-
-
.
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna.
-
Eċċ. President tar-Repubblika, Mrs Vella, għażiża Marija – ippermettili ngħidlek hekk. L-ewwel nett grazzi ħafna tal-kliem entużjażmanti tiegħek u anke tal-kliem ta’ gratitudni tiegħek.
Dan hu dover tal-Knisja f’Malta. L-ewwel dover hu li l-propjetà li ġiet fdata f’idejha tintuża bl-aħjar mod u l-aħjar mod kif tuża l-propjetà huwa għall-ġid komuni. It-tieni għaliex faċli titkellem dwar is-sostenn u l-promozzjoni tal-ħajja mill-bidu tagħha fit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha, imma l-kliem irid jiġi mirfud mill-fatti. U f’din l-għotja ta’ dan il-kumpless li jaf ukoll l-inizjattiva tal-lajċi fil-persuna ta’ Adelaide Cini, mara li kellha viżjoni kbira iżjed minn 100 sena ilu, kuraġġ kbir, ġenerożità kbira – hu ta’ privileġġ għalija li din il-binja li bdiet mill-inizjattiva tal-lajċi fil-Knisja ngħaddiha f’idejn lajċi impenjati bħalkom.
Dawn l-aħħar 30 sena, ippermettili ngħid grazzi lill-Hospice. Hospice tat xhieda ta’ servizz fil-komunità fl-iżjed mumenti diffiċli ta’ ħafna familji u tat xhieda li d-dinjità tal-persuna ma tiġix minn dak li wara kollox ikun frugħa u jgħaddi, imma d-dinjità tal-persuna tiġi mill-fatt li hi jistħoqqilha kull għajnuna fl-iżjed mumenti ta’ vulnerabbiltà, kif għedt inti, Marija.
Jiena għandi l-pjaċir ngħaddilek l-użu ta’ din il-propjetà u fl-istess ħin ningħaqad miegħek biex inħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikun ġeneruż ma’ din l-inizjattiva mhux għax biss hi investiment fil-kura li għandna nagħtu lil xulxin, imma għax hi xhieda konkreta ta’ kemm hi prezzjuża l-ħajja sal-aħħar mument naturali tagħha.
Fil-bidu ta’ Lulju jkolli l-opportunità ta’ kollokju mal-Q.T. il-Papa Franġisku u tkellimna fuq ħafna affarijiet bħas-soltu, u kellimtu wkoll fuq din l-inizjattiva, għax jien niftakar li kienet is-Sena tal-Ħniena meta hu stieden lil kull djoċesi fid-dinja, li tagħmel proġett konkret biex minn ħafna kliem sabiħ ngħaddu għall-fatti, xi ħaġa tipika tal-Papa Franġisku.
U niftakar li kien hemm persuna li kellha diffikultajiet kbar minħabba marda kronika li kienet qed tikkawżalha wġigħ kbir u kienet iċċempilli kważi kull jumejn biex tgħidli: ‘araw x’tagħmlu għax jien ma niflaħx iżjed’. U jien għedt: ‘veru, irrid nara x’nagħmel’. Mhux is-soluzzjoni forsi immedjata li kultant issejjaħli għad-dinja, imma soluzzjoni li timpenjana iżjed fil-profond: dik li kemm jista’ jkun intaffu l-piż ta’ min għandu salib kbir xi jġorr.
U allura nibtet din l-idea u jiena għandi l-prinċipju li jekk hemm knisja m’hemmx għalfejn tibni oħra. Jekk hemm il-Hospice m’hemmx għalfejn tagħmel hospice ieħor. Naf għand min qegħdin nafdaw dik li inti Marija ġustament sejjaħt ġawhra ta’ propjetà. Mhux qed nitkellem biss fuq il- valur ekonomiku imma anke l-valur fl-istorja tal-Knisja kemm nies sabu l-kenn hawnhekk, kemm tfajliet u fl-istorja reċenti anke vittmi ta’ vjolenza domestika li issa sibnielhom dar oħra, biex hawnhekk ikun totalment disponibbli għall-proġett tagħkom, imma hu wkoll ta’ unur għalija li nħoss anke bil-preżenza tiegħek, Eċċ. President tar-Repubblika, is-sostenn tas-soċjetà Maltija għal dak li qegħdin tagħmlu u għal dak li qegħdin nagħmlu llum.
