-
-
Is‑Sibt 7 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għall‑koppji li żżewġu fl‑2016, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta. Il‑Quddiesa kienet organizzata mill‑Moviment ta’ Kana.
Click here to see all photos of the Celebration of Mass.The Celebration of Mass on YouTube
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
7 ta’ Jannar 2017Iltqajna fil-festa tal-Epifanija; il-kelma Epifanija mill-Grieg tfisser li xi ħaġa tidwi ma’ kullimkien, epiphaneia. Hekk għandha tkun ukoll l-esperjenza tas-sagrament li tajtu lil xulxin.
Fiż-żwieġ Nisrani l-koppja li tasal għas-sagrament taż-żwieġ, tagħti s-sagrament lil xulxin. Is-sagrament huwa sinjal li jagħmel dak li jwiegħed; fil-każ tas-sagrament li intom iċċelebrajtu u li qegħdin tgħixu bħala l-vokazzjoni tagħkom, il-Mulej irid juri lid-dinja kemm iħobbha, irid juri lill-umanità kemm iħobbha. Fikom hemm ukoll epifanija tal-imħabba tal-Mulej għall-bnedmin kollha. Meta jkollkom xi tgħidu – mhux qed ngħid tittappan – u ġeneralment bejn il-maħbubin ikun hemm kuljum xi argument ċkejken imbagħad jgħaddi – nawguralkom li anke dik ikun espressjoni ta’ mħabba. “Kemm domt ma ġejt?” “Fejn kont?” “Dik il-minestra ma stajtx tħallieha naqra iżjed fuq in-nar?”. U ħafna drabi, ta’ bnedmin li aħna, nieħdu għalina għal xi kumment ċkejken li ħafna drabi jkun ġej minn imħabba kbira, mhux għax qed tieħdu lil xulxin for granted imma għax komdi tassew ma’ xulxin.
Meta ngħidilkom li intom ‘l-epifanija tal-imħabba ta’ Alla’, ma jfissirx li kollox se jkun ward u żgħar għax il-ħajja fiha ħafna staġuni, bħall-ġurnata tal-lum li hija importanti. Is-sena li għaddiet ma tantx kellna ġranet bħal tal-lum. Qaluli: “is-siġar ma setgħux jistrieħu”, allura mbagħad rajnih il-frott ma kienx daqshekk kwantitattiv, għax kollox għandu l-istaġun tiegħu u kull staġun għandu, jekk mhux is-sabiħ, l-utilità tiegħu. Hekk ukoll fl-imħabba ta’ bejnietkom.
Kif tafu hemm diversi staġuni. Ġieli tmur f’pajjiżi, barra minn Malta pereżempju, jekk għandkom qraba l-Awstralja, kif tasal dawk li għixu Melbourne jgħidulek: “this is four seasons in a day”. Toħroġ filgħodu fix-xemx, wara nofsinhar ġeneralement tagħmel dejjem ix-xita, imbagħad jikkalma. B’xi mod anke l-ħajja taż-żwieġ “four seasons in a day” jekk mhux f’nofs ta’ nhar tkunu għaddejtu l-istaġuni kollha, iberraq, imbagħad jagħmel il-maltemp, imbagħad jikkalma, ikun bnazzi.
Din hija l-epifanija wkoll tal-imħabba ta’ Alla li għandha diversi staġuni. Anke meta jitkellem mal-poplu tiegħu, Alla mhux dejjem iżiegħel, kultant jitlagħlu, biex ma ngħidx taqbiżlu. Meta rajnih bħala bniedem, qalilna kliem ta’ maħfra, ta’ mogħdrija, ta’ mħabba kbira, imma xi darba kellu juża l-frosta wkoll – mhux biex tagħmlu hekk – imma wkoll qabżitlu u bil-kbir, qabżitlu ċ-ċinga verament dakinhar fit-tempju.
