L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħa nieqaf ftit fuq din it-talba li saċerdot jgħid wara li jkun qarha l-Evanġelju. Aħna s-saċerdoti ngħiduha minn taħt l-ilsien. Intom ħafna drabi tisimgħuni ngħid it-talb minn taħt l-ilsien, u jinstema’ ħafna, għax ma tantx ikun minn taħt l-ilsien. Waħda minn dawn it-talbiet sbieħ li s-saċerdot jgħid hi din li għadni kif għidt: ‘Bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn ħtijietna’. Kemm hi talba sabiħa tal-Knisja. Kważi hi talba, u qed tgħid ukoll x’jiġri. Dik li ngħidulha talba indikattiva: ‘Bit-tagħlim tal-Evanġelju jalla nitnaddfu minn ħtijietna’; imma wkoll it-tagħlim tal-Evanġelju jnaddafna minn ħtijietna. Kif? Billi jisfidana, iniggiżna xi ftit, bħalma qed jagħmel Ġesù llum.

Ir-Randan hu żmien sabiħ jekk neħduh, kif jixtiequ Ġesù għalina; żmien ta’ tiġdid. Jekk inti tgħid: ‘Uff xi dwejjaq din il-penitenza kollha. Uff xi dwejjaq dan it-tagħkis. Uff xi dwejjaq’. Jekk tieħdu hekk ir-Randan, minflok żmien qasir, jiġi donnu ma jispiċċa qatt. Diġà l-Knisja fl-għerf tagħha, il-Ħadd tagħtina pawsa żgħira mill-penitenza. Għax fit-tradizzjoni Kattolika, il-Ħdud tar-Randan, mhumiex jiem ta’ penitenza. Aħna nibqgħu niċċelebraw il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet; anke fil-Ħdud tar-Randan, avolja ma nkantawx l-Hallelujah, u avolja ma ngħidux il-Glorja; avolja s-saċerdot jilbes il-kulur vjola, għax hu żmien ta’ penitenza. Il-Ħadd dejjem jibqa’ t-tifkira tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.

Ġesù llum qed jagħtina riċetta li tniggiżna fil-laħam il-ħaj. Trid tiġi warajja? Trid tħallas prezz ħabib, m’hemm xejn bl-irħis. ‘Tiċħad lilek innifsek’, xi tfisser? Min jaf kemm egoiżmi kbar u żgħar, hemm bżonn inrażżnu; anke għall-ġid tagħna nnfusna. Għax aħna mingħalina li vizzju se jagħtina pjaċir u jgħaddi, u jkun qed ikissirna. Il-Mulej li jixtiqilna l-ġid veru qed jgħidilna: rażżan ftit, ħa jkollok ħajja twila, ħajja ta’ vera.

Ir-Randan hu żmien sabiħ jekk neħduh, kif jixtiequ Ġesù għalina; żmien ta’ tiġdid

‘Terfa’ salibek’: Hemm affarijiet li ma nistax nibdilhom, la int u lanqas jien. Mhux aħjar inġorruhom bil-kalma? Għax kieku tibda titlef il-mirra għal kull ħaġa ta’ xejn, il-ġurnata tibda bl-għawġ u tkompli. Jgħaddi ż-żmien u tibda daqqa ‘ajma’ ’l hawn u daqqa ‘aħħ’ ’l hemm; u daqqa tilwi sieqek; u daqqa tuġgħak snienek. Niftakar dejjem f’parir li kien ta San Ġwann Bosco lil Domenico Savio. Domenico Savio, kien għadu tfajjel ċkejken (meta miet kien għadu tifel) kien qed jisma’ u jaqra l-ħajjiet tal-qaddisin, u kemm għamlu affarijiet kbar għal Ġesù; u kellu din il-ħeġġa li jagħmel ħafna penitenzi. San Ġwann Bosco qallu: ‘Domenico Savio, jiena ma rridekx tivvinta l-penitenzi. Ħa ngħidlek x’tagħmel: meta jkun il-bard, ħu paċenzja; meta tkun is-sħana, ħu paċenzja; biżżejjed għalik’. Domenico Savio, minn qaddis kbir, li hu San Ġwann Bosco, tgħallem jilqa’ l-ġurnata bil-piż tagħha, u jgħix ferħan. Għax inti tgħid: ‘isma’, nerfa’ dan is-salib’. Min jaf kemm hemm nies qed jisimgħuni, qegħdin f’qiegħ ta’ sodda, jew qed iduru b’min qiegħed f’qiegħ ta’ sodda u tgħidlu: ‘Sinjur, jien mhux se nagħmel ħafna kurunelli llum, ser noffrilek dan’. Dik mhux talba kbira u biżżejjed?

‘Nimxu wara Ġesù’: Ġesù dak li jitlobna, jagħmlu hu l-ewwel wieħed għalina. Għalhekk jgħidilna “imxu warajja” (Lq 9:23). Għalhekk juża dik il-kelma: “jerfa’ salibu” (Lq 9:23). Din mhux xi ħaġa qalha u kitibha, imma għamilha. Ġie l-mument tal-Ġimgħa l-Kbira, meta għabbejnieh bis-salib u refgħu. “Rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna” (Iż 53:4). “Hu tgħabba bi dnubietna” (1 Pt 2:24) – mhux tiegħu, tagħna; tiegħi u tiegħek. Għax l-imħabba hekk tagħmel.

Meta jitlobna ‘nitilfu ħajjitna’. Dan id-diskors jidher stramb ħafna. Titlef ħajtek? Aħna niġġieldu biex nibqgħu ngħixu minuta iżjed. Jiena wkoll lil Ġesù, ġieli għidtilkom din it-talba, għiduhielu wkoll: ‘Meta trid, imma m’iniex mgħaġġel’. Inħobb ngħidhielu din it-talba. Aħna nixtiequ li ngawdu l-ħajja, ngħixu fit-tul; ovvjament nixtiequ li jkollna ħajja mhux tat-tbatija għax kulħadd jibża’ mit-tbatija; anke Ġesù beża’ mit-tbatija. Imma juża kelma li fiha s-sigriet ta’ kollox, meta jgħid: “min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi” (Lq 9:24). Hemmhekk hemm is-sigriet ta’ kollox, anke fir-Randan. Jekk tagħmel xi ħaġa għall-imħabba, it-togħma tinbidel. Ara l-omm qed tieħu ħsieb lil binha; ara l-għarus jieħu paċenzja bl-għarusa, mhux għax iħobbha? U hi tieħu paċenzja bih, mhux għax tħobbu? Kieku jkunu ilhom li tajru lil xulxin. Ġesù jitlobna din il-ħaġa, u niftakruha f’dan ir-Randan: ‘għall-imħabba’. Għall-imħabba tal-Mulej, u tal-proxxmu, li fih naraw ix-xbieha ta’ Ġesù. B’hekk, it-tagħlim tal-Evanġelju, tassew inaddafna minn ħtijietna.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Dewt 30:15-20
Salm: 1:1-2,3,4,6
L-Evanġelju: Lq 9:22-25