Jiena nawgura li kull min jidħol hawn iħoss li daħal f’dar il-kenn, f’ambjent fejn hu milqugħ mifhum u mgħejjun, f’ambjent fejn iħossu rispettat fid-dinjità tiegħu anke jekk forsi f’għajnejn is-soċjetà ma baqagħlux iżjed x’jagħti imma aħna nemmnu li kull persuna, sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha, għandha valur li m’għandux prezz.
Jien nixtieq nirringrazzjakom u fl-istess ħin nawguralkom. M’aħniex se nħallukom weħidkom għax ma jaqblilniex nħallukom weħidkom. Ejjew flimkien bħala soċjetà naħdmu biex dan il-proġett mhux biss jitlesta imma jirnexxi, u inti taf daqsi wkoll għax meta għedt €3 miljun spejjeż, ftakart fid-dar tal-Providenza li tiġi tiswa daqsekk kull sena, li l-proġett tibdieh u tibnih imma mbagħad trid issostnih. U l-awgurju tiegħi allura hu li jalla sentejn oħra nkunu hawn biex iċ-ċavetta simbolika li se nagħtik, imbagħad tkun xi ħaġa ta’ vera li qed naraw b’għajnejna, imma mbagħad tibda ċ-challenge kbira, li dak li bdejna llum immantnuh. U minħabba dak, biex din il-ħaġa tkun realtà, se jkollna bżonn is-sapport tas-soċjetà, anke tal-Istat, għaliex le, kontinwament għaliex qed nitkellmu fuq vulnerabbiltà li mhu se tħallina qatt. Dan hu servizz li se jkun attwali dejjem u għax attwali, bżonjuż, u għaliex bżonjuż ta’ min jagħmel ħiltu biex jirnexxi.
Nirringrazzjak, u ppermettili issa nippreżentalek muftieħ simboliku.
.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta.
-
-
Ritratt: (xellug) Iċ-chairperson ta’ Hospice Malta Maria Gatt, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, il-President George Vella u martu s-Sa Vella
-
Il-messaġġ tal-President ta’ Malta Dr George Vella
-
L-ewwel nett nilqagħkom hawnhekk u sinċerament wara dak li qalet Mrs Gatt u l-Arċisqof ma tantx hemm wisq xi nkompli nżid, però ħaġa li rrid nagħmel huwa l-fatt li l-preżenza tiegħi hawnhekk flimkien ma’ marti huwa biex wieħed qisu jagħti mhux is-siġill, imma l-approvazzjoni tas-soċjetà ċivili għal dan il-ġest nobbli li qed isir illum. Dan ngħidu b’kunfidenza, b’kunfidenza anke mill-passat tiegħi bħala tabib meta kelli każi fejn naf xi ssarraf il-Hospice, fejn int għandek servizz li hu b’xejn u li naf li għal dan l-aħħar 30 sena ngħata bi mħabba, kompassjoni u anke bi professjonalità.
Il-ġest tal-lum huwa xi ħaġa li jikkonferma l-apprezzament kemm tal-Knisja u kemm anki ’l quddiem mill-Istat ċivili tax-xogħol li qed jagħmlu l-Hospice. Huwa ġust li jkollok post bħal dan, propjetà kbira bħal din li qed tiġi underutilised, mhux qed tiġi utilizzata kemm suppost, li wieħed jgħaddiha biex jara kif se jkabbbar il-proġett u jkun jista’ dak il-ħolm li jkollu jipprova jattwah. U ngħid il-ħolm, għaliex il-Hospice wara daż-żmien kollu tipprovdi dawn is-servizzi kollha, hemm il-proġett li issa jibda jkun hemm anke in-patients, pazjenti li jispiċċaw ikollhom il-bżonn li jidħlu hawn ġew ħalli kif qal l-Eċċ. tiegħu l-Arċisqof, jgħaddu l-aħħar żminijiet ta’ ħajjithom fis-serenità, fil-kwiet u fl-imħabba.
