-
-
Nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna amministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof, lill-adoloxxenti mill-Parroċċa taż-Żejtun.
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali taż-Żejtun
20 ta’ Novembru 2016Ħa nfakkarkom fl-Ewwel Qari (2 Sam 5, 1-3) li smajna llum u li ġie moqri minn waħda minnkom. Kien hemm David l-ewwel kien ragħaj imbagħad ġie magħżul minn Alla u li ssielet ukoll kontra l-ġgant Gulija u rebaħlu. Meta miet Sawl it-trubujiet kollha ta’ Israel marru għand David, u qalulu: “ara, aħna wkoll parti mill-poplu tiegħek, għadmek u laħmek aħna. Fl-imgħoddi meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Israel għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: ‘int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Israel’” (ara vv. 1-2). Ix-xjuħ kollha ta’ Israel ġew għand is-sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom quddiem il-Mulej u lil David dilkuh sultan fuq Israel. Nixtieqkom tagħmlu attenzjoni għal dak li ġara’ meta David sar sultan ta’ Israel kollu: dilkuh. Id-dilka biż-żejt għamlet lil David sultan.
Jekk immorru fil-paġna tal-Evanġelju (Lq 23, 35-43) li qara’ d-djaknu Mark, Ġesù huwa msallab fuq is-salib, u bdew jinkuh. Naf li ħafna minnkom hija għal qalbkom il-Ġimgħa l-Kbira, tistgħu faċilment timmaġinaw din ix-xena, ix-xena tal-Vara l-Kbira, Ġesù msallab. Ħdejn is-salib hemm Ommu, hemm id-dixxiplu l-maħbub tiegħu Ġwanni, hemm xi nies oħrajn, hemm il-Madalena imma hemm ukoll is-suldati. Hemm ukoll il-kapijiet tal-Lhud u lil Ġesù bdew jinkuh. “Salva lill-oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-maħtur ta’ Alla” (v. 35).
Jerġgħu jinkuh it-tieni darba, din id-darba s-suldati: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek” (v. 37). Anke wieħed mill-kriminali li kienu msallbin miegħu jgħidlu: “Inti m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!” (v. 39). Innutaw lill-Mulej imsallab jisfidawh tlett darbiet: l-ewwel il-kapijiet, imbagħad is-suldati, imbagħad wieħed minn dawk li kienu msallbin miegħu, biex jinżel minn fuq is-salib, biex jeħes lilu nnifsu. Il-kriminal interessat ukoll li jeħilsu wkoll, mhux jinżel hu biss.
Innutaw li biex jinkuh, jgħidulu: “Inti mhux il-Messija? Inti mhux il-Maħtur? Inti m’intix is-sultan?”. Il-kelma ‘Messija’, bil-Lhudi tfisser ‘midluk’; bil-Grieg il-kelma ‘Messija’ hija ‘Kristos’, Kristu. Aħna meta ngħidu Ġesù Kristu, Kristu jfisser il-Messija, il-midluk. Il-Messija bil-Lhudi, Kristu bil-Grieg, il-midluk bil-Malti. Huma tliet kelmiet li jfissru l-istess ħaġa. Mela Ġesù ma kienx kunjomu Kristu, imma Ġesù ta’ Nazzaret. Fuq is-salib hekk jiktbu: Ġesù ta’ Nazzaret sultan tal-Lhud. Wara li Ġesù qam mill-inwiet, l-Insara bdew isejħulu ‘il-midluk tal-Mulej’, il-Kristu, il-Messija. Aħna mill-għerq ta’ Messija għandna ‘li timsaħ’ imma aħna nużaw ukoll id-dilka, l-istess għerq.
Intom se tindilku bil-qawwa tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej. Irridkom tifhmu li s-salib, biż-żejt tal-Griżma fuq il-ġbin tiegħek ifisser li inti se ssir tixbaħ iżjed lil Ġesù għax huwa l-Kristu, Ġesù huwa l-Messija, Ġesù huwa l-midluk, u inti wkoll. Inti wkoll se jgħidulek: “inti għamilt il-Griżma! Imma mbilli għamilt il-Griżma, naqra droga ma teħodhiex? Taf kemm tkun ferħan!” “Inti issa għamilt il-Griżma, m’hemmx għalfejn immorru iżjed skola, mhux aħjar immorru nilgħabu logħba futbol waqt il-ħin tal-iskola?” Wara, ilgħab kemm trid.
