• Il‑Ħadd 2 ta’ April 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s‑Sagrament tal‑Qrar, u ċċelebra Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera, bħala parti mill-Viżta Pastorali fil-Parroċċa ta’ Santa Venera.

    Agħfas hawn għal iktar ritratti tal-Viżta Pastorali tal-Arċisqof fil-Parroċċa ta’ Santa Venera. 

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali Santa Venera
    1 ta’ April 2017

    “l-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Hekk qalulha lil Marija, oħt Marta u oħt Lazzru. “ ‘L-Imgħallem hawn qiegħed isejjaħlek’. Dik, malli semgħetha qamet minnufih u marret ħdejn Ġesù” (Ġw 11, 28-29). Marija tgħid lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut” (v. 32). Il-Mulej iħares lejn id-dulur tagħha, lejha “tibki u l-Lhud li ġew magħha jibku wkoll, iħoss ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. ‘Fejn qegħedtuh?’ staqsiehom. ‘Mulej, ejja u ara’. U Ġesù beka” (vv. 33-35).

    Il-bikja ta’ Ġesù hija l-bikja tal-Iben ta’ Alla quddiem il-misteru tal-mewt. Il-bikja ta’ Ġesù hija l-bikja tal-qalb tal-Iben ta’ Alla mimlija kompassjoni, mimlija mogħdrija u ħniena għall-umanità. Dak li jgħidu l-Lhud jgħodd tassew tajjeb għall-Mulej: “ara kemm kien iħobbu” (v. 36). Oħrajn jantiċipaw l-istess kliem ta’ polemika li se nisimgħu ftit tal-ġranet oħra fil-Ġimgħa l-Kbira. “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?” (v. 37). Jekk għandu din is-setgħa kollha, mhux aħjar jużaha biex jgħinna milli jibki magħna?

    Ir-reazzjonijiet għall-bikja ta’ Ġesù huma l-istess reazzjonijiet li aħna għandna bżonn nagħżlu bejniethom aħna u nippreparaw għall-Ġimgħa l-Kbira. L-istedina tiegħi hija li aħna nieqfu u nammiraw l-imħabba li biha ħabbna Ġesù. Fuq kull wieħed minna, aħna nistgħu ngħidu l-kliem: “ara kemm kien iħobbu, ara kemm kien iħobbu”.

    Dak li għamel ma’ Lazzru huwa sinjal tal-qawwa tal-kliem tiegħu. “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (v. 25). Il-mistoqsija li jagħmlilna l-Mulej Ġesù hija dik li għamel lil Marta: “Temmnu inti dan?” (v. 26). Aħna u li tant nipparteċipaw b’devozzjoni f’dawn il-jiem qaddisa tad-Duluri u tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid, nemmnu fil-kliem ta’ Ġesù? “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix”. Għaliex is-sinjal li għamel llum fil-qawmien ta’ Lazzru, irid ikun sinjal għall-fidi tagħna. Irid ikun stedina li ssejħilna biex aħna nintrabtu mal-Mulej Ġesù, u nħalluh jistedinna għall-qawmien tassew.

    “Ħollu l-faxex, ħalluh imur” (v. 44). Il-Mulej Ġesù qed jgħidilna, bħalma qal lill-ħabib tiegħu Lazzru: “oħroġ mill-qabar” tal-vizzji tiegħek, tad-dnub tiegħek u erġa’ ħares lejn il-qawmien għall-ħajja. Ejjew nilqgħu din l-istedina tal-Mulej u nitolbuh biex, permezz tal-Knisja: fil-Qrar u fil-Kelma, hu jħoll il-faxex li jorbtuna, igerbeb il-ġebla li qiegħda tagħlaqna fid-dlam. “L-Imgħallem hawn u qiegħed isejjaħlek”. L-Imgħallem hawn u qiegħed jistiednek għal ħajtek. L-Imgħallem hawn u qiegħed jgħidlek: “jiena Hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix”.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office