L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja”. Dan hu l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju skont San Ġwann, fid-diskors tal-Aħħar Ċena, meta hu jfittex li jagħmel kuraġġ lid-dixxipli tiegħu. Jgħidilhom li se jbatu – “fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jien irbaħt id-dinja”. Ma kienx l-ewwel darba li Ġesù jitkellem, anke fl-istess diskors tal-Aħħar Ċena, fuq it-tbatija li kellhom jgħaddu minnha d-dixxipli tiegħu.

Imma jgħidilhom aktar Ġesù. Mhux biss it-tbatija li kienu se jgħaddu minnha huma, imma wkoll it-tbatija li kien se jgħaddi minnha hu, fost l-oħran minħabba fihom. Għax jgħidilhom li se jabbandunawh: jasal il-mument meta huma jixterdu kull wieħed lejn daru u “lili tħalluni waħdi”. Kemm hi kerha! “Lili tħalluni waħdi”. Jgħidilhom Ġesù: “Imma waħdi m’iniex, għax il-Missier huwa miegħi”. Huma li kienu se jabbandunawh. Għalhekk ried jagħmel kuraġġ lilhom anke minħabba dak li kienu se jagħmlu huma, li jonqsu daqshekk lil Ġesù, u jabbandunawh huma li kienu dejjem miegħu. Jagħmlilhom kuraġġ għal quddiem, meta jgħaddu minn din l-esperjenza kerha. Jiftakru fil-kliem tiegħu, li lilhom jagħmlilhom il-qalb.

Ġesù jgħid xi ħaġa li nixtieq li naħsbu fuqha. Jgħid: “jiena rbaħt id-dinja”. Kif rebaħ id-dinja Ġesù? Hawnhekk kien proprju se jidħol għall-passjoni u mhux biss jabbandunawh dawk qrib tiegħu, imma jkun il-vittma tal-mibegħda u tal-vjolenza ta’ tant nies li jispiċċaw isallbuh fuq is-salib. Meta kien imsallab fuq is-salib, dawk li sallbuh dehru li huma r-rebbieħa. Mela kif jgħid “jien irbaħt id-dinja”? Ħa naraw l-ewwel x’ma tfissirx. Ma tfissirx li Ġesù rebaħ lin-nies kollha, biex jimxu warajh, biex jemmnuh, biex jimxu skont il-kelma tiegħu, biex ikunu d-dixxipli tiegħu. Ma tfissirx hekk “jien irbaħt id-dinja”. Ma tfissirx li Ġesù ddomina lil kulħadd, u issa kulħadd qiegħed miegħu.

Fejn rebaħ lid-dinja Ġesù? Hi r-rebħa tal-qalb li taċċettah, ta’ dawk in-nies li lesti li jaċċettawh u mbagħad ikunu tassew rebbieħa miegħu

Xi tfisser mela “jien irbaħt id-dinja”? Nifhmu dan ftit wara, meta Ġesù se jgħaddi mill-passjoni u l-mewt, imbagħad iqum għall-ħajja ġdida, Irxoxt. Jirbaħ il-mewt. Hemmhekk hu rebbieħ. Ġesù qed jantiċipa dan, meta jkellem lid-dixxipli tiegħu, biex jurihom li din kienet se tkun ir-rebħa vera, meta hu jqum mill-mewt u joħroġ rebbieħ. Hemmhekk kienet tfisser li dak kollu li hu għallem mhuwiex tagħlim sabiħ li ndifen miegħu, imma hu verament it-triq rebbieħa. Dak kollu li Ġesù qal fuq l-imħabba, il-qadi, l-onestà, il-ġustizzja – tant affarijiet li għallem, dik hi t-triq rebbieħa! Ir-rebħa ta’ Ġesù kienet ukoll ir-rebħa tagħna, għax bis-saħħa u bil-qawwa tiegħu aħna wkoll nistgħu nirbħu, u għalhekk naslu fil-ħajja ta’ dejjem.

Dan hu messaġġ importanti għalina. Kultant tiġina l-istess mistoqsija li naturalment għamlu fi żmien Ġesù. Meta Ġesù jgħid “jien irbaħt id-dinja”, elfejn sena wara, ħares madwarek: in-nies għadhom jiġġieldu, joqtlu lil xulxin, jobogħdu, jagħmlu l-inġustizzji, il-korruzzjoni, minn kollox. Ħafna ħażen u immoralità! Fejn rebaħ lid-dinja Ġesù? Hi r-rebħa tal-qalb li taċċettah, ta’ dawk in-nies li lesti li jaċċettawh u mbagħad ikunu tassew rebbieħa miegħu. Mhijiex xi rebħa li tiddomina lil kulħadd, li toħloq għagħa, li b’xi mod tgħid li kulħadd fid-dinja miexi wara Ġesù. Mhijiex rebħa li tumilja lil xi ħadd. Mhijex hekk ir-rebħa ta’ Ġesù. Hi r-rebħa tal-qlub, li mbagħad iġġib bidla f’dawk li jaċċettawh, u bil-qawwa tagħhom ukoll bidla għall-aħjar fis-soċjetà. Hi l-bidla ta’ min jaċċettah, hi r-rebħa ta’ min jaċċettah u għalhekk jimxi tassew f’din it-triq rebbieħa. Hu b’dal-mod li Ġesù rebaħ lid-dinja, u din hi r-rebħa li lilna wkoll jistedinna għaliha.

Nitolbu lill-Mulej biex dejjem nagħmlu kuraġġ, nagħmlu l-qalb, biex qatt ma naqtgħu qalbna jew inħallu t-toqol tal-qalb jgħaffiġna fil-ħajja. Imma nagħmlu kuraġġ, għax niftakru li hu magħna, u lilna jgħinna dejjem bir-rebħa tiegħu. Jekk nissiebħu miegħu, inkunu wkoll rebbieħa miegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju