• Is‑Sibt 11 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl‑okkażjoni tal‑50 sena anniversarju ta’ grupp ta’ saċerdoti, fid‑Dar tal‑Kleru, Birkirkara. Is-Saċerdoti preżenti kienu: Fr Anthony Agius, Fr Nicholas Aquilina, Kan. Carmelo Attard, Mons. Norrie Bonavia, Mons. Tarcisio Delicata, Fr Remigio Saliba, Fr John Sammut, Mons. Daniel Schembri, Fr Carmelo Zammit, Fr Joseph Barbara MSSP, Fr Victor Shields MSSP, u Fr Paul Deguara SJ.

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Dar tal-Kleru, Birkirkara
    11 ta’ Marzu 2017

    “Aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejjħilna b’sejħa qaddisa” (2 Tim 1, 8b). Iltqajna llum biex ngħidu ‘grazzi’ lill-Mulej bħalma qalilna, l-għażiż Dun Karm, għal din is-sejħa qaddisa li ħamsin sena ilu, il-Mulej ikkonferma bit-tqegħid tal-idejn tal-Isqof fuq ħamsa u għoxrin żagħżugħ Malti, l-iżjed għaliex hawn min ukoll fostna li ma kienx f’dik l-ordinazzjoni imma ġie ordnat xi mkien ieħor.  

    Huwa diġa miraklu fih innifsu li jkollok żagħżugħ li jagħti ħajtu lill-Mulej u llum hija xi ħaġa aktar rari li għall-ordinazzjoni jkollna ħamsa u għoxrin, nirringrazzjaw ’l Alla jekk ikollna ħamsa! Inbidlu xi ftit. Tliet snin wara, fl-1974 l-Arċisqof Gonzi ordna ħamsin f’daqqa – kienu wieħed u ħamsin – biex jiċċelebra l-ħamsin anniversarju mill-Episkopat tiegħu. Dawn huma numri li jitkellmu weħidhom.

    Wara kull saċerdot novell, hemm familja, hemm rabta, hemm familja li tissapportjah, hemm raħal li jifraħ bih. Din hija xi ħaġa sabiħa fid-djoċesi tagħna li tirrifletti mhux biss il-qdusija tas-sejħa, imma wkoll l-ammirazzjoni u s-sens tas-sapport li l-poplu jħoss għal min jagħti ħajtu għaliH.    

    Meta wieħed iħares lejn is-saċerdot li jkun għadda ħamsin sena b’dawk l-esperjenzi kollha ta’ laqgħat ma’ eluf ta’ persuni, is-sigħat twal fil-qrar, fil-predikazzjoni, f’oqsma differenti tas-serizz u l-ministeru tal-Knisja, wieħed mhux biss jara l-marki tal-età, imma min jaf fir-ruħ tas-saċerdot kemm ikun seħħ il-kliem tal-appostlu Missierna lill-Timotju: “aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju”. Mhux biss it-tbatija li int għamilt l-ubbidjenza lejn l-Isqof, ikun min ikun, imma wkoll it-tbatija tal-inkomprensjoni, it-tbatija tas-solitudni, it-tbatija ta’ min irid iwassal l-Evanġelju f’ambjent li mhux dejjem ikun faċli, li jista’ wkoll ikun ostili.          

    Fostkom hemm min għadda mill-esperjenza missjunarja; illum insellmu wkoll lil min mhux qiegħed hawnhekk fostna għaliex qiegħed fl-art tal-missjoni. Hemm ukoll min ġie ordnat bħal-lum u ma kompliex it-triq tas-saċerdozju, il-Mulej għaddieh min triq oħra. Aħna wkoll niftakru f’dawn li m’għadhomx saċerdoti imma fl-istess ħin jibqgħu saċerdoti għal dejjem. Għaliex l-ordinazzjoni li rċevejtu ħamsin sena ilu, tagħti karattru li ma jħassru ħadd. Hemm uħud minnkom ukoll li qegħdin il-ġenna u aħna niftakru fihom. “Dehret il-grazzja t’Alla permezz tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù li qered il-mewt u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju” (v. 10). Dawn ħutkom fis-saċerdozju li m’għadhomx magħna għaliex għaddew mill-bieb id-dejjaq tal-mewt, illum qegħdin magħna fix-xirka tal-qaddisin.  

    Għalhekk illum, flimkien mas-suċċessur tal-Arċisqof Gonzi li ordnakom, intom iġġeddu l-wegħdiet tas-saċerdozju imma ġġeddu wkoll ix-xirka saċerdotali li bdejtu ħamsin sena ilu ma’ ħutkom li magħkom komplew taħt l-għomma tax-xemx u l-kesħa tax-xitwa, ta’ oħrajn li l-għomma tax-xemx u l-kesħa tax-xitwa għexuha f’ambjenti differenti u fi stati ġodda, anke fis-sagrament taż-żwieġ.

    Dawn l-istejjer umani jgħallmuna kemm it-teżor kbir li jingħatalna huwa tassew f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4, 7). Kemm joqgħodu tajjeb fil-fomm tagħna s-saċerdoti kull meta niċċelebraw l-anniversarju tal-ordinazzjoni, imma għalikom il-ġublew tad-deheb, il-kelma li jgħallimna San Ġorġ Preca: “grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli, Sinjur Alla”.  

    “Is-sejħa qaddisa”, jgħid San Pawl lil Timotju, ma ngħatilniex “għax qies l-għemejjel tagħna, imma skont il-pjan tiegħu u skont il-grazzja” (2 Tim 1, 9). Il-kelma grazzja li hija imħabba, ħniena, hija għoġba. Il-Mulej ħa grazzja magħkom b’mod speċjali, urikom ukoll l-grazzja tiegħu billi ħenn għalikom, “mhux għax qies l-għemejjel tagħkom” imma  għaliex iħobbkom, iħobbkom b’mod speċjali. Lilna għażilna biex inwasslu dan id-dawl tal-Evanġelju li, kif jgħid l-Appostlu Missierna stess “idawwal il-ħajja bla tmiem” (v. 10). Dan id-destin li l-bniedem iħossu bħala istint qawwi f’kull kultura il-Mulej idawlu “permezz tal-Evanġelju” tiegħu.

    Fir-rakkont tal-Evanġelju, ir-rakkont ta’ dan il-misteru tad-dawl, tat-trasfigurazzjoni, hemm propju l-Mulej li bis-sbuħija u d-dawl tiegħu, jippreparana biex nisimgħu l-kelma tiegħu u ma niddejqux nimxu fuq il-passi tiegħu bħala dixxipli tiegħu. Lilkom ukoll l-Mulej Ġesù illum jgħidilkom: “Qumu. La tibżgħux” (Mt 17, 7). Aħna wkoll, meta nisimgħu s-sejħa mpenjattiva tal-Missier, nafu nibżgħu. “Id-dixxipli, kif semgħu leħen il-Missier, waqgħu wiċċhom fl-art mimlijin biża’ (v. 6), imma l-kelma ta’ Ġesù hija l-kelma li tagħmlilna kuraġġ.

    It-talba tal-Knisja, fil-bidu ta’ din il-quddiesa, fit-Tieni Ħadd tar-Randan, titkellem dwar l-esperjenza tagħna, aħna u niltaqgħu mal-Mulej permezz tas-sensi tagħna. “Inti tridna nisimgħu lil ‘Ibnek il-għażiż’: itmagħna bl-ikel tal-kelma tiegħek, agħmel li nsaffu l-għajnejn ta’ ruħna, nithennew bid-dehra tal-glorja tiegħek” (Kolletta). Il-Mulej se jagħtina esperjenza spiritwali billi jsaffi u jdawwal is-sensi tagħna, il-perċezzjoni umana, u dan huwa l-misteru kbir tat-trasfigurazzjoni tal-Mulej: mhux hu biss jiġi ttrasfigurat, imma bil-qawwa tad-dawl tal-glorja tiegħu, jittrasfigura, ibiddel, idawwal, anke s-sensi tagħna, isaffihom, jagħtihom il-kapaċità li jirbħu lil’hinn tal-qoxra kiefra, rozza, ħarxa tal-umanità, id-dawl  tar-ruħ u tal-ispirtu.  

    Dan huwa wkoll il-qawwa tas-saċerdozju, u din hija t-talba wkoll tal-Knisja li min jiltaqa’ magħna u, forsi jiltaqa’ minflok mal-bellus ma’ xi sandpaper, ma jitfixkilx, imma l-Mulej bil-qawwa tiegħu, minkejja d-dgħufija tagħna, minkejja d-debolizzi tagħna, xorta jużana biex jiltaqa’ ma’ dak li jkun.     

    Jien nixtieq nirringrazzja lill-Mulej f’isem il-Knisja ta’ kemm nies jiltaqgħu mal-Mulej permezz tagħkom, għeżież saċerdoti li qed tiċċelebraw il-Ġublew tad-Deheb. Fl-Iskrittura, il-ħamsin anniverarju huwa mument ta’ mistrieħ, tgħiduli: “domna  nistennew” għaliex wara d-49 sena, il-ħamsin waħda kienet tkun sena ta’ mistrieħ, sena sabbatika u forsi għaliex jidħol fit-table tas-seven, il-fortynine, seba għal seba darbiet. U allura x-xogħol ikun laħaq il-perfezzjoni tiegħu, hemm bżonn  nieqfu, imbagħad nerġgħu nibdew. Jiena x’se ngħidilkom? Jiena nafkom bħala nies li ma waqaftu qatt u meta nkun qed ngħidilkom “forsi nieqfu ftit”, tibdew tiftħuli għajnejja beraħ biex tgħiduli: “għad baqalna x’nagħtu”.

    Jiena nirringrazzjakom tal-ġenerożità tagħkom, tal-impenn tagħkom u anke tax-xhieda tagħkom. Għaddejtu minn ħafna esperjenzi, il-Mulej ukoll żejjen lil xi wħud minnkom bis-slaleb, mhux qed ngħid uħud biss għandu salib, kulħadd għandu s-salib tiegħu, min m’għandux salib, għandu domna. Il-Mulej ukoll juża’ t-tbatija li tgħaddu minna u li intom fis-saċerdożju tagħmlulha waħda mas-salib tal-Mulej biex tkomplu din il-missjoni li tagħtu xhieda lid-dinja li Ġesù huwa tassew is-Salvatur.     

    Nitolbu l-Mulej għall-vokazzjonjiet. Jiena mhux se nitlob li – ma nafx jiena sebgħa snin oħra jkolli ħamsa u għoxrin għall-ordinazzjoni, imma nitolbu għall-vokazzjonijiet. Iltqajt ma’ Isqof Kanadiż jumejn ilu, għedtlu: “għandek seminarju?”.  Qalli: “le”. “Għandek seminaristi?” Għamilli hekk. U din fi djoċesi żgħira, imbagħad għidtlu: “u fid-djoċesijiet tal-provinċja tagħkom, hemm seminaristi?” Reġa’ għamilli hekk. U għidltu: “imma r-raġuni x’inhi?” “Ir-raġuni hija n-nuqqas ta’ fidi”, qalli, “il-vokazzjonijiet jiġu fejn hemm il-fidi, fejn hemm il-fidi fil-familji, fost iż-żgħażagħ”.

    Waqt li nirringrazzjaw lill-Mulej tal-fedeltà ta’ dawn is-saċerdoti djoċesani u reliġjużi, fis-saċerdozju tagħhom u nitolbu għal sħabhom, jew li ħallew u għandhom salib ieħor jekk mhux iżjed u dawn ukoll li ħallewna, aħna nitolbu għal vokazzjonijiet, nitolbu għall-familji biex fosthom ikun hemm ambjent bħalma kien l-ambjent fil-familji tagħkom, mhux biss ambjent ta’ ġenerożità mal-Mulej, imma wkoll ambjent  ġenwin ta’ ferħ għax wieħed mill ulied se jkun reliġjuż u saċerdot, jew inkella saċerdot djoċesan. Kultant tisma’ ġenituri jaqsmulek qalbek, “le, Father, ma jkunx qassis, ma tkunx soru, ma tarax?”  Kemm tkun ħaġa sabiħa li jibqa’ jkollna familji li jifirħu meta wieħed minn uliedhom, jew waħda minn uliedhom tgħidilhom: “jiena nixtieq ningħata totalment lil Ġesù”.

    Dan nitolbu bl-interċessjoni tal-qaddisin Maltin u anke ta’ Monsinjur Grima, din it-talba: intom ħriġtu nill-irtir hawnhekk, ħamsin sena ilu għall-ordinazzjoni, ħamsin sena wara ġejtu hawnhekk mhux biss Fr Norrie    imma għaliex hawnhekk ukoll b’xi mod hija d-dar spiritwali tagħkom għaliex minn hawnhekk il-Mulej wassalkom għal din l-għerusija mal-Knisja: “Aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla li salvana u sejjħilna b’sejħa qaddisa”.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office