L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. id-dawl li jiddi fid-dlam imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1:4-5).

F’dan il-Milied qaddis nixtieq noffri riflessjoni ċkejkna ispirata minn dawn l-ewwel kelmiet mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, dak li aħna nsejħlulu bħala l-prologu ta’ San Ġwann.

It-talba tiegħi hi li anke llum fis-soċjetà tagħna, fl-Ewropa għażiża tagħna u fid-dinja, il-ħajja tkun id-dawl tal-bnedmin.

Il-ħajja hi tama; il-ħajja hi don. Għal kull wieħed u waħda minna l-ħajja hi avventura li tibda fit-tnissil u tispiċċa mal-mewt naturali tagħna. Il-ħajja hi fuq din l-art imma d-destin tagħna hu l-ħajja ta’ dejjem.

Jalla din il-ħajja li għandha bidu fiż-żmien imma hi msejħa biex ma tintemm qatt, tkun id-dawl tal-qalb tagħna; tkun hi li ddawwal il-ħsibijiet, il-pjanijiet, il-liġijiet u l-politika tagħna. Dan jiddependi minn kull wieħed u waħda minna imma l-appell u t-talba li nagħmel illum f’dan il-jum solenni hi li qatt m’għandha tkun il-mewt li tmexxina jew ix-xenqa tal-mewt, imma li l-ħajja tkun id-dawl tal-qalb tagħna.

Għax il-ħajja hi l-iktar “dawl jiddi fid-dlam,” u kif jgħid il-Mulej, id-dlam ma għelibx il-ħajja (id-dawl).

Aħna u nibku u nolfqu quddiem tant vjolenza fil-gwerer, tant vittmi innoċenti sa mit-tnissil sat-tmiem il-mewt, ejjew nagħmlu att ta’ fidi u ta’ tama f’din il-kelma għażiża “u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam” il-Mulej huwa dak li jixhed fuq din ir-rebħa kbira tal-ħajja fuq il-mewt.

Id-dinja ma għarfitux, niesu ma laqgħuhx, u aħna x’se nagħmlu?

L-istedina ta’ dan il-Milied hi li nilqgħu s-Sid tal-Ħajja li twieled tarbija fostna biex ikun magħna, “Għimmanu-El”.

Ejjew nitolbu li s-soċjetà tagħna tibqa’ tgħożż id-don tal-ħajja: il-barka tal-ulied, il-barka tal-anzjanità. U anke meta l-ħajja titqal, u forsi l-aħħar jiem jitwalu, ejjew qatt ma ninsew id-dinjità ta’ kull nifs li nieħdu, ta’ kull nifs li jieħdu l-għeżież tagħna.

Din it-tarbija hi l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Din il-kelma ċara li jħabbar Ġwanni: “Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kulma sar kellu l-ħajja fih,” (Ġw 1:3-4).

Jalla dan il-Milied nixxenqu biex ikollna l-ħajja fil-milja tagħha, il-ħajja b’Ġesù.

I greet our guests who do not speak Maltese. I would like to share with you a brief reflection inspired by the beautiful Gospel of John 1:4: “The life was the light of mankind.” My prayer is that the Gospel of life—our culture of life, which respects life from its very beginning at conception until its natural end and into eternity—becomes the guiding light for both policy and our hearts.

As we welcome the baby of Bethlehem, let us pray that, where there is death in our world through violence, war and hatred, a culture of life may flourish.

May the Lord of Life, this Christmas, lead us to the understanding that where there is life, there is true light.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4.5-6
Qari II: Lhud 1:1-6
L-Evanġelju: Ġw 1:1-18

Aktar ritratti