L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Ġie bħala xhud biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen” (Ġw 1:6). Dan huwa l-mod kif l-Evanġelju ta’ San Ġwann li għadna kemm qrajna – propju qegħdin fl-ewwel kapitlu – jiddikjara u jfisser il-missjoni ta’ Ġwanni li aħna nsemmuh bħala l-Għammied għax hu kien li għammed lill-Mulej Ġesù, jew inkella Ġwanni l-Battista għax propju għammed lill-Mulej.
“Ġie bħala xhud ibix jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen”. Għażiż Fr Andrew, jiena nawguralek li għall-komunità parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq, int tkun xhud għad-dawl ta’ Ġesù u li twassal lil ħafna għall-milja tal-fidi. Ġwanni ma kienx id-dawl u lanqas inti m’intix id-dawl imma ġejt u inti mibgħut bħal Ġwanni l-Għammied biex tixhed għad-dawl.
Ħin minnhom il-Fariżej li kienu interessati ħafna anke fir-ritwal, jippruvaw jifhmu għaliex Ġwanni qiegħed jgħammed fix-Xmara Ġordan. X’inhu s-sinifikat ta’ din il-proċedura, ta’ dan ir-ritwal li jkun hemm kju ta’ nies wieħed wieħed, waħda waħda jgħammidhom – il-magħmudija tfisser full immersion bl-Ingliż, li togħdoshom, jogħdoshom fix-Xmara Ġordan. Imma ji jfisser dan kollu, għaliex?
Għaliex huma preokkupati li dan li qiegħed jgħid mhuwiex il-Kristu, mhux il-Messija, mhuwiex il-profeta Elija li kellu jiġi qabel il-Messija u mhuwiex profeta, allura min hu? U Ġwanni b’umiltà kbira, għax l-umiltà hija r-realta ta’ min inti – mhux li ċċekken lilek inifsek u tarmi lilek innifsek imma tirrispetta inti min inti u inti m’intix ukoll – u jgħid: “Jien m’iniex il-Kristu, m’iniex Elija, m’iniex il-profeta (ara Ġw 1:19-21), imma allura inti min inti? “Leħen jgħajjat fid-deżert: ‘Ħejju t-triq tal-Mulej’” (Ġw 1:23). Mela huwa dak li mibgħut qabel il-Mulej biex iħejjilu t-triq u l-Mgħamudija li qiegħed jagħti hija magħmudija ta’ ndiema.
B’xi mod l-Avvent huwa l-istaġun ta’ Ġwanni l-Battista daqskemm hu wkoll l-istaġun tal-Madonna li qiegħda tistenna. Il-Madonna qiegħda tistenna lill-Mulej fil-ġuf tagħha, hija l-omm tal-istennija. Imma anke Ġwanni l-Battista huwa dak li jħejji t-triq għall-Mulej. Mhuwiex id-dawl imma ġie jixhed għad-dawl (Ġw 1:8), imma jipprepara t-triq għal xi ħadd li se jgħammidna bl-Ispirtu s-Santu.
Din hi l-komunità li nawguralek li tkun tista’ tagħti ħajtek għaliha, komunità mgħammda bl-Ispirtu s-Santu li minnek, għażiż kappillan, għażiż Fr Andrew, tippretendi li ssib xhud għal dan id-dawl u wkoll bniedem li f’kull persuna jaf ikebbes il-fjamma ta’ Ġesù.
Għalhekk, peress li aħna mgħammdin bl-Ispirtu s-Santu – u din hija xi ħaġa li Ġwanni kien konvint minnha – Ġesù se jiġi biex jgħammidna fl-Ispirtu s-Santu. Allura Ġesù, għalkemm jaf li m’aħniex id-dawl, xorta seta’ jgħidilna la aħna mgħammdin bl-Ispirtu s-Santu, “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14).
Dil-ħaġa Ġwanni ma setax jgħidha fuqu nnifsu. Imma Ġesù jgħidha lil dawk li hu jgħammed bl-Ispirtu s-Santu, jgħid: “jiena d-dawl tad-dinja” Imma meta jħares lejna jgħidilna: “Intom id-dawl tad-dinja”. “Intom il-melħ tal-art” (Mt 5: 14.13).
U din hija l-komunità li jiena nawguralek li tkun tista’ tagħti ħajtek għaliha, komunità mgħammda bl-Ispirtu s-Santu li minnek, għażiż kappillan, għażiż Fr Andrew, tippretendi li ssib xhud għal dan id-dawl u wkoll bniedem li f’kull persuna jaf ikebbes il-fjamma ta’ Ġesù.
Illum bħala kappillan, inti qabel l-Evanġelju xgħelt it-tielet xemgħa mill-girlanda tal-Avvent. Diġà wasalna fit-tielet xemgħa mill-erbgħa li jħejjuna tant qrib il-Milied. Imma dan is-simbolu ftakru wkoll bħala s-sinjal tal-qadi tiegħek, tal-missjoni tiegħek, tal-ministeru tiegħek: jiena f’kull persuna mhux nitfi x-xemgħa tal-imħabba, il-fjamma tat-tama u tal-fidi, imma nixgħelha.
Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna f’dan l-istaġun tal-Avvent bl-għożża ta’ bejnietna, bil-maħfra, bil-paċenzja li nieħdu b’xulxin minflok nitfu x-xrara li hemm f’dak li jkun, inħeġġuha, nixegħluha. B’hekk ikun jista’ jseħħ il-kliem tal-profeta: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għax il-Mulej ikkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs; biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Iż 61:1-2). Wara kollox, aħna qed nistenew imgħallem li qasba imġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx”.
Dan is-simbolu ftakru bħala s-sinjal tal-qadi tiegħek …: jiena f’kull persuna mhux nitfi x-xemgħa tal-imħabba, il-fjamma tat-tama u tal-fidi, imma nixgħelha.
Jalla inti u tiltaqa’ fil-parroċċa għażiża li bgħattek u qed nibgħatek biex tkun ir-ragħaj tagħha, għażiż Fr Andrew, kull meta tiltaqa’ ma’ fjamma tnemnem mhux titfiha imma tgħinha tikber, tixgħel u hekk id-dwal li qed nixegħlu fid-djar tagħna u fit-toroq tagħna f’dawn iż-żminijiet ikunu sinjal ta’ dik il-fjamma ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba li tassew iħeġġu u jimlew il-qalb tagħna bil-veru ferħ.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 61, 1-2a.10-11
Salm: Lq 1,46-48.49-50.53-54
Qari II: 1 Tess 5, 16-24
Evanġelju: Ġw 1, 6-8.19-28