Caritas Malta flimkien ma’ Home Economists in Action ħadmu fuq proġett ta’ Kaxxi ta’ Solidarjetà li huma forma ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-familji fil-bżonn matul dan il-perjodu ta’ sfida. Permezz tal-proġett inħolqu listi ta’ affarijiet bażiċi li jistgħu jingħataw b’donazzjoni minn kumpaniji jew individwi li jixtiequ jgħinu familji li f’daqqa waħda sabu ruħhom f’qagħda finanzjarja mwiegħra kawża tal-pandemija tal-COVID-19.
Fuq dan il-proġett ħadmu Andrè Bonello, kap tar-riċerka fi ħdan Caritas Malta; Prof. Suzanne Piscopo mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni mill-Università ta’ Malta u membru tal-bord tal-amministraturi ta’ Caritas Malta; u Stefania Calleja, għalliema u Chairperson tal-Home Economists in Action.
Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, spjega li Caritas ilha taħdem f’dan il-qasam għal ħafna snin imma bis-sitwazzjoni tal-pandemija rat faxxa ġdida ta’ problemi jfeġġu: anzjani li m’għadhomx jiġu megħjuna fid-dar minħabba r-restrizzjonijiet, persuni li jgħixu Malta ġejjin minn pajjiżi barra mill-Ewropa li spiċċaw bla xogħol u mhux bilfors għandhom aċċess għall-benefiċċji, u ġenituri bi tfal b’abbilitajiet differenti li spiċċaw ma jistgħux jattendu respite centres u skejjel.
Caritas qed tirrispondi għal sitwazzjonijiet varji permezz ta’ helplines, counselling u social work online, tqassim ta’ solidarity meals, riorjentazzjoni tal-programmi tad-droga bi ftuħ ta’ kwarantina għal persuni għaddejja minn problema tad-droga u persuni bla saqaf fuq rashom.
“Hawn diversi entitajiet li wrew inizjattivi biex iwieżnu lill-oħrajn permezz ta’ food banks, NGOs, parroċċi u numru ta’ kumpaniji u entitajiet privati. Dawn jikkumplimentaw l-inizjattivi ta’ kumpensi u benefiċċji tal-gvern u anke jsostnu servizzi soċjali oħra tal-gvern. L-idea wara dan il-proġett ġiet meta bdejna niġu mistoqsija: x’inhuma l-bżonnijiet ta’ persuni u familji li għaddejjin minn żmien ta’ kriżi waqt dan il-virus? Din ir-riċerka twieġeb din il-mistoqsija u sservi ta’ linji gwida lil min qed jaħdem f’dan il-kamp ta’ għajnuna u wkoll lil dawk il-benefatturi meta jistaqsu dwar donazzjonijiet”.
Is-Sur Gatt qal li Caritas Malta kienet għaddejja bir-riċerka għat-tielet edizzjoni tal-Minimum Essential Budget for a Decent Living u kien maħsub li dan l-istudju jiġi ppreżentat f’April ta’ din is-sena; studju li jsir kull erba’ snin. Fid-dawl tal-COVID-19 ma kienx opportun li jiġi ppreżentat. Minflok l-isforzi tar-riċerka li saret intużaw biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-COVID-19.
Prof. Suzanne Piscopo ppreżentat infographic bi prezz għal kull kaxxa ta’ solidarjetà skont diversi tipi ta’ familji. L-ikel f’dawn il-kaxxi pjanati li jservu għal madwar 18-il-ġurnata, bżonnijiet li jinkludu biex wieħed jgħix b’ikel nutrittiv kif ukoll biex iħares l-iġjene. “Min għandu t-tfal, ħsibna għal ftit aċċessorji għalihom, kif ukoll fejn jidħlu l-anzjani anki kura għad-dentatura pereżempju. Ħsibna fuq ikel u frott u ħaxix li jżomm. L-ispiża ta’ kull kaxxa ġiet ikkalkulata fuq erba’ tipi ta’ familji: 2 adulti u 2 tfal, 2 adulti tifel/tifla u tarbija, u adult u żewġt itfal u żewġ anzjani. L-iktar spiża għolja hi fejn hemm tarbija fil-familja.”
Stefania Calleja wriet ftit ideat ta’ riċetti bil-prodotti pprovduti. Home Economist in action mhux l-ewwel darba li qed taħdem id f’id ma’ Caritas Malta. “Illum huwa l-Jum Internazzjonali tal-familja. L-Economists in Action nemmnu ħafna fis-sostenibbiltà. Din l-inizjattiva għalina hija opportunità biex inxerrdu dan it-tagħlim.” Żiedet tgħid li dawn ir-riċetti varji huma maħsuba biex wieħed ikollu żżejjed u jiġi ppriservat fil-friġġ jew fil-friżer.
Andrè Bonello spjega kif sar l-eżerċizzju: “Morna personali fis-supermarkets u rajna l-prezzijiet li qed jonfqu n-nies. Bl-għajnuna ta’ dawn il-kaxxi, inkunu qed insostnu l-familji b’affarijiet essenzjali. Dawn l-istudji jsiru anke f’direzzjoni waħda ma’ Caritas Europa u Caritas Internationalis.”
Anthony Gatt esprima l-apprezzament għall-ġenerożità tal-poplu Malti u appella biex min m’għandux jgħix ma’ min għandu.
Kull min jixtieq jagħmel donazzjoni jista’ jċempel fuq 99122515 / 99473689 jew jibgħat fuq [email protected].
Click here to check the infographic in English