L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Emmint, u għalhekk tkellimt” (2 Kor 4:13). Kemm hu sabiħ dan il-kliem li l-Appostlu Missierna San Pawl jgħid lill-Korintin, in-nies tal-belt fil-Ġreċja li jisimha Korintu. Lin-nies tal-belt ta’ Korintu, San Pawl kitbilhom żewġ ittri u is-silta li smajna proprju llum hija mit-tieni ittra li kiteb lin-nies ta’ Korintu. “U b’hekk fina taħdem il-mewt, imma fikom taħdem il-ħajja. Imma billi aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi li fuqu hemm miktub, ‘Emmint, u għalhekk tkellimt,’ aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna, għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù” (2 Kor 4:12-14).

Nistgħu ngħidu li dan il-kliem joqgħod ukoll għall-Appostli li taw xhieda biċ-ċarċir ta’ demmhom. San Ġakbu, li qegħdin nagħmlu l-festa tiegħu llum, huwa l-ewwel wieħed mill-appostli li nqatel. Dan inqatel fis-42 W.K. Nafu li l-ewwel martri kien Stiefnu imma l-ewwel appostlu mit-tnax li nqatel kien proprju San Ġakbu, ħu Ġwanni.

“Emmint, u għalhekk tkellimt” (2 Kor 4:13). San Ġorġ Preca kien iħobb jinsisti, li l-fidi, dik li temmen f’Ġesù, hija l-bażi ta’ kollox. “Il-fidi kollox, ħuti”. Imma l-fidi x’inhi? Hija r-relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ġesù. Jiena nagħraf kemm iħobbni u iżjed ma nagħraf kemm iħobbni, iżjed ikolli l-qawwa li nħobbu; nagħraf kemm iħenn għalija u nitolbu ħniena.

“Emmint, u għalhekk tkellimt” (2 Kor 4:13). It-tagħlim ta’ Dun Ġorġ hu wkoll tal-qaddisin. Il-kliem ta’ Ġesù, Dun Ġorġ kien isejjaħlu “leħen il-maħbub”. Kemm hi kelma sabiħa din, ovvjament huwa l-maħbub mill-Missier: “Dan huwa ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7), imma huwa wkoll il-leħen tal-maħbub tagħna. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nagħrfu kemm iħobbna Ġesù, u aħna nħobbuh f’ħutna, f’xulxin.

Ritratt: Miguela Xuereb – Newsbook.com.mt

San Ġorġ Preca kien ukoll appostlu tal-maħfra ta’ bejnietna. L-ikbar imħabba li jista’ jkollu xi ħadd għall-proxxmu huwa li jaħfer bil-qalb. Naf li s-Superjura Hilda se tgħidilna ħafna affarijiet sbieħ fil-qosor fuq San Ġorġ Preca.

Nagħlaq billi nirringrazzjaw lill-Mulej talli sejjaħ lil Dun Ġorġ u għaddieh minn fostna f’dawn it-toroq. F’din il-kappella minn Fra Diegu, li llum qed niċċelebraw il-quddiesa u nfakkru s-60 sena mill-mewt tiegħu, Dun Ġorġ qaddes b’devozzjoni kbira, qarar u kkonsla ħafna nies, u ta bosta pariri. Minn hawnhekk ukoll Dun Ġorġ sejħilna biex inkunu “ħbieb tal-Evanġelju”.

Nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġakbu u ta’ San Ġorġ Preca, biex il-Mulej jilqa’ t-talb tagħna li nagħmlu b’umiltà kbira waqt li niftakru t-tagħlim u t-talba sabiħa li għallimna Dun Ġorġ: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Kor 4:7-15
Salm: 125: 1-6
L-Evanġelju: Mt 20:20-28