• ***

    Direttur:          Karyn Kusama

    Atturi:              Nicole Kidman, Toby Kebbell, Tatiana Maslany, Sebastian Stan, Scoot McNairy, Bradley Whitford, Toby Huss u  James Jordan

    Ħin tal-Film:   121 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Erin Bell, detektiv, tippreżenta ruħha f’xena fejn seħħ delitt ta’ raġel b’madwaru dollari mtebbgħin b’inka vjola. Il-pulizija jgħidulha li l-każ kien afdat f’idejhom, iżda hi tgħidilhom li hi kienet taf min kien wettaq id-dellitt. Il-qagħda ta’ saħħitha kienet turi li kienet mifluġa.

    Lura lejn l-uffiċċju, fuq id-desk, issib envelop li fih ikun hemm dollaru Amerikan imtebbgħa b’inka vjola. Erin, irrabjata, tmur fl-uffiċċju tal-FBI fejn hemm tkellem lil Gil Lawson li darba kien is-supervisor tagħha. Hi tirsisti miegħu li tixtieq tkun taf minn fejn kien ġie dak l-envelop u turi interess kbir biex issir taf. Fi flashback, Erin tiltaqa’ ma’ Chris meta huma t-tnejn intbagħtu, bħala aġenti bil-moħbi, biex jinfiltraw gang ta’ ħallelin li kienu qegħdin jisirqu l-banek. Biex ma jagħtux fil-għajn, it-tnejn ippużaw bħala maħbubin. Lura fil-preżent, Erin tiltaqa’ ma’ Toby, wieħed mill-gang, ħabsi, iżda kif wasal biex imut, kien jinsab lura d-dar. Erin tirsisti miegħu li jgħidilha fejn kien jinsab Silas, il-mexxej tal-gang. Toby jinfurmah, wara insistenza, li jkun aħjar li tfittex lil Arturo, membru ieħor tal-gang u li kien jinsab maħrub u mistoħbi fi knisja fejn kien jipprovdi b’xejn għajnuna legali lill-fqar.

    Sadanittant, Erin tintebaħ li t-tifla tagħha, Shelby, tfajla taħt l-età, tinsab f’kumpanija ħażina fosthom Jay, li tgħid li kienet tħobbu. Erin tinforma lil Ethan, l-eks-maħbub tagħha u li kien jieħu ħsiebha, li hemm bżonn ikun aktar attent, xi ħaġa li hi stess ma kienitx qegħda tagħmel. L-għada tiltaqa’ ma’ Arturo li nfurmah li Silas kien jinsab taħt il-ħarsien tal-avukat DiFranco li kien qiegħed jgħinu biex jieħu f’idejh il-flus kollha li kien akkwista mis-serqiet li kien wettaq. Erin tmur fid-dar lussuża tal-avukat DiFranco fejn tgħidlu li kienet taf li hu kien li qiegħed jipproteġi lil Silas. DiFranco, bla ħniena, jgħidilha b’disprezz li kien kollu ħtija tagħha dak li kien ġara waqt is-serqa fil-bank meta hi u Chris kienu undercover, jieħdu sehem fis-serqa. X’jiġri minn hawn? Għaliex Erin kienet qegħda tiġri wara Silas?

    Film Amerikan dramm/kriminali u mimli tensjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Karyn Kusama u kitba ta’ Phil Hay u Matt Manfredi. Minħabba vjolenza, qtil aħrax, kliem goff kif ukoll tema ta’ vendetta, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.