
Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nilqagħkom ilkoll għal din l-Assemblea Djoċesana tagħna bit-tema Il-Knisja f’Malta: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni.
Kif nafu, dawn it-tliet kelmiet huma marbutin b’mod qawwi mal-esperjenza tas-Sinodu tal-Knisja universali – il-proċess li kien hemm f’dawn l-aħħar snin u li kellu l-qofol tiegħu fl-Assemblea Sinodali 2024. B’rabta mal-Knisja universali, imma wkoll konxji tal-wirt sabiħ li għandna aħna stess fis-Sinodu Djoċesan li ftit snin oħra niċċelebraw il-25 sena mit-tmiem tiegħu, u dak li hu mfisser b’mod sabiħ ħafna fid-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, aħna rridu nipproponu dawn it-tliet kelmiet bħala l-qofol tal-viżjoni fil-ħarsa tagħna ’l quddiem.
Pjan Pastorali ġdid
Dan hu li se nagħmlu fl-Assemblea Djoċesana, li se tkun parti minn proċess li beda – proċess ta’ tħejjija għal Pjan Pastorali ġdid li l-mira tagħna hu li jkun imniedi f’Pentekoste tas-sena d-dieħla. Il-ħidma hi f’idejn il-Vigarjat għall-Koordinament Pastorali, u Fr Andre Zaffarese, Vigarju Episkopali, se jispjega aktar dwar dan il-proċess illum.
Il-Pjan irid iwieġeb għas-sinjali li jurina l-Ispirtu ta’ Alla llum. Biex nagħmlu dan, irridu nagħrfu dak li l-Kelma ta’ Alla tgħidilna, u din hi riflessjoni li se jkollna llum. Irridu wkoll nitilqu mir-realtà kif inhi, u għalhekk hu importanti ħafna li nirriflettu fuq l-istudji li għamel id-DISCERN, l-Istitut tal-Arċidjoċesi għar-riċerka dwar is-sinjali taż-żminijiet.
Matul l-Assemblea, se jkun hemm l-opportunità li nipparteċipaw, u noffru l-kummenti, is-suġġerimenti u r-riflessjonijiet tagħna mhux biss waqt dawn il-jumejn imma wkoll fil-ġimgħat li ġejjin. Din il-parteċipazzjoni hi importanti ħafna biex il-Pjan ikun tassew frott tas-sehem ta’ ħafna.
Sfida
X’inhi waħda mill-ikbar sfidi llum meta nsemmu l-kliem ‘komunjoni’, ‘parteċipazzjoni’, u ‘missjoni’? Li ma jkunux biss ħolm, kastelli fl-arja, kliem li jdoqq sabiħ imma astratt, imma li jsiru iktar u iktar realtà fil-ħajja tal-Knisja f’Malta.
Irridu niftakru li din hi l-isfida dejjem f’dak kollu li ngħidu u nwasslu bħala Knisja. Xi kultant tisma’ min jilmenta: intqalu ħafna affarijiet sbieħ fis-Sinodu Djoċesan ta’ Malta imma kultant għadna ’l bogħod milli narawhom iseħħu. Dan hu veru, u dan hu lment li jgħodd ukoll għall-Konċilju Vatikan II, fejn hemmhekk għandna diġà viżjoni ta’ Knisja komunjoni jew Knisja sinodali – għalkemm dal-kliem daħal aktar reċentement – imma kultant għadna ’l bogħod milli naraw isseħħ il-viżjoni ekkleżjali tal-Konċilju. Imma, inkunu ċari: dal-kliem jgħodd ukoll għall-Evanġelju, fejn għandna l-kliem ta’ Ġesu, li hu ċar ħafna, u sabiħ ħafna, imma kultant inkunu ’l bogħod milli ngħixuh.

Għalhekk l-ewwel punt importanti li rridu niftakru huwa li Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni huma dimensjonijiet importanti ħafna li jridu kontinwament imexxuna, jixprunawna, jisfidawna biex ngħixuhom imma dejjem se jibqgħalna ħafna x’naqdfu. Qatt ma aħna se ngħidu ‘wasalna’! Dan hu vjaġġ kontinwu ta’ konverżjoni – vjaġġ li neħduh b’serjetà.
Imma nafu li dawn it-tliet kelmiet jiġbru l-viżjoni. Meta nistaqsu x’inhi l-viżjoni tal-Knisja f’Malta għal-lum u għas-snin li ġejjin, ir-risposta hi: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni. Huma dimensjonijiet marbutin flimkien, mhux pilastri separati waħda mill-oħra. Juruna l-viżjoni x’inhi.
Hi viżjoni li dejjem irridu napprofondixxu, b’rabta mal-Kelma ta’ Alla, mar-riflessjoni tal-Knisja Universali, u mar-realtà li qed ngħixu fid-dinja llum.
Kriterji għad-dixxerniment ekkleżjali
Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni, għalhekk, se jservu ta’ kriterji għad-dixxerniment ekkleżjali, biex inkunu nistgħu nagħmlu valutazzjoni tajba tal-ħajja u tal-ħidma tagħna, tal-istrutturi tagħna. Insemmi ftit punti għar-riflessjoni. Fil-kuntest tal-Knisja f’Malta:
Il-komunjoni tfisser:
- Li nagħrfu ngħixu l-għaqda fid-diversità – parroċċi, kongregazzjonijiet, għaqdiet differenti, kulturi differenti, ġenerazzjonijiet differenti – bħala ġisem wieħed ta’ Kristu.
- Li nħarsu lejn xulxin u nittrattaw lil xulxin bħala aħwa fil-komunitajiet tagħna.
- Li nġeddu l-istrutturi tagħna biex ikunu dejjem aktar espressjoni ta’ komunjoni.
Il-parteċipazzjoni tfisser:
- Li nagħrfu li kull persuna mgħammda ġġib magħha don – karismi, esperjenzi, prospettivi – għall-ħajja komuni tal-Knisja.
- Li noħolqu esperjenzi biex dawn id-doni jinstemgħu u jkunu espressi permezz ta’ parteċipazzjoni ħajja.
- Li nsibu mezz kif dawk li mhux soltu jipparteċipaw – ngħidu aħna, żgħażagħ, migranti – ikunu wkoll parteċipanti attivi.
Il-missjoni tfisser:
- Li nagħrfu li l-ħarsa tagħna għandna tkun dejjem ’il barra, biex bix-xhieda u bil-kelma ngħinu lin-nies jiltaqgħu ma’ Ġesù.
- Li nkunu ffurmati f’dixxipli missjunarji – ilkoll ko-responsabbli għall-evanġelizzazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum (xogħol, familja, divertiment).
- Li nilħqu lill-emarġinati, dawk fil-periferiji, dawk li jħossuhom imwarrba.
Bħala dimensjonijiet importanti fid-dixxerniment ekkleżjali, Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni se jkunu mezz ta’ eżami tal-kuxjenza – kultant awtokritika meta naraw fejn m’aħniex qed ngħixuhom, u kultant mezz ta’ tama u kuraġġ meta naraw fejn qed ngħixuhom, fejn għandna llum prattika tajba (good practice) ta’ dawn, ħalli nistgħu naqsmu ma’ xulxin l-esperjenza tagħna ta’ kif qed ngħixuhom b’mod li jesprimu tassew il-ħajja tal-Knisja.
Sinodu Djoċesan
Mons. Arċisqof għada jagħlaq din l-Assemblea Djoċesana bil-messaġġ tiegħu. Hu diġà esprima l-fehma li dan il-Pjan Pastorali ġdid għandu jeħodna lejn iċ-ċelebrazzjoni ta’ Sinodu Djoċesan, fejn inkunu nistgħu ngħixu b’mod qawwi s-sinodalità li tesprimi ruħha f’komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni. Nisimgħu għalhekk bil-ħerqa l-messaġġ tiegħu għada.
Nistedinkom biex nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli din l-Assemblea Djoċesana tagħti ħafna frott fil-Knisja f’Malta.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




