L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Waħda mill-affarijiet li timpressjonani mill-Evanġelju ta’ San Mattew li qrajna llum, hi li jinsisti ħafna fuq li Ġesù kien ittradut għal 30 biċċa tal-fidda, prezz li Ġuda aċċetta bit-transazzjoni li għamel mal-kapijiet biex ikun jista’ jagħtihom lil Ġesù.

Imma anke llum nerġgħu nisimgħu b’dawn l-imberkin flus; il-flus li aċċettaw is-suldati biex jagħtu verżjoni uffiċjali ta’ x’ġara fl-ewwel jum tal-ġimgħa, il-Ħadd. Lis-suldati tawhom kemxa flus ġmielha u qalulhom: “Għidu hekk: ‘Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin’” (Mt 28:13). Is-suldati ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. Xi ħadd intelliġenti seta’ staqsa lis-suldati dwar kif setgħu jkunu jafu x’ġara jekk kienu reqdin? Għax is-suldati jgħidu li n-nies ta’ Ġesù ħaduh billejl meta huma kienu reqdin. Hawnhekk nirrealizzaw li x-xitan jipprova jivvinta l-verita tiegħu imma dejjem tkun kopja dgħajfa. Imma jekk fil-ħajja trid tfittex l-inkwiet allura trid tfittex fejn hemm il-flus. Nirrealizzaw li dawn il-flus wassluna għall-Ġimgħa l-Kbira u l-flus ukoll jgħattu l-verita tal-qawmien. Ejjew nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba aħna waqajna fit-tentazzjoni u fl-istess ħin nibqgħu niftakru li l-ħaddiem ħaqqu ħlasu.

Għaliex wara kollox, dawn is-60 sena tas-saċerozju huma rifless tal-ħniena ta’ Alla fuqkom, fuq il-Knisja u fuq id-dinja.

Hemm djalogu li jseħħ bejn Ġesù u dawn in-nisa li jterrqu malajr kollhom biża’ u ferħ biex jagħtu l-aħbar tal-qabar vojt lid-dixxipli ta’ Ġesù. Ġesù jitlaq waħdu u d-djalogu ta’ Ġesù u dawn in-nisa mqanqlin mill-imħabba lejh, mid-devozzjoni, mill-karità, li fittxew katavru imma sabu qabar vojt, huwa djalogu li nixtieq nissuġġġerih bħala riflessjoni anke biex niċċelebraw is-60 aniversarju tas-saċerdozju tagħkom.

It-tislima tal-irxoxt hija dik tal-paċi: “Is-sliem għalikom” (Mt 28:9 ) Intom u tiċċelebraw dan l-anniversarju importanti fis-saċerdozju tagħkom, nixtiqulkom u nawgurawlkom dan is-sens kbir ta’ paċi. Min jaf meta tħarsu lejn dawn is-60 sena kemm tiftkaru f’episodji li għandhom togħmiet differenti: it-togħma tal-ferħ u t-togħma morra tat-tbatija. Li nawguralkom hija li intom u taraw u taqraw dawn is-60 sena ta’ saċerdozju, taqrawhom fid-dawl tal-ħarsa tal-Mulej li hija dejjem ħarsa ta’ tenerezza, ħarsa ta’ kompassjoni, u ħarsa ta’ viċinanza.

Min jaf kemm fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni wassaltu tant nies lejn il-ħniena tal-Mulej. Tinsewx li l-ħniena tal-Mulej hija bla tarf għalikom ulkoll. Il-ħniena tal-Mulej tibqa’ għal dejjem u hija bla tarf għalikom ulkoll. Jekk inħarsu lejn id-dnubiet u l-infedeltajiet tagħna, nitfixklu u nitħawdu. Imma jekk inħarsu lejhom bid-dawl tal-ħniena ta’ Alla, allura nibdew ngħumu fil-paċi. Għaliex wara kollox, dawn is-60 sena tas-saċerozju huma rifless tal-ħniena ta’ Alla fuqkom, fuq il-Knisja u fuq id-dinja. Għażilkom u, waqt li għażilkom, ħenn għalikom. Niftakru fil-frażi tal-Venerabbli Beda li hija tant għall-qalb il-Papa Franġisku: miserando atque eligendo (waqt li jħenn għalih, jagħżlu). Dan huwa proprju l-ispirtu tal-vokazzjoni tagħkom: il-Mulej waqt li jsejħilna, eligendo, iħenn għalina, miserando.

