L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ix-xbieha ta’ Ġesù Kristu ragħaj hi xbieha antika ħafna – fil-fatt ilha mill-ewwel sekli wara Kristu. Jekk aħna mmorru l-katakombi f’Ruma, pereżempju l-katakombi ta’ Domitilla, ta’ Priscilla, ta’ San Kallistu, insibu din ix-xbieha mal-ħajt, li tfakkarna kif mill-ewwel sekli kienet xbieha għażiża ħafna għall-ewwel Insara.
Fuq l-ispalla u fit-triq
L-iktar xbieha antika li nsibu hi dik ta’ Ġesù Kristu bin-nagħġa fuq spallejh, qed jerfagħha; u magħha wkoll dik ta’ Ġesù Kristu miexi u n-nagħaġ mexjin warajh jew madwaru, imma qed imexxihom hu. U f’dawn iż-żewġ xbihat ta’ Kristu ragħaj, kemm tan-nagħġa fuq spallejh – li tfakkarna fil-parabbola li kien qal Ġesù li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa u jerfagħha fuq spallejh – u ta’ Ġesù Kristu miexi u n-nagħaġ mexjin warajh bħala r-ragħaj it-tajjeb, f’dawn iż-żewġ xbihat għandna l-ħsieb tal-għożża, il-protezzjoni u l-gwida li jfisser ir-ragħaj għan-ngħaġ.
Għalhekk il-messaġġ kien: bħalma n-nagħaġ fir-ragħaj jaraw dak li jgħożżhom, li jipproteġihom, li jiggwidahom, hekk ukoll Kristu għalina.
Ma jintilfu qatt
Jekk naħsbu ftit, nindunaw kif dawn huma bżonnijiet, aspirazzjonijiet tagħna fil-ħajja. Aħna rridu li nsibu fil-ħajja l-għożża, infittxu l-protezzjoni, u wkoll min jista’ jiggwidana. Għalhekk il-messaġġ sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja kien ċar: li għal dawn l-aspirazzjonijiet tal-ħajja tagħna, jekk inħarsu lejn Ġesù Kristu li hu ħaj, se nsibu fih proprju l-għożża, il-protezzjoni, il-gwida.
Fil-fatt, naraw dan fl-Evanġelju qasir li smajna llum, skont San Ġwann, fejn joħorġu dawn it-tliet aspetti. U Ġesù jenfasizza f’dan l-Evanġelju għal tliet darbiet: “ma jintilfu qatt” – jiġifieri n-nagħaġ li r-ragħaj qed jieħu ħsieb, “minn idejja ma jaħtafhomli ħadd”, u jerġa’ jgħidha: “ħadd ma jista’ jaħtafhom”. Mar-ragħaj għandhom tassew dak li jista’ jagħtihom l-għożża, il-protezzjoni, u l-gwida.
Nisimgħu leħnu u nimxu warajh
Din hi għalina kelma li tiswa ħafna ta’ ġid għall-ħajja tagħna. Meta naraw lil Ġesù Kristu bħala r-ragħaj it-tajjeb, niftakru li hu jrid jagħtina dan kollu, imma minna jiddependi. Fil-fatt, fl-Evanġelju, Ġesù jsemmi li n-nagħaġ jisimgħu leħnu u jimxu warajh. Dawn huma zewġ affarijiet importanti li jiddependu minna: aħna li rridu nisimgħu leħnu u nimxu warajh, ħadd mhu se jġegħilna.
U nafu kemm hemm bżonn li aħna nisimgħu leħnu, fost ħafna ilħna li nisimgħu; u nisimgħu leħnu bħala l-leħen li verament jurina t-triq, li jurina dak li hu l-aktar importanti f’ħajjitna. U nafu kemm hu importanti li nimxu warajh, għax meta nimxu warajh ma nidħlux fis-sqaq, jew jekk nidħlu jgħinna noħorġu mill-isqaq, ħalli nimxu fit-triq it-tajba. Għalhekk il-messaġġ li Ġesù qed jagħtina hu: minna jiddependi.
It-talba li nixtieq nagħmel għalina lkoll illum hu li aħna verament nagħrfu lil Ġesù Kristu bħala r-ragħaj it-tajjeb, u li aħna nisimgħu leħnu kontinwament, u nimxu warajh.
F’isem Kristu ragħaj
Illum f’din il-quddiesa qegħdin nitolbu b’mod speċjali għall-vokazzjonijiet – hawn preżenti l-promoturi tal-vokazzjonijiet fil-kongregazzjonijiet u fl-ordnijiet differenti, u fis-Seminarju ta’ Malta. Għandna bżonn nitolbu biex ikun hemm ħafna ragħajja f’isem Kristu ragħaj, dawk li jistgħu jmexxu proprju f’isem Kristu. Dan jagħmluh mhux għalihom infushom, mhux biex huma jsibu sodisfazzjon, imma jagħmluh f’isem Ġesù Kristu ragħaj, u jwasslu permezz tal-ħidma tagħhom, l-għożża, il-protezzjoni u l-gwida ta’ Ġesù Kristu ragħaj.
Nitolbu
Tajjeb li nitolbu ħafna. Nitolbu biex aħna saċerdoti, reliġjużi naqdu din is-sejħa tagħna bl-istess spirtu ta’ Kristu ragħaj, u li nwasslu lin-nies għand Ġesù Kristu ragħaj. Nitolbu li jkunu ħafna dawk li jwieġbu għal din is-sejħa li jagħmlilhom Ġesù biex jaqduh bi mħabba, b’dedikazzjoni, b’ġenerozità f’din il-ħidma hekk importanti.
Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ li ħareġ għal din il-ġurnata, il-Jum ta’ talb għall-Vokazzjonijiet, isemmi kemm hu importanti li nagħtu sehemna fil-bini tal-umanità u li l-valur kbir tal-ħajja saċerdotali u reliġjuża hu proprju għax qed jgħin biex Kristu jasal illum, u biex in-nies jiltaqgħu ma’ Kristu llum, u b’hekk tinbena wkoll l-umanità kif iridha Alla.
Ħa tkun din it-talba li nagħmlu llum. Nitolbuh lill-Mulej għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Nitolbuh biex dawk li diġà qed jaqduh f’din il-ħidma jkunu tassew sinjal u strument li jwasslu lin-nies għand Ġesù Kristu ragħaj. U nitolbuh biex f’ħajjitna, kull wieħed u waħda minna, dejjem niftakru u nkunu nistgħu nagħmlu l-esperjenza sabiħa tal-għożża, tal-protezzjoni, tal-gwida li jagħtina Ġesù Kristu ragħaj.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju