L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Dan is-salib li nilbes jesprimi b’mod sabiħ ħafna l-Evanġelju li għadna kif smajna. Hawnhekk  hawn Kristu msallab, u madwaru hawn il-kliem – li qiegħed bil-Franċiż għax dan oriġina Franza – “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). U meta ddawwar is-salib, hawn is-sitt opri tal-ħniena li jsemmi Ġesù – kont bil-ġuħ, kont bil-għatx, kont barrani, kont għeri, kont marid, kont fil-ħabs… Isemmi s-sitta li huma – qegħdin hawnhekk.

Dan l-Evanġelju, fil-fatt, imur fil-qalba tal-ħajja tagħna Nisranija – kif ngħixu tassew dak li nemmnu. Innutaw kif Ġesù ma jgħidx affarijiet ta’ barra minn hawn, fis-sens li trid toħlomhom, imma affarijiet konkreti – kif inti tgħix tassew dak li temmen. Għalhekk Ġesù jsemmi kif aħna nieqfu ma’ min għaddej minn tbatija, kif ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Meta nisimgħu dawn is-sitta li jsemmi Ġesù hawnhekk, nindunaw li diversi minnhom nistgħu nagħmluhom fil-fatt. “Kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:36) – forsi mhux daqshekk faċli li tara lil xi ħadd fil-ħabs; min jista’ għandu jmur, imma mhux dejjem daqshekk faċli, u tifhimha. Imma meta jgħid “kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:36) – kemm hi importanti din! Kemm hawn morda fl-isptarijiet, fid-djar tagħhom, anke f’djar tal-anzjani, li jkunu jixtieqhom min iżurhom, min jiġi jara kif inhuma, ikunu jixtiequ ma’ min jitkellmu, ma’ min jiftħu qalbhom. Kemm hi importanti din, u kemm nistgħu, fil-fatt, ngħixuha!

L-istess, meta Ġesù jgħid “kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). Hemmhekk qed jagħmlilna stedina tassew importanti, għax aħna li nemmnu qatt ma nistgħu nitkellmu fuq il-barranin qishom ta’ xi razza li ma jixirqilhomx id-dinjità, u l-imħabba tagħna. Inkella ma nkunux qegħdin ngħixu dil-kelma ta’ Ġesù: “kont barrani u lqajtuni”. Tagħna għandha tkun qalb li tilqa’ lil dawk li qegħdin madwarna, jew li narawhom, jew li niltaqgħu magħhom – huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin.

Il-kliem ta’ Ġesù nistgħu ngħixuh fil-prattika, u għandna ngħixuh. Naturalment, Ġesù hawnhekk qed isemmi eżempji importanti. Imma mbagħad jgħid: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Jiġifieri, qed jgħid, dak kollu li nagħmlu. Tista’ tkun, per eżempju, kelma ta’ inkoraġġiment lil min għaddej minn tbatija, messaġġ li tibgħat lil xi ħadd li taf li qiegħed waħdu; tista’ tkun għajnuna li tagħti, b’xi mod jew ieħor, lil xi ħadd li huwa fil-bżonn. Kontinwament niltaqgħu ma’ okkażjonijiet fejn nistgħu, u għandna, ngħixu dil-kelma li qed jgħid Ġesù.

Is-sabiħ tagħha mhux biss li nkunu qegħdin nagħmlu l-ġid – u l-ġid anke jekk ma jkunux qed isegwuh in-nies; ħafna mill-affarijiet li jsemmi Ġesù hawnhekk ma tarahomx bilfors dejjem fl-aħbarijiet, kultant fl-aħbarijiet tara x’ma sarx jew dak li sar ħażin. Imma anke meta jsir fis-skiet, fil-kwiet, qed nagħmlu l-ġid. Is-sabiħ tal-kliem ta’ Ġesù hu meta jgħid “għamiltuh miegħi”. Mela qed jgħid li jekk jiena ngħin lil xi ħadd fl-bżonn, qed nagħmel dan ma’ Ġesù. Qisni bħal meta nitlob u ngħidlu: Ġesù, kemm inħobbok, kemm nixtieq li naqdik fil-ħajja tiegħi! U Ġesù jgħidlek: sabiħ dal-kliem, issa għixu billi tgħin lil dawk li huma fil-bżonn. Hemmhekk hi l-isfida tal-ħajja tagħna: li aħna, lil dawk li huma fil-bżonn, ngħinuhom għax naraw lil Ġesù. Mhux bilfors għax il-persuna tkun simpatika. Tista’ tkun l-aktar persuna antipatika li qed tgħinha, imma tgħid: jien qed nagħmilha għax Ġesù qal: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Tista’ tkun persuna li timbuttak flok tiġbdek, mill-karattru tagħha, imma tgħid: ħa ngħinha, hemmhekk dak li qed nagħmlu qed nagħmlu ma’ Ġesù.

Ġesù imbagħad isemmi wkoll fl-Evanġelju n-negattiv, dak li ma sarx. U nnutaw il-kliem ta’ Ġesù. Mhux qed jgħid il-ħażin li tagħmel, per eżempju: kont marid u qtiltni. Qed jgħid: “kont marid… u ma ġejtux iżżuruni” (Mt 25:42). Jiġifieri hawnhekk qed jitkellem fuq l-indifferenza, dak li ma nagħtux każ, meta nonqsu mid-dmirijiet tagħna bħala Nsara. Fuq hekk qed jitkellem Ġesù. Għalhekk il-kliem tiegħu lilna għandu jgħinna biex dejjem nagħmlu eżami tal-kuxejnza ħalli ngħixuh fil-prattika u qatt ma nkunu indifferenti. Hemm dik it-talba sabiħa li ġieli ngħidu, anke fil-knisja, li għandha sentenza minnha verament tgħodd ma’ dak li qed jgħid Ġesù llum – nixtieq nagħmluha bħala talba tagħna: “Mulej, għinni ħalli ma mmurx ngħaddi minn fejn xi ħadd b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa, bil-pass imgħaġġel”.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta