Ritratt: Ian Noel Pace

Nhar il‑Ħadd li ġej il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra l‑festa ta’ Kristu Re. B’rabta ma’ din il‑festa tant sinifikanti għall‑Knisja Kattolika, fil‑jiem li ġejjin il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra tliet ċelebrazzjonijiet djoċesani importanti. Din is‑sena l‑Assemblea Djoċesana se terġa’ ssir fuq jumejn waqt li l‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ se jiġi ċċelebrat waqt l-attività ‘Żgħażagħ ta’ Tama’.

L‑Assemblea Djoċesana

Nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa 21 u 22 ta’ Novembru 2024 fis-6pm, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta se tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana, li se tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Din se ssir fiċ‑Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara bil‑possibbiltà li wieħed isegwi wkoll online. L-assemblea, li hi parti mill-proċess ta’ tiġdid fl-Arċidjoċesi Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, se ssir b’rabta mal-mixja sinodali fil-Knisja kollha, u jiltaqgħu flimkien mal-Isqfijiet rappreżentanti minn oqsma differenti tal-Knisja f’Malta.

L-Assemblea se tiddiskuti l‑esperjenzi li twettqu bħala parti mill‑proċess ekkleżjali dwar Knisja li toħroġ matul is-sena 2024, kif ukoll esperjenzi oħra li jgħinuha tħaddan aktar l‑attitudni li tkun Knisja li toħroġ b’missjoni.

Din is-sena l-Assemblea tħares b’mod speċjali lejn is-sena tal-Ġublew tat-Tama, b’riflessjonijiet u konverżazzjonijiet dwar kif il-Knisja f’Malta tkun għajn ta’ tama fil-ħidma pastorali tagħha. Din il-parti se tkun indirizzata mill‑Arċisqof Scicluna, li se jitkellem ukoll dwar l-esperjenza tiegħu tas-Sinodu f’Ruma.

Għall‑Assemblea huma mistiedna l‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kappillani u rappreżentanti tal‑parroċċi kollha, mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi, delegati u persuni oħra f’kunsilli tal‑Arċidjoċesi u nies oħra minn oqsma differenti tal-Knisja.

Il‑Jum Dinji taż‑Żgħażagħ 2024

Il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN) se tibda l-preparazzjoni għas-sena tal-Ġublew tat-Tama, b’attività ta’ fidi u divertiment, ‘Żgħażagħ ta’ Tama’ fil-Jum Dinji taż‑Żgħażagħ. It-tema ta’ din is-sena tirrifletti l-ħajja ta’ erba’ żgħażagħ li ħadnu t-tama u jispirawna biex nagħmlu l-istess. Il-lejla tinkludi riflessjoni minn Dun Roderick Baldacchino, ħin ta’ talb, kif ukoll opportunità għaż-żgħażagħ biex jiltaqgħu bejniethom u jsiru jafu lil xulxin.  

Ibbażata fuq il-kliem tal-Papa Franġisku, is-Sena tal-Ġublew hija opportunità biex nesperjenzaw il-ħniena u t-tgħanniqa ta’ Alla. Iż-żgħażagħ huma msejħin ikunu “missjunarji tal-ferħ,” u jxerrdu t-tama permezz t’azzjonijiet żgħar mill-qalb, bl-għeruq ta’ fidi u fiduċja lejn Alla.

‘Żgħażagħ ta’ Tama’ se ssir nhar is-Sibt, 23 ta’ Novembru, fil‑Knisja ta’ San Duminku u l-Verġni Mbierka fir-Rabat fit‑8pm. Min hu interessat jattendi jista’ jimla l-formola fuq mcyn.org.

L‑Għasar u l‑Barka Sagramentali fil‑Festa ta’ Kristu Re

Nhar il‑Ħadd li ġej, 24 ta’ Novembru 2024, issir iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana ta’ Kristu Re, ippreseduta mill‑Arċisqof Charles Scicluna. Kulħadd huwa mistieden għal din iċ‑ċelebrazzjoni.

Iċ‑ċelebrazzjoni djoċesana tibda fil‑5pm u se ssir fil‑Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, fejn jingħad l‑għasar (it‑talba ta’ filgħaxija) u tingħata l‑barka sagramentali. Waqt l‑għasar, l‑Arċisqof iwassal il‑messaġġ tiegħu f’din il‑festa tant importanti għall‑Insara. Iċ‑ċelebrazzjoni tixxandar fuq Knisja.mt, Newsbook Malta u radju RTK 103. Wara ċ‑ċelebrazzjoni jkun hemm quddiesa.

Il‑festa ta’ Kristu Re twaqqfet mill‑Papa Piju XI fl‑1925 bil‑għan li l‑Insara jagħrfu f’Ġesù l‑mexxej wieħed li miegħu jġib il‑verità u l‑ħajja, il‑qdusija u l‑grazzja, il‑ġustizzja, l‑imħabba u s‑sliem, dak li l‑bnedmin fid‑dinja kollha jinħtieġu biex jgħixu bid‑dinjità.