U hawn irrid nagħmel riflessjoni u nagħmilha bħala tabib u anke bħala bniedem li ili nirrifletti ħafna fuqha. Wasal iż-żmien li l-kura paljattiva tibda tingħata iktar u jkun hemm inqas terapija aggressiva għall-pazjenti li jkunu waslu fl-aħħar u li nkunu nafu li ma nistgħu nagħmlulhom xejn iktar. Din hija xi ħaġa li hemm linja diffiċli li tiddefiniha meta twaqqaf dak li taħseb li ħa jirranġa u tmur imbagħad biex taċċetta r-realtà u tgħin lil dak li jkun biex imur lejn il-fini normali tagħna lkoll kemm aħna. Hija xi ħaġa diffiċli biex tiddiskriviha, hemm ħafna kitbiet fuqhom, hemm ħafna min jirrifletti meta u kif u safejn, imma hu fatt li hemm bżonn li nħallu l-pazjenti tagħna, lilna nfusna eventwalment, li nitilqu minn did-dinja bil-kwiet, bid-dinjità u bis-serenità. Il-kura aggressiva li taf li fl-aħħar mill-aħħar mhux se tagħmel mirakli biha, hija fatt li teżisti u jrid ikun hemm l-umiltà tal-professjoni medika li tgħid: ‘jien sa hawnhekk nasal u m’għandix għalfejn immur iktar ’il bogħod minn hekk għaliex naf li mhux se nasal’. Din hi riflessjoni li hi forsi daqsxejn waħda, tidħol anke l-etika morali fiha u medika, imma hi importanti li wieħed jagħmilha.
Dan hu l-ħsieb tal-Hospice: ladarba sar li seta’ bil-mediċina u bl-interventi, ejja ngħinuk ħalli tmur bil-mod. Però mhux li nitkellmu biss għax forsi l-impressjoni hi li dawk il-pazjenti tal-kanċer. Hemm ħafna kawżi oħra li wkoll iwasslu għal dawn il-kundizzjonijiet li mhux neċessarjament il-kanċer imma oħrajn li anke jiddependu mill-ambjent familjari tal-individwu, li hemm min kapaċi jieħu l-kura paljattiva ġewwa daru mdawwar bil-familja, però hemm imbagħad min ma jistax assolutament jaffordja kemm minn ċirkostanzi u anke forsi anke minn spazju li jkun qiegħed ġewwa daru biex jasal għat-tmiem dinjituż tal-persuna umana.
Għalhekk jiena minn qalbi nirringrazzjakom tax-xogħol kollu li għamiltu u nawguralkom li għas-snin li ġejjin dan il-proġett jikber, dan il-proġett jagħti l-frott tiegħu. Jiena nirringrazzja l-Eċċ. Tiegħu l-Arċisqof u l-Kurja għal dal-ġest nobbli, naf żgur li eventwalemnt il-Gvern ukoll jagħti s-sehem tiegħu bħalma anke ħa tagħmlu użu mill-fondi tal-European Social Fund biex tippruvaw tkabbru dal-proġett. Bħalma għedt tajjeb Mrs Gatt dan jinvolvi flus kbar, flus kbar. Però bla ma nkun qiegħed nilgħabha wisq ta’ spiritwali imma kif qal l-Eċċ. Tiegħu jekk wieħed jaqta’ qalbu, kieku l-Istitut li għandna ġewwa s-Siġġiewi tad-Dar tal-Providenza, kieku ma jeżistix. Jgħix, u mhux talli jgħix, talli kont sorpriż meta kont hemmhekk u qalli: ‘aħna żżejjed tagħna ntuh lil ħaddieħor’ minn dak li jirċievu kuljum dawk li huma ħaxix u ikel. Qalli: ‘dak aħna nipprovdu mbagħad lil ħaddieħor’. U bqajt inħares lejh u ħarist kemm kemm ’il fuq biex nipprova nifhem għaliex ma stajtx nifhimha din.
Mingħajr ma ntawwal nirringrazzjakom ta’ din l-okkażjoni tal-lum, nawguralkom ħafna u ħafna suċċess. Naf li ovvjament intom tinvolvu numru kbir ta’ voluntiera, voluntiera li huma professjonisti, carers, il-helpers u għal servizzi li qegħdin taħsbu fuqhom li ħa tkabbru ħa jkollkom bżonn ħafna u ħafna iktar. Però jiena nemmen li meta inti għandek proġett li huwa ġenwin, proġett li diġà ta riżultati dawn is-snin kollha, ħa tattiraw bla ma tridu ħafna, ħafna voluntiera.
