****
Direttur: Daniel Espinosa
Atturi: Tom Hardy, Gary Oldman, Noomi Rapace, Joel Kinnaman
Ħin: 137 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 15
Leo Demidov huwa Russu li trabba f’orfanatrofju. Fl-1945 intagħżel biex ixejjer il-bandiera russa minn fuq ir-Reichstag f’Berlin u b’hekk sar eroj nazzjonali. Fl-1953 Leo jifforma parti mill-pulizzija militari f’Moskow inkarigat bli jaqbad l-ispiji. Meta jinstab tifel maqtul ħdejn il-linji tal-ferrovija f’Moskow Leo jitqabbad jagħmel rapport uffiċċjali u jgħid li l-kawża tal-mewt kienet inċident, għax skond Stalin ‘ma jsirx qtil fil-ġenna ta’ l-art’ (ir-Russja). Leo kien dejjem sudditu fidil tar-Russja, iżda bil-mod il-mod il-fidi tiegħu fis-sistema tibda tnin. Hu jħoss ħafna għat-tfal, u meta jinstabu tfal oħrajn maqtulin jinsisti li jinvestighom. Minflok, iżda, jitqabbad jinvestiga u jiddinunzja lil marthu, Raisa, stess. Huwa jiċħad li jagħmel dan u għalhekk flimkien ma’ marthu jintbagħat f’belt industrijali il-bogħod. It-tfal maqtulin ikomplu jiżdiedu u sa fl-aħħar jinstab li l-qattiel huwa Paddy Considine li meta kien tifel kien ittorturat.
Thriller, ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Tom Rob Smith dwar is-snin diffiċli ta’ żmien Stalin u l-gwerra bierda. L-iscript hu intrikat ħafna u dettaljat, xi ħaġa li tagħmel il-film xi ftit tqil u diffiċli. Kemm Tom Hardy u kemm l-atturi l-oħra jaħdmu l-parti tagħhom tajba. Fih xeni ta’ vjolenza, xeni sesswali u kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.