-
-
Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 283 persuna li ġew mgħejjuna minn Dar Papa Franġisku u u ngħataw is-servizz ta’ ikliet b’xejn.
Minn informazzjoni ngħatat fil-Parlament, minn dawn il-283 persuna, 165 kienu Maltin u l-kumplament, jiġifieri t-118 persuna l-oħra, kienu barranin.
Fix-xhur imsemmija, Dar Papa Franġisku offriet 7,602 ikliet, jiġifieri medja ta’ 316-il ikla fil-ġimgħa.
Dar Papa Franġisku, li bdiet tagħti servizz lis-soċjetà f’Lulju tas-sena l-oħra, titmexxa mill-aġenzija tal-Knisja, Caritas Malta, bl-għajnuna wkoll tal-Gvern u anke tal-kumpanija Alf Mizzi and Sons li tipprovdi l-ikel għall-persuni fil-bżonn.
Apparti s-servizz ta’ ikel b’xejn, Dar Papa Franġisku toffri wkoll kenn lil dawk li m’għandhomx fejn jorqdu. fil-fatt, fl-ewwel sitt xhur tas-sena kien hemm 176 persuna li għamlu użu mix-xelter tad-Dar.
Dar Papa Franġisku tinsab fi Triq Fleur-De-Lys Birkirkara. Kull min jixtieq jagħmel kuntatt jista’ jċempel fuq 27888211.