Nitlobkom f’isem il-Knisja li llum tagħmlu dan l-impenn fl-okkażjoni tal-anniversarju saċerdotali tagħkom li titolbu     għall-Knisja anke fl-eternità.

Ġesù jgħidilna, bħalma qal lin-nisa fidili u devoti, “tibżgħu xejn”. Wara kollox, jekk hemm xi ħaġa li tfixkilna fil-ħajja hija l-biża’, il-biża’ fil-futur. Min se jieħu ħsiebi? Tibżgħux! Bħalma qalilkom hekk 60 sena ilu fil-bidu tal-ministeru tagħkom, qed  jgħidilkom hekk illum ukoll: tibżgħu xejn! 

Illum nixtieq nafdakom f’din il-missjoni ta’ interċessjoni lil Alla għall-vokazzjonijiet u għall-poplu kollu tagħna. Wara kollox is-saċerdot jibda l-missjoni tiegħu mid-djakonat u din il-missjoni tkompli sal-aħħar nifs ta’ ħajjitna fuq din id-dinja u fl-eternità. Nitlobkom f’isem il-Knisja li llum tagħmlu dan l-impenn fl-okkażjoni tal-anniversarju saċerdotali tagħkom li titolbu     għall-Knisja anke fl-eternità. Nitolbu l-Mulej jagħtina l-grazzja li aħna nkunu interċessuri għall-Knisja anke fl-eternità, bħalma kienet Tereża ta’ Lisieux magħrufa bħala tal-Bambin Ġesù.

Nawgura li intom tgħixu s-saċerdozju tagħkom proprju f’din il-fażi ta’ ħajjitkom, kulħadd skont il-vokazzjoni li jirċievi fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja. Tibżgħu xejn, komplu waslu l-Aħbar it-Tajba, l-evanġelizzazzjoni. Anke għaliex mingħajr dik l-interċessjoni, dik ix-xhieda ta’ fedeltà, ta’ mħabba u ta’ akkompanjament, il-Knisja ma tistax timxi. Huwa importanti ħafna li waqt li nirringrazzjaw lil Alla tas-saċerdozju tagħkom, itolbu ħafna għal vokazzjonijiet. Ħin minnhom il-Papa Franġisku staqsieni: Kemm għandek seminaristi? Għedtlu 10. Qalli kemm daħlu dis-sena ġodda? Għedtlu tnejn. Dak il-ħin ftakart li fl-1978 meta Mons. Lawrence Gatt laqa’ lili u lil sħabi, fis-seminarju konna 60 seminarist.  Ippermettuli nsaqsikom kemm kien hemm seminaristi fis-sena tagħkom. 100?! Fl-1978 kienet komunità ta’ 60 ruħ; illum il-komunità hi ta’ 10.

Il-Papa Franġisku jinsisti ħafna wkoll il-fatt li l-familji tal-lum huma ċkejknin u rridu nitolbu ħafna wkoll għal dan is-sagrament li jibni l-Knisja, li huwa s-sagrament taż-żwieġ. Jiena tolqotni ħafna l-għażla tal-Katekiżmu tal-1992 li jgħid li s-sagramenti tal-ordni sagri u s-sagrament taż-żwieġ huma dawk li jibnu komunità. Il-vokazzjonijiet għas-saċerdozju jridu jiġu mis-sagrament taż-żwieġ, mill-familji. Illum tiltaqa’ ma’ żgħażagħ li jibżgħu miż-żwieġ u jibżgħu mill-ħajja reliġjuża u s-saċerdozju; jibżgħu mill-commitment. Hemm bżonn ħafna l-interċessjoni ta’ kull wieħed minna u anke l-insistenza ta’ kull wieħed u waħda minna għall-vokazzjonijiet.

Fl-akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju tal-lum nisimgħu vers 24 tas-Salm 117: “Dan il-jum li għamel il-Mulej, ħa nifirħu u nithennew fih”. Dan l-anniversarju tagħkom għamlu l-Mulej, “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, ħa nifirħu u nithennew fih”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta



Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 2:14.,2-33
Salm: 117 (118), 24
L-Evanġelju: Mt 28:8-15