Ritratt: Nicolai Borg – Arċidjoċesi ta’ Malta

Dar Saura, fir-Rabat se tkun qed tinbidel f’binja li tilqa’ tfal u żgħażagħ f’diżabbiltajiet varji sabiex ikunu jistgħu jikbru bħala persuni b’talenti u valuri mill-aqwa.

Dan il-proġett mistenni li jiġi jiswa madwar €38 miljun hekk kif jeħtieġ xogħol ta’ restawr u titjieb biex il-binja tkun tista’ tibda tintuża minn The Malta Trust Foundation. Kien għal din ir-raġuni li sar qbil bejn TMTF u Komunità Malta.

Il-binja kienet ġiet mogħtija mill-Arċidjoċesi ta’ Malta lill-Fondazzjoni bħala donazzjoni fl-2024, bil-pjanijiet għaliha huma li tiġi trasformata f’Ta’ Saura National Empowerment Hub – ċentru li jilqa’ lil tfal u żgħażagħ b’diżabiltajiet varji.

Ritratt: Nicolai Borg – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-għan ta’ dan iċ-ċentru mistenni jkun biex iżomm dak kollu li għandu x’jaqsam mal-istorja fl-istess waqt li joffri spazju għall-mużika, l-arti, it-talenti, terapija, u l-inklużjoni. Villabianca – Malta’s Centre for Music & Arts mistennija tiġi rilokata għal Ta’ Saura.

Dan iċ-ċentru mistenni jkun kapaċi jilqa’ mal-1,000 tifel u tifla u żgħażagħ biex ikunu jistgħu jikbru bħala persuni fit-talenti u l-valuri tagħhom. Il-familja ta’ dawn il-persuni għandhom ukoll jingħataw is-sapport meħtieġ.

Il-fundatur ta’ The Malta Trust Foundation (TMTF), Marie Louise Coleiro Preca rrigrazzjat lill-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna li kien għadda l-muftieħ ta’ Dar Saura biex tkun tista’ titwettaq il-ħolma għal dan iċ-ċentru.

Ritratt: Nicolai Borg – Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-President Emeritu qalet li s-servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni se jibqgħu jingħataw b’xejn biex jassiguraw li t-tfal ikunu inklussivi, partikolarment biex wieħed iħares lejn dawn il-persuni fejn jidħlu l-abbiltajiet tagħhom.

“Inti Arċisqof tajtna s-sodda, inti Prim Ministru tajtna l-friex,” qalet Coleiro Preca grata lejn din il-binja li għandha tiġi trasformata f’ċentru biex lit-tfal b’diżabbiltà jingħataw “l-aħjar”. Żiedet tgħid li għandha l-viżjoni li tibni mudell li jpoġġi lil Malta fuq quddiem nett f’dan is-settur.

L-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna qal li jrid jara ħidma bejn is-soċjetà Maltija billi jinġibed ħabel wieħed għal sinjali ta’ tama. “Mill-ħolm u l-kliem ngħaddu għar-realtà,” insista Mons. Arċisqof Scicluna.

Ritratt: Nicolai Borg – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-Arċisqof Scicluna rringrazzja lil Coleiro Preca talli qatt ma taqta’ qalbha biex twettaq dak li għandha f’moħħha u rringrazzja wkoll lill-istat, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela li qed jaħdem flimkien magħhom biex ukoll jara li dan il-ħolm jiġi mwettaq.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa proġett kbir u b’hekk appella biex flimkien ikomplu jaħdmu għaliex “huwa proġett li ma jistax jistenna” għal dawk verament fil-bżonn. Abela żied jgħid li jrid jara li jintlaħaq iż-żmien pjanat biex jitlesta dan iċ-ċentru.

Il-fondi se jkunu qed jinqasmu bejn fondi pubbliċi, oħrajn privati, u anke dawk Ewropej.

Sors: Newsbook Malta