Wara l-laqgħa bejn l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-Knisja b’konsultazzjoni mal-istess awtoritajiet qed tippubblika direttivi dwar il-Quddiesa tal-funeral li jidħlu fis-seħħ mil-lum, il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju. Dawn id-direttivi jistabbilixxu l-miżuri li qed jittieħdu bil-għan li titħares is-saħħa tal-persuni li jattendu għall-Quddiesa u fl-istess waqt tingħata tislima xierqa lill-għeżież tagħna.
Il-Quddiesa tal-funeral ser tkun tista’ ssir fil-miftuħ bħal f’ċimiterji jew fuq iz-zuntier tal-knisja, jew fi knejjes kbar biss b’numru limitat ta’ nies. Il-knejjes fejn jista’ jsir funeral huma dawk akbar minn 500 metru kwadru filwaqt li n-numru ta’ persuni li jistgħu jidħlu fil-knisja huwa ta’ 20 ruħ. Fiċ-ċirkustanzi attwali għandha tingħata preferenza liċ-ċelebrazzjonijiet fil-miftuħ. Id-direttivi li qed jiġu ppubblikati hawn taħt jistabilixxu l-proċeduri li jridu jiġu osservati qabel, waqt u wara l-Quddiesa.
Il-post fejn ser issir il-Quddiesa tal-funeral ser jitħejja b’sinjali apposta li jindikaw l-ispazji ‘l bogħod minn xulxin fejn in-nies jistgħu joqogħdu waqt iċ-ċelebrazzjoni liturġika. Mal-wasla, persuna liebsa maskra jew visor ser tieħu t-temperatura bl-użu ta’ termometri li ma jeħtiġux kuntatt mal-persuna, u wara tindikalhom l-użu tal-hand sanitizer li ser ikun disponibbli. Persuni bid-deni jew li ma jikkoperawx mhux ser jitħallew jidħlu għall-Quddiesa.
Waqt il-Quddiesa fl-ebda ħin m’għandu jkun hemm kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas fl-għoti tal-paċi. Għat-Tqarbin, il-persuni jintalbu jibqgħu f’posthom u jkun is-saċerdot li jmur iqarben fl-idejn lil dawk preżenti b’maskra jew visor u wara li jkun ħasel idejh bis-sanitizer. L-istqarrija ta’ fidi fejn is-saċerdot jgħid “Il-Ġisem ta’ Kristu” u l-persuna li qed titqarben twieġeb “Ammen” tingħad darba biss minn fuq l-artal.
Fi tmiem il-Quddiesa, dawk preżenti għall-funeral iridu joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal-miżuri ta’ distanza soċjali. Wara l-Quddiesa ssir id-diżinfestazzjoni tal-bankijiet jew tas-siġġijiet.
Dawn il-miżuri dettaljati għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-imxija tal-coronavirus ġew ikkomunikati lill-kappillani mill-Isqfijiet fil-jiem li għaddew.