U dan wassalni forsi anke għal riflessjoni oħra, riflessjoni li rrealizzajt kemm ili president li indunajt kemm, minkejja l-ħafna diskors li ngħidu għax iż-żgħażagħ ma tantx huma interessati u ż-żgħażagħ sfrattati, l-ammont ta’ żgħażagħ li hawn, li huma kommessi għall-volontarjat. U jekk kemm-il darba jaraw triq li hi dritta, triq li qed tagħti riżultati, jiena konvint li mhux qed ngħid bla sforz, imma ovvjament tattiraw bla dubju ħafna minn dawk in-nies li qed ifittxu fejn ħa jagħtu kontribut, għaliex minkejja li naħsbu li d-dinja hi kollha marterjali llum l-ġurnata, għad hawn min ifittex dak is-solliev, dak il-gost li qed jagħmel xi ħaġa li għalkemm mhux qed jitħallas, imma qed ittih ċertu sodifazzjon intern. U jien nemmen li meta wieħed jagħti l-eżempju qed jissettja t-triq bla dubju ta’ xejn ħa jkun hemm min jiffollowjakom. Mill-ġdid nawguralkom, naf li dħaltu bħalma qal l-Eċċ. Tiegħu Arċisqof deħlin għal biċċa għadma iebsa, kif jgħid il-Malti però bil-kuraġġ u bit-tenaċità li wrejtu f’dawn it-30 sena li għaddew, konvint li tagħmlu suċċess fil-futur. Nirringrazzjakom.
-
-
Il-messaġġ Maria Gatt, chairperson ta’ Hospice Malta
-
Eċċellenza Tiegħek President Dr George Vella
Eċċellenza Tiegħek Monsinjur Arċisqof,
Sinjura Vella,
Sinjuri distinti, kollegi u ħbieb,Insellmilkom!
F’isem Hospice nilqagħkom għal din il-konferenza stampa fl-okkażjoni tat-trasferiment formali ta’ Adelaide Cini Institute. Okkażjoni li ħafna minna tant ilna nistennew.
Kien propju erba’ snin ilu meta Mons. Arċisqof esprima pubblikament ix-xewqa tiegħu li l-ħajja ta’ kull wieħed minna tiġi rispettata tul il-kors kollu tal-ħajja naturali. Dan kien jaqbel perfettament mal-missjoni tagħna li noffru għajnuna paljattiva sħiħa mogħtija b’għożża, dinjità u fuq kollox bi mħabba. Din l-għajnuna ilha tingħata mill-Hospice eżattament 30 sena mit-twaqqif tagħna, u tul dawn is-snin kollha ngħatat lil eluf ta’ pazjenti li minħabba kundizzjonijet ta’ mard kroniku serju jkollhom bżonnijiet speċjali. Bżonnijiet li l-istaff tagħna jagħraf kif ikun l-aħjar mod li jiġu indirizzati.
Meta ltqajna l-ewwel darba, stajna nispjegaw id-diversità tas-servizzi tal-Hospice u kemm dawn setgħu jiġu estiżi lil numru akbar ta’ familji Maltin u Għawdxin, li kieku kellu jkollna sit akbar u aktar attrezzat. Sit denju minn fejn nkunu nistgħu nkabbru l-għarfien u t-tagħlim tal-missjoni tagħna.
Mid-dar preżenti f’Ħal Balzan, aħna jirnexxielna nilħqu madwar 800 familja ġdida kull sena. Dan permezz ta’ viżti regolari li jsiru minn diversi membri tal-istaff fid-dar tal-pazjent. Mal-200 pazjent oħra jattendu regolari d-Day Therapy Unit għal attivitajiet soċjali u oħrajn marbuta ma’ sapport ta’ fiżjoterapija u kumplimentari. Servizzi oħra mogħtija jinkludu dawk ta’ respite care, self ta’ equipment u sessjonijiet regolari ta’ bereavment services lill-familjari li jkunu għaddew mit-telfa tal-għeżież tagħhom.
Bi tmexxija f’idejna ta’ Cini Institute il-miri tagħna huma ferm akbar!
Konxji mid-domanda sfortunata imma reali għax in-numru ta’ nies li jbatu minn kundizzjonijiet serji qiegħda dejjem tikber, aħna qed nippjanaw li nifirxu aktar servizzi lil popolazzjoni akbar.