Illum qed naraw xena li għaddejtu minna intom, in-nisa żgur jiftakru kull min ġie bir-rigal. Jiena dejjem taffaxxinani l-memorja straordinarja tal-ġenju femminili li jiftakru eżattament ir-rigal li jkunu rċevew minn kull persuna. Mhux biex ngħidu nżommuha fil-komma, imma din hija memorja dejjem kienet u għadha taffaxxinani. Illum il-Maġi ġabu r-rigali, għall-festa ta’ mħabba għaliex fil-grotta u fid-dar ta’ Betlehem, hemm din l-imħabba kbira ta’ Alla li żżewweġ magħna l-bnedmin, li jieħu fuqu n-natura dgħajfa tagħna u jerfagħna, ifejjaqna, jaħjina.
Kemm tkun ħaġa sabiħa wkoll li aħna fikom naraw din il-festa kontinwa tal-għerusija bejn Alla u l-bniedem fil-ħarsa li tagħtu lil xulxin, fil-paċenzja li tieħdu b’xulxin, fil-barka tal-ulied, li nawguralkom skont ir-rieda tal-Mulej u l-volontà tagħkom, li nawgura tkun volontà ġeneruża.
Nawguralkom u nappellalkom ukoll li tkomplu tfittxu lil Ġesù. Ħaġa li taffaxxinana fil-Maġi, huma dawn l-għorrief mill-Lvant, mill-bogħod li raw kewkba – kienet kometa ma nafux eżatt – ġdida, sinjal ġdid, riedu jinterpretawh. Indunaw li kienet qed tindika xi ħaġa kbira li ġrat fil-Lhudija, u x’tista’ tkun kbira? It-twelid ta’ re u marru jfittxu lil dan ir-Re, is-sultan tal-Lhud. Riedu jaraw lil Ġesù, din il-kurżità imma fl-istess ħin dan l-istint li kontinwament ifittxuh.
Jiena nawguralkom li tkomplu tfittxuh lil Ġesù fil-ħajja tagħkom, mhux biss fil-mumenti ċkejknin ta’ talb ta’ kuljum – imqar ‘Missierna’ flimkien, f’xi mument partikolari, tieklu tgħidu: “ħa ngħidu talba għaż-żwieġ tagħna” – imma wkoll li tfittxu t-tagħlim, li tfittxu li tkunu ma’ koppji oħra Nsara, imbasta ma jkunx hemm sharing wisq profond, jiġifieri meta kulħadd imur id-dar, tkunu intom. Għax hemm sharing u sharing, m’hemmx għalfejn nispjegalkom jien.
Fr Charles Attard kien qed ifakkarni f’din l-inizzjattiva sabiħa ta’ dawn il-gruppi li qegħdin ifittxu t-tagħlim, il-formazzjoni Nisranija. “Jiena magħkom dejjem”, imma intom qegħdin tfittxuh? Ġesù qed jgħidilna, jgħidilkom lilkom il-koppji Nsara: “jiena magħkom dejjem”, imma aħna distratti? Bħal dak li fil-presepju huwa rieqed, jew inkella bħax-xabbatur, qed nippruvaw naraw x’ġara biex imbagħad inkunu nistgħu nistagħġbu kemm hi kbira l-imħabba t’Alla għalina, nistagħġbu u nfaħħru lil Alla.
Jiena nawguralkom ħafna li tħossu kuljum f’dawk il-ħafna staġuni li ż-żwieġ tagħkom jgħaddi minnu kuljum, anke l-mumenti ta’ ferħ f’xulxin. Tinsewx li l-intimità tagħkom hija sagrament, li l-intimità ta’ bejnietkom hija qaddisa, hija mod kif intom titqaddsu u għalhekk ngħidilkom f’isem Ġesù, bi kliem tal-appostlu Missierna: “iċċaħdux lil xulxin minn xulxin”. Gawdu lil xulxin f’kull aspett: l-aspett psikoloġiku, soċjali, intimu, sesswali, gawdu lil xulxin. U l-Mulej ikun magħkom, jimlikom bil-ferħ, bil-paċenzja, għax hemm bżonn, imma anke b’ħafna ġenerożità. Il-Mulej ikun hu li jdawwalkom bid-dawl tiegħu, li jimlikom bil-ferħ tiegħu, u li jqaddiskom bil-paċi tiegħu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos: Curia Communications Office