Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Insellmilkom ilkoll miġburin għall-Assemblea Djoċesana ta’ din is-sena. Insellem ukoll lil dawk kollha li qegħdin isegwuna bħalissa online.
L-ewwel nett, nixtieq ngħid li Mons. Arċisqof li kellu jkun hawn illejla, minflok qiegħed l-ajruport ta’ Vienna jistenna bil-ħerqa l-ajruplan biex jiġi lura. Kellu jasal fis-siegħa ta’ wara nofsinhar, u minflok se jasal billejl. Għalhekk jiskuża ruħu li ma setax ikun magħna. Ikun magħna għada.
Nixtieq li lkoll niftakru, qabelxejn, fl-għeruq ta’ din l-Assemblea Djoċesana. Din bdiet tiġi organizzata mis-sena ta’ wara li ntemm is-Sinodu Djoċesan f’Malta, jiġifieri mis-sena 2004, bil-għan li titkompla l-esperjenza ta’ sinodalità li għexna fis-Sinodu Djoċesan 1999-2003. Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalina li dak li għexna madwar 20 sena ilu l-Papa issa qed jipproponih għall-Knisja kollha, għall-Knisja universali, bl-istess metodu li aħna mxejna miegħu dak iż-żmien.
Qed ngħid dan għax kultant, meta jkollna din l-esperjenza ta’ Assemblea Djoċesana – issa ilna daqshekk snin – ikun hemm min jgħid: imma din vallapena ssir kull sena? L-istess jingħad dwar l-assemblea fil-parroċċa – vallapena ssir kull sena? Kien hemm din il-mistoqsija għal numru ta’ snin. Il-Papa wieġeb din il-mistoqsija bl-iktar mod ċar, u għalhekk aħna llum kuntenti li dak li l-Papa qed jipproponi għall-Knisja kollha qed ngħixuh, u l-ħsieb tagħna hu li nkomplu nsaħħuh.
Nifhmu, għalhekk, kif l-esperjenza tagħna fit-tnedija tal-proċess ekkleżjali bid-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, fis-sena 2020, hi esperjenza li tgħaqqadna bis-sħiħ ma’ dak li l-Papa nieda għall-Knisja universali fis-sena 2021. Aħna ddeċidejna li nieħdu bħala erba’ temi ċentrali, b’rabta mal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Evangelii gaudium, l-erba’ aspetti prinċipali: inkunu Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, Knisja li takkumpanja, Knisja li toħroġ – outreach f’missjoni.
Iddeċidejna wkoll li filwaqt li dejjem inżommu quddiemna b’mod ċar ir-rabta intrinsika bejn dawn l-erba’ aspetti, kull sena niffokaw aktar fuq aspett minnhom. Tgħin ħafna li niffokaw, għax nistgħu ninżlu aktar fil-fond. Kien għalhekk li matul is-sena li għaddiet, jiġifieri s-sena 2021, iffukajna fuq ‘Knisja li tisma’ – nafu li kellna diversi esperjenzi u anke l-Assemblea stess fuq hekk – u din is-sena fuq ‘Knisja li tilqa’’. Kellna esperjenzi sbieħ u parteċipazzjoni ħajja matul dawn is-sentejn. Is-sena d-dieħla se ngħaddu għat-tema ‘Knisja li takkumpanja’.
Il-ħsieb hu li ngħinu biex l-oqsma differenti tal-Knisja f’Malta matul is-sena d-dieħla joħorġu wkoll b’inizjattivi kreattivi u siewja fejn jidħol l-akkumpanjament.
L-Assemblea dis-sena hi maqsuma f’żewġ sessjonijiet. Illum se nisimgħu fil-qosor dak li sar matul din is-sena b’rabta mat-tema ‘Knisja li tilqa’’ u dak li ħareġ u li jrid iservi issa għal aktar ħidma. Il-parteċipazzjoni li kien hemm kienet sabiħa ħafna fil-gruppi matul din is-sena, minn din il-parteċipazzjoni ħarġu diversi punti li huma importanti, u li jridu issa jiġu assimilati. Nafu li l-assimilazzjoni tieħu ż-żmien, imma rridu nħeġġuha, u dak li se nippruvaw nagħmlu b’riżultat ta’ din l-Assemblea.
Fit-tieni parti llum, imbagħad, se ngħaddu għat-tema tas-sena d-dieħla ‘Knisja li takkumpanja’. Illum ikollna introduzzjoni ta’ din it-tema ta’ akkumpanjament bl-għeruq bibliċi tagħha, minn Fr Stefan Attard, imbagħad għada jkollna esperjenzi pożittivi li diġà qed iseħħu u li tajjeb inkunu konxji tagħhom – il-qsim anke ta’ good practice hu importanti ħafna – kif ukoll se jkollna ċ-ċans li fi gruppi nitkellmu b’mod konkret kif nistgħu ngħixu aktar din it-tema matul is-sena d-dieħla. L-Assemblea tagħlaq bil-messaġġ ta’ Mons. Arċisqof.
Kull tip ta’ esperjenza li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni nixtiequ nħeġġuha, u nixtiequ li b’dal-mod nifhmu li aħna Knisja waħda li qed nagħmlu Vjaġġ wieħed.
Il-ħsieb hu li ngħinu biex l-oqsma differenti tal-Knisja f’Malta matul is-sena d-dieħla joħorġu wkoll b’inizjattivi kreattivi u siewja fejn jidħol l-akkumpanjament. Dejjem hi ta’ sfida għalina, imma hi importanti, li ngħaqqdu flimkien il-kreattività mal-unità fid-direzzjoni u fil-ħidma. Għalhekk, f’okkażjoni bħal din bħalma hi l-Assemblea, nixtiequ nħeġġu ħafna lil dawk responsabbli għall-istituzzjonijiet differenti fil-Knisja f’Malta biex ikunu ispirati minn din it-tema, u huma stess jagħtu lok għal kreattività fi ħdanhom. Din hi importanti, u din hi parti mill-ħidma ta’ din l-Assemblea.
Nixtieq li nħeġġu ħafna l-parteċipazzjoni. Iktar ma nipparteċipaw f’dan il-proċess, iktar inkunu qed nagħtu sehemna biex inkunu Knisja ħajja, Knisja li tagħraf il-missjoni tagħha u taqdiha b’ħafna ħeġġa u ġenerożità fid-dinja tal-lum. Għalhekk kull tip ta’ esperjenza li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni nixtiequ nħeġġuha, u nixtiequ li b’dal-mod nifhmu li aħna Knisja waħda li qed nagħmlu Vjaġġ wieħed.
Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtina d-dawl u jgħinna nkunu dejjem f’attitudni ta’ dixxerniment f’dawn il-jumejn, mhux dal-jumejn biss, imma wkoll fil-ħidma tagħna, ħa nagħrfu dak li hu qed jgħidilna fi żmienna u dak li qed jistedinna għalih.
Nagħtu l-isbaħ xewqat li ġejjin minn dan l-ispirtu tal-Mulej li jistedinna lkoll għal din il-ħidma attiva u kreattiva matul din l-Assemblea Djoċesana.
Grazzi ħafna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju