-
-
Din il-White Paper tagħti stampa dettaljata u studjata tax-xejriet ekonomiċi u soċjali u l-bidliet fis-suq tal-kera. Fil-kuntest tal-iżvilupp ekonomiku, din l-istampa tindika żieda fit-talba għal kirjiet privati minħabba, fost oħrajn, żieda fis-separazzjonijiet personali u divorzji; single parenthood, inqas affordabilità ta’ akkomodazzjoni; żieda ta’ ħaddiema barranin; u żieda fit-talbiet għal kiri mit-turiżmu.
Caritas Malta ilha tesprimi t-tħassib serju tagħha għal persuni f’faxxa tas-socjetà tagħna li m’għandhomx dħul biżżejjed biex ilaħħqu maż-żieda fl-għoli tal-ħajja u wisq iktar maż-żiedet fil-kirjiet privati. Din is-sitwazzjoni iktar tiggrava ruħha f’każijiet ta’ persuni emarġinati soċjalment, dawk li jbatu minn xi kundizzjoni fiżika jew mentali, l-anzjani u persuni li qed jippruvaw joħorġu minn xi dipendenza. Dan hu rifless ukoll fiż-żieda fit-talbiet għall-akkomodazzjoni soċjali li bħalissa tammonta għal madwar 3,200 ruħ.
Fl-isfond tad-direzzjoni politika, li s-suq jitħalla liberu, Caritas Malta ilha għal dawn l-aħħar snin tinsisti li din l-imsemmija faxxa tas-soċjetà għandha tiġi mħarsa u mgħejjuna billi: is-suq tal-kera jiġi regolat u regolarizzat; b’għajnuna finanzjarja li tkun adegwata għal min m’għandux dħul biżżejjed biex ilaħħaq mal-kirjiet privati; bini diċenti ta’ akkomodazzjoni soċjali u li jilqa’ għad-domanda eżistenti; u l-provediment ta’ akkomodazzjoni iktar affordabbli biex iktar persuni jkunu inkoraġġiti jsiru sidien ta’ darhom, partikolarment iż-żgħażagħ biex fl-iqsar żmien possibbli isiru wkoll sidien ta’ darhom.
Caritas Malta tilqa’ din il-White Paper, li kienet ilha mistennija, b’sodisfazzjon għad-dikjarazzjoni ta’ prinċipji li fiha u li jimmiraw għal stabbilità, sostenibilita, protezzjoni u garanziji għall-kerrej kif ukoll għas-sid. Fost il-miżuri biex jintlaħqu dawn il-prinċipji huma r-reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kera; id-depożitu tal-kera li jrid jiġi dikjarat kif ukoll l-inventarju; l-inċentivar ta’ kuntratti fit-tul b’żieda stabbilita u aċċess regolat għas-servizzi tad-dawl u l-ilma.
Caritas Malta tittama li dawn il-prinċipji jiġu implimentati wara li ssir il-konsultazzjoni pubblika fuq din il-white paper u sadanittant ittenni li:
- Huwa rikonoxxut li l-ħlas għal kera m’għandux ikun iktar minn terz tad-dħul li jkollu -individwu, biex ikun jista’ jlaħħaq mal-bżonnijiet essenzjali u adekwati tal-ħajja. Fejn dan ma jkunx hekk, għandu jkun hemm sostenn finanzjarju, f’forma ta’ sussidji, biex jikkompensa għal dan.
- Jinżamm moniteraġġ kontinwu fuq is-suq tal-kera u jiġi krejat dak li jissejjaħ ‘Indiċi tal-Kera’ (Rental Index), fejn l-informazzjoni miġbura tkun pubblikament aċċessibli.
- Jinħoloq mekkaniżmu ta’ infurzar effettiv biex dawn il-prinċipji dikjarati fil-White Paper jiġu implimentati halli kemm jista’ jkun jiġu kontrollati l-abbużi
Dan kollu jgħin biex jinstab il-bilanċ bejn l-interessi varji u li jikkompetu ma xulxin f’dan il-qasam. Dan għandu jassigura li s-suq ma jkunx biss ħieles imma ġust fil-ħarsien tal-faxex kollha tas-soċjeta, l-aktar dawk li huma vulnerabli u emarġinati.