sema, fil-ħajja ġdida, mhijiex kwestjoni ta’ żwieġ u mhux żwieġ, imma hemm hija ħajja ġdida li jagħtik Alla fejn l-imħabba tilħaq il-milja tagħha. Alla hu Alla tal-ħajjin (Lq 20:38).

X’inhu l-messaġġ importanti għalina fl-Evanġelju tal-lum? Dak li Ġesù jgħid huwa importanti, jiswa ħafna għalina. Aħna lkoll nistqarru li nemmnu fil-ħajja ta’ dejjem – nagħmluha ftit ieħor fil-Kredu. Imma jista’ jiġrilna li ngħixu qisu ma hemmx. Li ngħixu qisu qegħdin hawn għal numru ta’ snin, min aktar u min inqas, u għalhekk inkunu moħħna u qalbna biss biex ngħixu ż-żmien ta’ hawn bla ħarsa lil hinn minna. B’dan il-mod, inkunu qed ngħixu bħalma kienu jemmnu s-Sadduċej, li għalihom il-ħajja kienet tispiċċa hawn.

Inħejju ruħna f’din il-ħajja

Ġesù, mhux f’din is-silta tal-lum biss, imma kemm-il darba uriena li aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem, u li wara din il-ħajja hemm ħajja ġdida. Aħna nitolbu lill-Mulej li aħna naslu għal din il-ħajja ġdida, u hu, fl-imħabba u fil-ħniena tiegħu, idaħħalna miegħu għal dejjem fis-sema. Imma rridu niftakru fil-ġudizzju, u nagħmlu dan mhux bil-biża’ jew b’ansjetà, imma għax nifhmu li aħna f’din il-ħajja rridu nħejju ruħna tassew għall-ħajja ta’ dejjem.

F’dak il-mument, meta aħna naslu għall-ħajja ta’ dejjem, ma nieħdu xejn magħna minn dak li nkunu ġbarna hawn. Kollox jispiċċa minn dan. Quddiem Alla m’aħniex se mmorru bil-flus, proprjetà u affarijiet materjali li jkollna. Hemmhekk li jgħodd quddiem Alla jkun kemm aħna, fiż-żmien li jagħtina, bl-għajnuna tiegħu ngħixu tassew ir-rieda tiegħu u nħobbu lilu u lill-oħrajn. Li nieħdu magħna mhuwiex li nkunu ġbarna imma li nkunu tajna lill-oħrajn. Meta ngħid “tajna”, mhux biss l-affarijiet materjali, imma l-ħin, it-talenti, id-dedikazzjoni – dak li nkunu għamilna għall-ġid tal-oħrajn b’imħabba kbira. Dak hu li jgħodd. Ġesù kemm-il darba wriena dan: għall-ħajja ta’ dejjem nippreparaw ruħna bil-mod kif ngħixu hawn.

Lejn il-milja tal-imħabba fis-sema

Ġesù dan ifakkarhulna mhux biex aħna nibżgħu jew biex nimtlew b’ansjetà, jew biex noqogħu nhewdnu fuq il-futur, għax dan inħalluh f’idejn Alla. Ifakkarhulna biex aħna nippruvaw li l-ħajja tagħna nagħmluha isbaħ għalina u għall-oħrajn, b’mod li nkunu tassew inħobbu lil Alla bil-qalb u nwasslu din l-imħabba ta’ Alla. Iktar ma ngħixu hekk, nintebhu li l-isbaħ ħaġa fil-ħajja hi li nħobbu u nkunu maħbuba. Dik l-isbaħ esperjenza. Jista’ jkollna ħafna affarijiet, u mumenti sbieħ ta’ soddisfazjon, imma l-isbaħ hi dejjem l-esperjenza tal-imħabba – dik li mbagħad insibu fil-milja tagħha fis-sema pajjiżna.

Nitolbu l-Mulej il-grazzja li hu jqawwi fina l-fidi fil-ħajja ta’ dejjem, fil-qawmien mill-imwiet; u li jgħinna niftakru li għal dan il-mument inħejju ruħna bil-ħajja tagħna f’din id-dinja. Għalhekk nitolbuh jagħtina l-grazzja li l-ħajja ta’ issa aħna nagħmluha ħajja sabiħa u preparazzjoni mill-aħjar għall-ħajja ta’ dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju