L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
It-tliet Evanġelji li se naqraw fil-Ħdud li ġejjin, inkluż dan, huma kollha meħudin mill-Evanġelju skont San Ġwann. Jgħidulna xi ħaġa fuq min hu Ġesù, xi ħaġa milli jgħid hu stess fuqu nnifsu. “Jiena naf li ġej il-Messija, dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna” (Ġw 4:25), hekk tgħid il-mara Samaritana, li kellha ħamest irġiel, imma dak li kienet miegħu, lanqas hu ma kien ir-raġel tagħha. U Ġesù qalilha: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek” (Ġw 4:26). Mela l-ewwel messaġġ importanti f’dan l-Evanġelju, li mill-antik kien jinqara lil ħutna li kienu jixtiequ jsiru Nsara, bħalma aħna Nsara, hu li jagħrfu, li Ġesù hu l-Messija. F’dan l-Evanġelju Ġesù jiddikjara ċar u tond: “Jiena hu” (Ġw 4:26), jien l-Messija.
Bħala Messija jrid ifehemna li ma ġiex bħala mexxej politiku, kif stennewh in-nies ta’ żmienu, imma xi ħadd li jista’ joffri xi ħaġa li twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Illum f’dan l-Evanġelju, Ġesù juża ix-xbieha tal-ilma. Ħin minnhom imur ħdejn il-bir ta’ Ġakobb f’Sikar, u lil din il-mara Samaritana jitlobha tagħtih jixrob. Ejjew niftakru li fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù fuq is-Salib ukoll jgħid: “Għandi l-għatx” (Ġw19:28). U llum ukoll, ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, Ġesù jħossu bil-għatx, jitlob l-ilma lil din il-mara, li ssib diffikultà li tagħtih l-ilma għax hu Lhudi, u hi Samaritana. Imma mbagħad jgħidilha kelma, li għandna bżonn nisimgħuha, mhux biss dawk ħutna li qed jippreparaw għall-magħmudija, imma għalina wkoll: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj” (Ġw 4:10).

Ġesù jibda mill-ilma li jista’ jixrob u jasal biex iwiegħed lil din il-mara ilma ħaj: “kieku kont taf id-don ta’ Alla” (Ġw 4:10). Kieku kont taf kemm Alla jħobbok; kieku kont taf kemm Alla jixtieqlek il-ġid; kieku kont taf li Alla qed iħejji għalik destin sabiħ fil-ġenna, u jagħtik il-paċi hawnhekk. U din hi l-istedina li nagħmlu lil ħutna, dawn id-39 raġel u mara, li talbu li jsiru Nsara bħalna. Aħna sirna Nsara trabi. Kienet id-deċiżjoni għażiża tal-ġenituri tagħna li permezz tagħha sirna Nsara. Dawn l-irġiel u nisa, f’Sibt il-Għid, se jsiru Nsara għax iridu huma. U l-Knisja llum qiegħda tgħidilhom, u qed tgħid lilna wkoll: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla” (Ġw 4:10).
Nistaqsu lilna nfusna l-aħwa: aħna lkoll kemm aħna, ilna ftit Insara – mit-twelid. Imma aħna napprezzaw id-don ta’ Alla? Dan l-ilma ħaj, li huwa l-imħabba ta’ Alla, il-maħfra ta’ Alla, li jagħti togħma? Meta tkun bil-għatx tifhem l-ilma; meta tkun bil-ġuħ, tifhem x’inhi loqma ħobż. Għax jekk ma jkollokx għatx u jekk ma jkollokx ġuħ, ma tistax tapprezza x’inhu l-ilma, ma tistax tapprezza x’inhi loqma ħobż. L-Evanġelju tal-lum, smajtu bħali, jissemma l-ilma u jissemma l-ħobż.
F’ħin minnhom “id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: ‘Rabbi, kul!” (Ġw 4:31). Iżda Ġesù qalilhom ‘mhux dak l-ikel tiegħi’. Ġesù kontinwament jaqbad l-element uman. Hu d-diskors tiegħu, il-Kelma tiegħu, li twassalna għal xi ħaġa aqwa. Hu Ġesù qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih” (Ġw 4:32). “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fi tmiem l-opra tiegħu” (Ġw 4:34). Dan hu wkoll messaġġ importanti għal ħutna u għalina. Aħna li għandna l-għatx għall-imħabba ta’ Alla, imma lesti li nagħmlu dak li jgħidilna? Ġesù ma jgħidilniex b’mod indirett imma jagħtina l-eżempju. “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni” (Ġw 4:34). Dik il-mara li qaltlu agħtini nixrob, qalilha: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn” (Ġw 4:17). X’inhu jgħidilha: inti tista’ tixrob mill-ilma ħaj imma trid tagħmel l-eżami tal-kuxjenza ta’ f’liema stat qiegħed jew qiegħda. Għax ‘l-ilma ħaj’ ifisser ukoll li ħajjitna ngħixuha ta’ nies.

Din il-mara b’ħajja kkumplikata ħafna ssir xhud ta’ Ġesù. Lil niesha tgħidilhom: “Ejjew araw bniedem li qalli kulma għamilt. Tgħid dan il-Messija?” (Ġw 4:29). Din tagħmlilna kuraġġ l-aħwa, għax Ġesù jagħżel lil din il-mara b’ħajja kkumplikata. Lilha għażel biex tkun ix-xhud tiegħu mas-Samaritani. Imbagħad wara li għamlu esperjenza ta’ Ġesù, għax hu għamel jumejn magħhom, jgħidulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja” (Ġw 4:42). Għax smajna l-Kelma tiegħu, u ndunajna li jitkellem mill-qalb. Li mhux paroli biss, imma qed jgħix dak li qed jgħid. L-Evanġelju jispiċċa b’titlu sabiħ: “Dan hu s-salvatur tad-dinja” (Ġw 4:42). Kull ġimgħa se nisimgħu titlu sabiħ dwar Ġesù. F’dan l-Evanġelju Ġesù jammetti li “Jiena Hu” (Ġw 4:26) l-Messija; u s-Samaritani, li ma kinux Lhud, jagħtuna t-titlu sabiħ ta’ Ġesù: “Dan hu s-salvatur tad-dinja” (Ġw 4:42).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 17:3-7
Responsorju: Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
Qari II: Rum 5:1-2,5-8
L-Evanġelju: Ġw 4:5-42





