L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!” (Mk 5:8) Dan hu li Ġesù jgħid lil dan il-bniedem, kif rajna fl-Evanġelju llum. Huwa każ ta’ Ġesù li jeħles lil dan il-bniedem mill-ispirtu ħażin, anzi minn spirti ħżiena fih. Ġesù kien għadu kif qasam il-baħar bid-dgħajsa, u ġie n-naħa l-oħra flimkien mad-dixxipli tiegħu. U mal-ewwel jersaq fuqu dal-bniedem. Nafu li Ġesù, bħalma għamel f’ċirkustanzi oħra, l-ewwel ħaġa li jagħmel hu li lil dal-bniedem jeħilsu mill-ispirti ħżiena ta’ ġo fih.

Nixtieq li nħarsu ftit lejn din il-ġrajja, u naraw dak li tgħidilna għall-ħajja tagħna llum. L-ewwel nett, l-ispirti ħżiena – il-preżenza tal-ħażen, tax-xitan, iġġib dejjem ħsara. Araw kif lil dan il-bniedem irriduċietu. Sar bniedem mingħajr dinjità, jagħmel ħsara lilu nnifsu – “iqatta’ ġismu biż-żrar” (Mk 5:5) – jgħix fl-oqbra. In-nies ippruvaw iżommuh, imma anke hemm ma rnexxilhomx. Ix-xkiel u l-ktajjen kien ikissirhom ukoll. Dal-bniedem, minħabba x-xitan, minħabba l-ispirti ħżiena fih, dawn ġabulu ħsara kbira f’ħajtu. Mhux lilu biss, imma anke lin-nies ta’ madwaru. Hawnhekk jgħid fir-rakkont kif kien ta’ preokkupazzjoni anke għan-nies li kienu jgħixu hemmhekk. U biex tiġi enfasizzata din il-ħsara, naraw x’ġaralhom il-qżieqeż. Appena daħlu fihom l-ispirti ħżiena, dawn intefgħu fil-baħar u għerqu.

Dejjem għandna dan il-messaġġ importanti: li l-ispirti ħżiena jagħmlu fina ħsara kbira. Fina personali, fil-komunità, fl-ambjent ta’ madwarna, dejjem iġibu l-ħsara. Meta nitkellmu fuq il-preżenza tax-xitan, irridu niftakru li x-xitan mhuwiex biss f’dawk il-każijiet, bħal dan, fejn hu ovvju minn barra li hemm il-preżenza tiegħu. Imma x-xitan hu preżenti wkoll minn taħt, bil-qerq. Fil-fatt, l-ikbar ħidma tiegħu hija proprju fejn ma jidhirx: bl-ingann. Li lilek iġiegħlek taħseb li ħaġa hi tajba u fil-fatt tkun ħażina. Għalhekk jingannak. 

Hemm hija l-akbar preżenza tiegħu, u għalhekk aħna rridu noqogħdu attenti mhux biss meta jkun hemm każijiet bħal dawn – li mhumiex daqshekk frekwenti – imma dak li jagħmel minn taħt fina, jew madwarna, jew f’nies oħra, li jġib biss ħsara. L-ispirti ħżiena – l-ispirtu tal-mibegħda, tal-egoiżmu, tal-vendetta, tal-kunflitt, ta’ diviżjoni. Hemm ikun qed jaħdem ix-xitan permezz ta’ dawn l-ispirti ħżiena li kultant ikunu fina u madwarna. Għalhekk irridu noqogħdu dejjem attenti speċjalment mill-qerq tax-xitan.   

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Nindunaw kif Ġesù, kull darba li jkun preżenti, naraw preżenza li teħles lill-bniedem. Hawnhekk, l-ewwel ħaġa li jagħmel hu li ħelsu lil dal-bniedem mill-ispirti ħżiena. Għax il-preżenza tiegħu hi dejjem ta’ imħabba kbira. B’din l-imħabba hu jegħleb il-ħażen u jġib il-ħelsien. Araw x’bidla saret f’dan il-bniedem. Filli qed naqraw fil-bidu fuq il-ħsara li kien jagħmel lilu nnifsu, u l-ħsara li kien jagħmel lill-oħrajn ukoll, li ma kellhomx kwiet minħabba fih. Meta Ġesù ħelsu mill-ispirti ħżiena, sar bniedem li rawh “bilqiegħda, liebes u moħħu f’siktu” (Mk 5:15). Mhux hekk biss. Imma kellu ħerqa li jimxi wara Ġesù. U Ġesù jgħidlu: le, tiġix miegħi, “imma mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kulma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik” (Mk 5:19). U dan jispiċċa appostlu ta’ Ġesù, għaliex imur ixandar mad-Dekapoli dak li għamel miegħu Ġesù. Araw x’bidla seħħet meta Ġesù lil dal-bniedem tah il-ħelsien.

Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna dejjem nagħrfuh bħala dak li lilna jsalvana, li lilna jeħlisna, li lilna jgħinna biex neħilsu mill-ispirti ħżiena li f’ħajjitna jżommuna mxekklin, marbutin – biex nistgħu ngħixu tassew, bil-qawwa ta’ Ġesù, bħala wlied ħielsa ta’ Alla. U nitolbuh ukoll talba li hi l-kontra ta’ dik li għamlu n-nies hawnhekk.  Innutaw dik is-sentenza li ġġiblek swied ta’ qalb, meta wara dan kollu “bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom” (Mk 5:17). Għaliex? Għax dawn baqgħu bil-biża’, effett tal-preżenza tax-xitan li jxerred il-biża’, “miblugħin bil-biża’” (Mk 5:15). Għalhekk qalulu: aħjar titlaq! Flok raw il-ġid li għamel, li dejjem tagħmel il-preżenza tiegħu, qalulu biex iwarrab. It-talba tagħna tkun: Mulej, għinna biex inti tkun dak li lilna teħlisna. Nitolbuh: ibqa’ magħna, twarrabx minn ħajjitna, twarrabx minn pajjiżna. 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju