L‑entità tal‑Knisja Fondazzjoni Sebħ iffirmat ftehim mal‑Ministeru għall‑Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal sabiex tkompli tmexxi x-xelter ‘Il-Milja’, li jilqa’ 12-il mara bit-tfal tagħhom u jkunu għaddew minn abbuż jew vjolenza, fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika, prostituzzjoni sfurzata kif ukoll abort sfurzat.

Dan il‑ftehim jassigura għajnuna finanzjarja ta’ €1.5 miljun mill‑Gvern fuq medda ta’ tliet snin sabiex Fondazzjoni Sebħ tkompli tmexxi dan ix-xelter tat-tieni stadju, l-ewwel xelter ta’ din ix-xorti offrut mill-Knisja. Is-sena li għaddiet, 55 persuna (24 mara u 31 tfal) rċevew l-għajnuna tal-Knisja u għexu f’Il-Milja sakemm jerġgħu jiksbu l‑indipendenza tagħhom u jibdew jgħixu ħajja ’l bogħod mill‑abbuż u l‑vjolenza. 

Fondazzjoni Sebħ qed tbassar li matul is-sena li ġejja se jkollha bżonn madwar €55,500 sabiex tgħin lil kull familja li tgħix fix-xelter. Dawn l-ispejjeż ikopru għajnuna materjali fejn meħtieġ, terapija, manutenzjoni tal-binja, u taħriġ u pagi tal‑persuni li jieħdu ħsieb il-familji 24 siegħa kuljum. 

Id‑Direttur ta’ Sebħ, Yvonne Mallia, qalet li b’dan il‑ftehim Fondazzjoni Sebħ se tkun tista’ tkompli tgħin nisa u tfal fl-aktar mument vulnerabbli tagħhom. Spjegat li kull familja tgħix f’appartament b’mod indipendenti għal 18-il xahar u tim professjonali jgħin lill-familji jirkupraw mit-trawma li għaddew minnha. Hi rringrazzjat lill‑Ministru għall‑Politika Soċjali u Drittijiet tat‑Tfal għal dan il‑finanzjament li jagħmilha possibbli sabiex il‑Knisja tkompli toffri dan is-servizz mingħajr ħlas li hu tant bżonjuż fis-soċjetà llum.

Il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Mons. Martin Micallef, f’isem il-Knisja f’Malta, qal li f’din is-sena, meta l-Knisja Universali qed tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama, is-servizzi li toffri Il-Milja hu mod konkret ta’ kif il-Knisja f’Malta tista’ tkompli twettaq l-impenn tagħha biex tnissel it-tama f’dawk il-persuna li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabilità fis-soċjetà. 

Il-missjoni ta’ Fondazzjoni Sebħ bdiet fl-1956 meta l‑Arċidjoċesi ħadet f’idejha l‑koordinament tad‑djar tat‑tfal immexxija mill‑ordnijiet reliġjużi. Maż-żmien, bl-appoġġ kemm tal-Arċidjoċesi kif ukoll, f’dawn l-aħħar snin, tal-Istat permezz ta’ Public Social Partnerships, l-għajnuna offruta minn Fondazzjoni Sebħ imxiet minn kura istituzzjonalizzata għal ambjent aktar personalizzat u f’ambjent li jixbah dak ta’ familja.

Min jixtieq jgħin lil Fondazzjoni Sebħ sabiex tkompli toffri servizzi tal‑ogħla kwalità u servizzi ġodda, jista’ jżur sebh.mt. Jekk teħtieġ l‑għajnuna, tista’ tikkuntattja lil Sebħ fuq 22470900 jew tibgħat email fuq [email protected].

Aktar ritratti