• Il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu 2015, l-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna għamel żjara ta’ korteżija lill-E.T. il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca. Iż-żjara saret fil-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard.

    Messaġġ tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna lill-E.T. il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca

  • Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard

    6 ta’ Marzu 2015

    Eċċellenza,

    Grazzi tal-merħba li qed tagħtini. Jiena nwegħdek il-kooperazzjoni sħiħa tiegħi u tal-Knisja Kattolika f’din il-missjoni li għandek bħala Kap tal-Istat, jiġifieri li tkun ukoll sinjal tal-għaqda tar-Repubblika, tas-sikurezza, tal-għajnuna soċjali. Nirringrazzjak ukoll, mhux biss f’isem il-Knisja, imma f’isem tant NGOs Kattoliċi, tas-sapport kontinwu tiegħek, tal-ispirazzjoni tiegħek, tal-qalb ġeneruża tiegħek li hija wkoll ta’ xhieda sabiħa għalina bħala Nsara. Aħna nwiegħdu lill-Istat Malti, bħala komunità ta’ fidi, il-kooperazzjoni, ir-rispett reċiproku fl-awtonomija bejn Stat u Reliġjon jew Knisja. Imma fl-istess ħin huwa l-obbligu tagħna wkoll li nrawmu fi ħdanna ċittadini eżemplari, ċittadini li jemmnu fil-ġustizzja soċjali, fl-armonija soċjali, fit-tolleranza, imma wkoll fl-istat tad-dritt. U aħna fik Eċċellenza naraw il-garanzija tal-libertà tagħna. Nirringrazzjaw lill-Istat talli jiggarantixxi lil kull ċittadin Malti u Għawdxi l-libertà reliġjuża. Aħna fik naraw din il-garanzija. Nirringrazzjawk ħafna tal-missjoni ħerqana tiegħek u tal-eżempju tiegħek. Aħna wkoll inwegħdu, mhux biss kooperazzjoni, imma li nibqgħu attivi fil-preferenza tal-ħidma soċjali, edukattiva, formattiva u ta’ karità – ta’ għajnuna, għaliex inħossu li dak huwa l-Vanġelu konkret. Dan filwaqt li nidħlu fi djalogu mas-soċjetà, biex il-prinċipji li jippromovu l-ġid komuni jitqawwew u jkunu wkoll eredità sabiħa għall-ġenerazzjonijiet futuri. Grazzi Eċċellenza.

    ✝ Charles Jude Scicluna

        Isqof titulari ta’ San Leone

        Arċisqof-elett ta’ Malta 

  • Photos: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com