• ***

    Direttur: Fede Alvarez

    Atturi: Jane Levy, Stephen Lang, Dylan Minette, Daniel Zovatto,  Franciska Torocsik, Emma Bercovici, Christian Zagia, Katia Bokor u Sergej Onopko

    Ħin tal-Film: 88 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

    Rocky, Alex u Money, tlett iħbieb delinkwenti minn Detroit, jgħixu minn fuq id-dħul li jdaħħlu minn serq li kienu jagħmlu mid-djar. Sfortunatament dik il-persuna li kienet tixtri minn għandhom dak li kienu jisirqu, ma tantx kienet  itihom prezz tajjeb. Rocky kienet ħafna tixtieq li minn dak li kienet idaħħal, xi darba tmur lejn California u magħha tieħu lil oħta Diddy biex b’hekk toħroġ mill-ambjent tad-dar li kienet tgħix fih.  Money jirċievi nformazzjoni li ġewwa parti tal-belt li kienet kwazi ġiet abbandunata, kien hemm jgħix waħdu suldat veteran li dan l-aħħar kien rebaħ $300,000 bħala kumpens meta Cindy Roberts kienet qatlet lil bintu f’inċident stradali. It-tlett iħbieb jiddeċiedu li jidħlu u jisirqu minn din id-dar wara li studjaw il-qagħda. L-għan tagħhom kien li jagħmlu dan bil-lejl. Kif jasal il-lejl miftieħem , l-ewwel ħaġa li jagħmlu hu li jiddrogaw lill-kelb veroċi li s-sid tad-dar kellu. Wara li Rocky jirnexxielha tidħol id-dar minn tieqa ċkejkna u tgħin lil oħrajn jidħlu mill-bieb ta’ barra wara li  tfiet l-allarm,  it-tlieta jibdew it-tfittxija għall-flus.  Meta Money spara lejn is-serratura li kienet issakkar bieb, l-isparatura tqajjem l-anżjan li għal  kemm kien agħma,  niżel isfel biex jara x’ġara u hawn jiltaqa’ ma’ Money. L-anżjan jattakka lil Money  u anke joqtlu bl-istess arma li kien uża biex fetaħ il-bieb. Rocky tistaħba fil-kamra tal-banju. L-anżjan jidħol fil-kamra tal-banju biex jiċċekkja s-sejf fejn kien ħeba l-flus u għalhekk Rocky isir taf fejn kienu jinsabu l-flus. Rocky u Alex jisirqu l-flus. Iżda l-istorja ma tispiċċax hawn. L-anżjan jintebaħ li wara kollox ma kienx wieħed biss li daħal fid-dar iżda  kien hemm tnejn oħra. Riżultat ta’ din is-sejba, l-anzjan jissiggila d-dar. Minn fejn Rocky u Alex setgħu joħorġu minn hemm mingħajr ma jiltaqgħu mal-anżzjan li jinduna li l-flus ma kienux iktar fis-sejf. X’jigri minn hawn?

    Film tal-biża’ Amerikan taħt id-direzzjoni ta’ Fede Alvarez u kitba ta’ Alvarez u Rodo Sayagues, ilaqqgħana ma’ tlett delinkwenti f’attentat ta’ serqa li marret żmerċ għal kollox. Minħabba vjolenza, qtil vjolenti, kliem goff kif ukoll imġieb perversa u  xena ta’ attakk sesswali eċċentrika, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax –il sena.