Il-Pjazza ta’ Marsaxlokk
8 ta’ Mejju 2015
L-ewwelnett nixtieq nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza sabiha tagħkom il-lejla. Insellem l- lilek għażiż kappillan, u anke lilek Sur Sindku, lill-kunsilliera u anke lill-Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei. Nirringrazzjakom ħafna tal-koperazzjoni tagħkom fil-pellegrinaġġ u nispera li din l-esperjenza sabiħa ta’ dis-sena inkompluha.
Għoġbitni ħafna l-idea li l-misteri tar-rużajru tal-ferħ, li aħna mmeditajna waqt il-pellegrinaġġ, kienu animati mit-tfal tal-parroċċa. Fl-aħħar tal-pellegrinaġġ spiċċajna b’ħames figuri li jirrapreżentaw il-Madonna, mhux hekk? U qgħadt nirrifletti ftit: imma għandu jkollna ħames figuri li jirrapreżentaw lil din Ommna? U żgur li għandu jkollna, għax Ġesù meta darba qalulu: “Hawn ommok”, poġġa din il-mistoqsija: “imma min hi ommi? Min huma ħuti? Ħuti u ommi huma dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha” (ara Mt 12,47-50). Ma qalx ħuti biss, qal anke ommi, għax aħna l-Insara rridu nwelldu l-preżenza ta’ Ġesù kull fejn inkunu. Mela fina, bid-don tal-magħmudija li biha nsiru wlied Alla u aħwa ta’ Ġesù, hemm ukoll dan id-don tal-maternità biex inwelldu lil Ġesù kull fejn inkunu.
L-omelija tiegħi se tkun ibbażata fuq tlett kelmiet li smajna fit-Tieni Qari: ilsir, iben, werriet. San Pawl, hu u jispjega kif aħna l-Insara ngħixu l-magħmudija tagħna, jfakkarna li minħabba d-dnub, anke wara l-magħmudija, faċli nispiċċaw ilsira tal-passjonijiet tagħna, tal-egoiżmu tagħna, tad-dnub tagħna. Il-Mulej, bil-ħniena tiegħu, irid jeħlisna minn din l-iskjavitù, “Inti kont ilsir imma issa iben”. Aħna għandna din il-grazzja li nqerru u li fil-qrar nerġgħu nagħmlu l-esperjenza tal-magħmudija, nerġgħu nsiru wlied Alla fis-sħuħija kollha u l-isbuħija kollha li tfisser li tkun wirt ta’ Alla, iben ta’ Alla, bint Alla. Mhux bħalma kien Ġesù, għaliex aħna wlied adottivi. Il-Mulej ħares lejna, ħa grazzja magħna u qal: “jiena wkoll lil din il-kreatura,” bħalma tgħid Santa Katarina ta’ Siena, “innamrajt ruħi magħha, inħobbha wisq u għalhekk irrid nibgħat lil Ibni biex isalvahom”.
Aħna ulied imma anke werrieta, werrieta flimkien ma’ Ġesù. Liema hu l-wirt ta’ Ġesù? Mhux affarijiet ta’ din id-dinja. Il-wirt ta’ din id-dinja sabiħ imma miegħu jġib ħafna nkwiet. Imma l-wirt li jagħtina l-Mulej huwa l-ewwelnett id-don tal-paċi. Niftakru li fil-mument tal-irxoxt tiegħu, dan hu d-don li jsemmi: “il-paċi magħkom”.
It-tieni don, il-wirt kbir, huwa l-preżenza tal-Mulej magħna: “Ara jiena magħkom sal-aħħar tad-dinja”. Hu jissejjaħ Prinċep tal-paċi għax l-ikbar rigal tiegħu hija l-paċi tal-qalb, jissejjaħ Emmanuel għaliex huwa ‘Alla magħna’, ir-rigal kbir tal-preżenza tiegħu magħna, imma wkoll iġib miegħu l-fejqan. Jekk inti tagħmel ir-rassenja ta’ ġimgħa, ma ngħidx xahar jew sena imma ġimgħa, taf tgħodd ħafna weġgħat, ħafna diżappunti u jkollok bżonn il-fejqan fil-qalb. U l-Mulej jismu Ġesù għax Alla jsalva, jew inkella jfejjaq: Prinċep tas-sliem, Emmanuel, Ġesù. Dan huwa l-Mulej li aħna fih nemmnu. Kemm hi ħaġa sabiha li aħna nemmnu f’dan Alla li jagħtina l-paċi, huwa dejjem magħna u mhux il-bogħod minna, u jrid iġibilna l-fejqan. Ejjew nitolbu biex aħna nersqu lejh fil-ħtiġijiet tagħna u fil-ħajja tagħna.
Jiena u nħares lejn l-istatwa tant grazzjuża tal-Madonna ta’ Pompei li qed iżżejjen il-bieb tal-Knisja, nitlobha biex bil-ħarsa ħelwa tagħha tikkonvinċina kemm hu ħelu li nkunu qrib Binha. Kemm hu ħelu li aħna nkunu taħt il-ħarsien tagħha. Kemm hu ta’ ġid għalina li aħna niggranfaw ma’ dik il-katina ta’ mħabba li hija l-kuruna tar-Rużarju. Kultant aħna nisimgħu l-aħbarijiet u dak li qed jiġri madwarna jinkwetana. Ejjew nirritornaw għad-devozzjoni u l-prattika qaddisa tar-Rużarju li ħelsitna fl-imgħoddi u tibqa’ teħlisna anke llum. Min iġorr fuqu l-kuruna tar-Rużarju għandu xi jfakkru fil-ħniena ta’ Alla, u li Alla huwa dejjem miegħu.
Ejjew nitolbu biex iż-żgħażagħ tal-lum ma jittraskurawx, ma jistħux, speċjalment iż-żgħażagħ Xlukkajri, tistħux tgħidu r-Rużarju. Anke meta tiltaqgħu ma xi tfajla gustuża għidulha: ‘aħna x-Xlukkajri devoti tar-Rużarju’. Min jaf kemm sajjieda jgħidu r-Rużarju. Ejjew aħna lkoll nagħtu spazju għal din il-katina ħelwa, li mhix katina ta’ skajvitù imma li tgħaqqadna ma’ Sidtna Marija.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta