Il-Kumitat Parlamentari Magħżul tal-Kamra tad-Deputati dwar il-Prokreazzjoni Medikament Assistita dil-ġimgħa ppreżenta Rapport li mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li hu pass ’il quddiem fid-direzzjoni t-tajba. Il-Kumitat kien taħt it-tmexxija tal-Membru Parlamentari Dr Jean Pierre Farrugia.
Ngħiduha kif inhi, kien il-waqt li fil-pajjiż ikollna xi forma ta’ regolamentazzjoni f’dan is-settur. Qabel xejn, biex ikunu delineati l-parametri li fihom il-professjonisti tagħna jkunu jistgħu joperaw, u t-tieni, biex ikun żgurat l-aqwa servizz mediku f’dan il-qasam sofistikat.
Kif jgħid ir-Rapport fil-bidu tiegħu, “żewġ deċennji wara li twieldet l-ewwel tarbija bit-teknoloġija ta’ riproduzzjoni assistita f’pajjiżna, dan is-settur irid jiġi regolat b’liġi, biex barra li jkun jista’ jiġi mgħarbel minn Awtorità, ikun jista’ jiġi ffinanzjat mill-Istat u b’hekk isir aċċessibbli għal koppji infertili, irrispettivament mid-dħul finanzjarju tagħhom”.
Irid jingħad, kif ifakkar l-istess Rapport, li l-Kumitat Magħżul kien inkarigat jiffoka esklussivament “fuq l-użu tal-Prokreazzjoni Medikament Assistita fir-rigward tal-oqsma kruċjali li kien baqa’ indeċiż dwarhom il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali fl-2005 meta tfasslu r-rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-bioteknoloġija”.
F’dan is-sens, il-Kumitat kellu jiddeċiedi dwar liema koppji se jkunu eliġibbli għas-servizzi tal-prokreazzjoni medikament assistita. Forsi aktar importanti, il-Kumitat kellu jieħu deċiżjoni wkoll dwar l-iffriżar tal-embrijuni. Ir-Rapport jgħid li f’dan ir-rigward, il-Kumitat talab il-parir ta’ erba’ esperti li bejniethom “kien hemm kunsens sħiħ” dwar il-vantaġġ mediku tal-iffriżar tal-embrijuni.
Fl-istess waqt jiżvela li waħda minn dawn l-esperti, is-Sinjura Simone Attard, uriet it-tħassib tagħha dwar l-iffriżar tal-embrijuni, jew aktar preċiż, “dwar x’se jiġri mill-embrijuni li jkunu ffriżati” u li ma jintużawx mill-koppja.
Hu proprju hawn, jidhrilna aħna, li għandna problema etika. Hu ġustifikat, nistaqsu aħna, li nibdew niffriżaw l-embrijuni li ma jintużawx mill-koppja inkwistjoni, sempliċiment għaliex medikament jista’ jkun hemm vantaġġ?
AGĦFAS HAWN BIEX TKOMPLI TAQRA DAN L-EDITORJAL FUQ IS-SIT www.il-gensillum.com