F’St Michael Hospice, imsejjes fuq l-aqwa prattiċi ta’ kura paljattiva, ser inkunu nistgħu nestendu s-servizzi li jingħataw illum u nintroduċu ħafna oħrajn ġodda. Servizzi ħolistiċi u tal-għola livell mogħtija 24 siegha kuljum. B’hekk inkunu qed ngħinu biex aktar familji jkollhom sapport aħjar, li jħallihom igawdu l-għeżież tagħhom għal perjodi itwal id-dar u allura inqas riferiment għal sptar.
F’sitwazzjonijiet fejn il-pazjent ma jkunx jista’ jinżamm id-dar għal xi raġuni jew oħra allura l-ispazju u l-ambjent ta’ St Michael Hospice se jkunu ta’ suffraġju kbir. Mibni fuq medda ta’ 11-il tomna art, li jinkludu ġonna vasti fejn il-pazjent jista’ jinħareġ direttament bis-sodda b’kollox biex igawdi mill-arja ta’ barra, il-kumpless ser joffri l-aħjar ambjent tul dawn il-ġranet vulnerabbli.
Ambjent seren u trankwill minn fejn l-għajnuna tista’ tingħata b’rispett u dinjità tul il-vjaġġ kollu tal-ħajja.
Kull wieħed u waħda minna żgur konxji mill-fatt li nistgħu, ta’ kwalunkwe età, imissna mard serju. U jekk mhux aħna xi ħadd mill-familjari jew ħbieb tagħna. Pereżempju, huwa fatt magħruf xjentifikament li 1 minn kull 3 tal-popolazzjoni darba jew oħra jimirdu bil-cancer.
Forsi dawn il-figuri mhumiex xi ħaġa li xtaqtu tisimgħu llum. Imma qed ngħiduhom biex naqsmu magħkom il-ħeġġa tagħna li dan il-proġett ta’ St Michael Hospice, fuq art Maltija, nattwawh tul dawn is-sentejn li ġejjin għal benefiċċju ta’ eluf u eluf Maltin u Għawdxin. Il-permessi tal-bini ngħataw lilna f’Ġunju li għadda u x-xogħlijiet diġà bdew.
Perswazi li tifhmu l-bżonnijiet kbar tagħna għall-fondi finanzjarji. Il-bidla ta’ Cini Institute f’St Michael Hospice se tiswielna flus kbar! L-ispiża kurrenti tagħna ta’ miljun ser taqbeż għal €3 miljuni fis-sena!
Għandna bżonn fondi… u aktar fondi speċjalment għax is-servizzi tagħna jingħataw kollha bla ħlas!
Aħna fiduċjużi fil-qalb kbira tal-poplu tagħna imma s-sorsi ta’ fondi li għandna bżonn jiżbqu kull livell ta’ għajnuna fejjieda u karittattiva ta’ ħafna individwi.
Ser ikun hemm bżonnijiet kbar li jġagħluna nirrikorru għal fondi pubbliċi u dawk privati minn diversi entitajiet kummerċjali. Dawn l-isforzi diġà bdejna nagħmluhom u bi pjaċir ngħid li numru zgħir fehmuna u aċċettaw l-istedina tagħna li jerfgħu biċċa mill-piz finanzjarju tal-proġett. U minn hawn nixtieq nirringrazzjahom!
Nixtieq fuq kollox f’isem sħabi fuq il-Kunsill Amministrattiv, nirringrazzja lill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Arċisqof u l-Arcidjoċesi tal-fiduċja li wrew fil-ħidma tagħna u r-rikonoxximent tagħhom meta qed jgħaddu f’idejna din il-ġawhra ta’ propjetà.
Ħajr kbir ukoll jixraq lil tant benefatturi ġenerużi, tant voluntiera li b’qalb kbira jagħtu l-ħin tagħhom, lill-impjegati ħabrieka tagħna u lil dawk kollha li jaħdmu minn wara l-kwinti.
It-triq li baqa’ biex naslu hija twila u l-isfidi li qed niffaċjaw huma ħafna. Imma l-għan huwa wieħed nobbli u nemmnu li ser naslu.
Għalik, għalija… għalina lkoll!