“Issa għamilt il-Grizma, tista’ tilbes diżonest għax inkella ħadd ma jħares lejk”. Lil Ġesù qalulu: “inti l-Messija, inżel minn hemm, minn fuq is-salib”. Lilek jgħidulek affarijiet oħra imma se jisfidawk. Inti kif se tirrispondi? “Jiena għamilt il-Griżma, u l-Mulej jagħtini l-qawwa nagħżel it-tajjeb mhux il-ħażin. Id-droga ngħidilha le. Jekk se nilgħab il-futbol inkun onest, ma ninxtarax. Jekk se nilbes libsa sabiħa, ma nagħżilx drapp jinxtorob imma nkun fassaltha modesta, anke wara li naħsilha tibqa’ mhux tiqsar”. Tifhmuni hux?
Għax inti ġuvni Nisrani, inti tfajla Nisranija. Tgħiduli għaliex bil-Malti ma tantx nużaw il-kelma Kristjani? L-ewwel Insara kienu f’Antjokja, belt fit-Turkija, u ħin minnhom bdew isejħu lilhom infushom Kristjani, dawk tal-Messija. Aħna l-Maltin użajna isem ieħor ta’ Ġesù, insejħu lilna nfusna Insara. Tafu minn fejn ġejja l-kelma Nsara? Insara tfisser tan-Nazzarenu, ta’ dak li trabba Nazzaret, ta’ Ġesù ta’ Nazzaret.
Din għandha tfakkarna wkoll li aħna, meta ngħidu aħna Nsara jew aħna Kristjani, jiġifieri aħna ta’ Ġesù, aħna ta’ Ġesù! U Ġesù meta kien fuq is-salib, ma niżilx. Ara l-ħalliel it-tajjeb kemm kien għaref. Induna min hu Ġesù, l-oħrajn le. U lil Ġesù għalkemm kien imsallab x’talbu? “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (v. 42). Ara kemm kien intelliġenti dan il-ħalliel. Aħna fil-fatt ngħidulu l-ħalliel it-tajjeb.
L-ewwel nett lil Ġesù jsejjaħlu b’ismu, ma joqgħodtx jagħmillu ħafna titli. L-isem ‘Ġesù’ xi jfisser? Yeshua, Alla jsalva. Dak il-ħin, qed ikellem lil Ġesù b’ismu li jfisser Alla jsalva, u jieħu s-salvazzjoni. Is-salvazzjoni x’kienet? “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek”. Qed jifhem li Ġesù msallab huwa sultan, sultan tal-imħabba, sultan tal-ħniena, sultan tal-paċi. Ġesù jgħidlu: “Tassew ngħidlek illum tkun il-ġenna miegħi” (v. 43). Għeżież, ixxenqu dejjem biex tkunu ma’ Ġesù għax intom bid-dilka li se tirċievu, intom ta’ Ġesù, intom midlukin bħalu, intom tal-Messija, intom ta’ Kristu, intom ta’ Ġesù ta’ Nazzaret.
L-aħħar kelma lill-parrini. Tliet affarijiet. L-ewwel nett inti sirt parrinu, parrina, biex titlob għall-filjozz u l-filjozza. Imqar ‘sliema’ u ‘qaddisa’ darba kuljum. Min għandu ħafna filjozzi jkollu jgħid ħafna ‘sliema’ u ‘qaddisa’, ma jimpurtax. Mhux se ngħidlek tgħid rużarju għax inkella tispiċċa tgħidli: “l-ġurnata kollha nitlob għall-filjozzijiet”, speċjalment in-nanniet ikollhom diversi.
It-tieni: is-sapport. Inti trid tara ftit iż-żgħażagħ tagħna kif qegħdin jikbru għax għandek din ir-responsabbiltà biex tgħin lill-ġenituri tagħhom u tgħid kelma ta’ ġid. Qed tarah imur Paceville: “taf ma’ min qiegħed tmur? Qed toqgħod attent x’tixrob, xi jpoġġulek fix-xorb?” Mhux qed imur skola. X’se nagħmlu? Noqgħodu naħslu l-faħam? X’se nagħmlu f’ħajjitna? Kelma ta’ sapport.
L-eżempju. Inutli tgħidlu: “mela m’għadekx tmur quddies?”. X’jgħidlek? “Inti tmur?” Checkmate, checkmate!
Jiena llum bħala Isqof tagħkom, ragħaj tagħkom, ħabib tagħkom, se nagħtikom il-Griżma tal-Isqof. Jiena se nerġa’ niġi ż-Żejtun nhar il-Ġimgħa għal Santa Katerina. Ara ma tinsewx li l-Ġimgħa l-festa ta’ Santa Katerina, xahar qabel il-Milied imqaddes. Jiena rrid narakom biex nagħmlulha festa sabiħa. Dik ukoll kienet il-midluka tal-Mulej, bħalkom irċeviet il-Ġriżma. Saret qaddisa bil-kuraġġ u bl-għerf tagħha. Illum nitlob fuqkom il-barka tal-patruna tagħkom, biex bħala tkunu ħbieb ta’ Ġesù u tħalluh jkun il-ħabib tagħkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos: Frank Marsh