• It-Tnejn 18 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna iltaqa’ mat-300 żagħżugħ u żagħżugħa mill-Mixja Neo-Katekumenali, li se jmorru għall-pellegrinaġġ tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, fi Krakovja, il-Polonja. Il-laqgħa mal-Ġemgħa saret fil-Katekumenju, il-Ħamrun.
     

    Message by Archbishop Charles J. Scicluna

    Katekumenju, il-Ħamrun
    18 ta’ Lulju 2016
    Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù juża’ l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb biex lil dan l-għaref fil-Liġi jgħallmu xi tfisser tkun proxxmu. Id-domanda tal-għaref tal-Liġi kienet: “u l-proxxmu tiegħi, min hu?” (Lq 10, 29). Ir-risposta li jagħti Ġesù, tgħallem lil dan l-għaref tal-Liġi kif hu jkun proxxmu, kif meta jiltaqa’ ma ħuh li qiegħed fis-saram, ma jħarisx u jibqa’ għaddej bħalma għamlu s-saċerot u l-levita, imma jieqaf u waqt li qed jitħassar lil ħuh li huwa nofsu mejjet ma ġenb it-triq, ikun jista’ jdewwih.
    Ġesù se jagħmel hekk miegħek. L-istedina tiegħi għalik hija li tħallih. Se jsibek kif int, forsi għalkemm rikonċiljat miegħu, għadek ippjagat bit-toqol tal-vizzju ta’ dnubietek, jew inkella bid-diżappunti tal-ħajja, jew xi qsim il-qalb, jew xi eżami li m’għaddejtx minnu. Se jsibek forsi wkoll ma ġenb it-triq b’ħafna pjagi li għadhom friski u lilek ukoll irid idewwilek il-ġrieħi tiegħek biż-żejt u l-inbid u jorbothomlok tajjeb imbagħad itellgħek fuq il-bhima tiegħu. Mhux biss il-coach imma l-komunità, il-komunità hija l-mod kif Ġesù jġorrok, il-komunità li qiegħed jew qiegħda fiha, hija ‘l-bhima’ li Ġesù jpoġġik fuqha biex iġġorrok u twasslek permezz tagħha ‘fil-lukanda’ tal-Knisja u lill-Knisja se jgħidilha: “ħu ħsiebha, ħu ħsiebha”. Anzi jagħtina ‘l-flus’ li huma s-sagramenti u jgħidilha lill-Knisja: “jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, inroddilek jien meta nerġa’ niġi” (Lq 10, 35).  U jerġa jiġi l-Mulej, mhux biss fil-mument tal-ġudizzju imma f’din id-dinja u jroddilna ta’ dak kollu li nkunu għamilna ma’ ħutna. Ħalluh lil Ġesù jieħu ħsiebkom, ħalluh jurikom il-ħniena tiegħu għalikom u iftħu qalbkom għar-rieda tiegħu.   
    Jiena kelli x-xorti nkun preżenti fl-aħħar laqgħa li għamiltilkom f’Rio de Janeiro u kienet l-ewwel esperjenza tiegħi magħkom f’dan il-mument li tkunu mal-fundaturi u ma Carmen Hernandez, kienet esperjenza verament straordinarja. Jiena nawguralkom li minnha mhux biss tirċievu  s-sejħa tal-Mulej imma anke tiftħu qalbkom għal din il-knisja żgħażugħa u sabiħa. Diġà kien hawn minnkom diġa mar l-World Youth Day? Jiġifieri hawn min l-ewwel darba, jiġifieri hemm diversi li se jagħmlu din l-esperjenza għall-ewwel darba.
    Jiena l-Polonja mort diversi drabi u huwa post għażiż ħafna għalija. Intom se tkunu Varsavja wkoll, imbagħad se tkunu qrib Krakovja li huwa post sabiħ ħafna. Intom se tiltaqgħu ma’ post straordinarjament sabiħ. Tinsewx li Alla qed isejħilkom anke bis-sbuħija tiegħu tal-footprint tiegħu fin-natura, tas-sbuħija tal-muntanji u tal-kampanja, kollha siġar u ħxejjex li aħna ftit nafu biha. Ovvjament ambjent anke frisk, it-tradizzjoni tgħid li waqt il-quddiesa trid dejjem tagħmel ix-xita jew xi dilluvju, ħa naraw kif inhi ġejja din is-sena.
    Se jkollkom il-grazzja tiltaqgħu mal-Papa Franġisku mill-bogħod, jiġifieri anke bil-binoculars naħseb ikun mill-bogħod. Jiena nissuġġerilkom li għalkemm se tkunu ftit distratti minħabba li se tkunu qegħdin ma’ mijiet ta’ eluf ta’ nies, inti trid tinġabar u tagħmel il-ħila tiegħek biex tgħid: ‘jiena għalfejn qiegħed hawn?’ Qiegħed hawn biex nagħmel l-esperjenza ta’ Knisja, mhux biss żgħażugħa imma verament Kattolika, il-Knisja Kattolika, il-Knisja universali.
    Huwa straordinarju l-fatt li intom se tagħmlu din l-esperjenza fejn San Ġwanni Pawlu II twieled, trabba, kien isqof, kien Arċisqof ta’ Krakovja u Kardinal, fejn hu wera kuraġġ kbir. Fakkartuni f’ċerti postijiet ma tistax iġġorr is-salib pubblikament jew tagħmel purċissjoni għax għandek bżonn mal-miljun permess, imma l-Arċisqof Wojtyla kellu ġlieda kbira biex f’Nowa Huta li kienet tfisser ‘il-belt il-ġdida’ fejn il-kommunisti riedu belt mingħajr Alla, hemmhekk ukoll ikun hemm is-salib, u jkun hemm knisja. Kien hemm ġlieda kbira għax il-poplu kien miegħu: ‘intom il-poplu tiegħi, jiena tagħkom, l-isqof tagħkom’.
    Nawguralkom li din l-esperjenza issaħħaħkom biex meta tiġu lura, forsi ċari iżjed fid-dixxerniment li l-Mulej għażel għalikom, intom tkunu appostli ta’ Ġesù Kristu hawnhekk, jew fejn il-Mulej jibagħtkom. 
    Intom ukoll se tiċċelebraw il-World Youth Day mhux biss fil-post fejn Ġwanni Pawlu II ħa l-fidi tiegħu u tgħallem iħobb lil Ġesù Kristu, imma anke fejn il-Mulej żera din id-devozzjoni tal-Ħniena Divina fil-Ġublew tal-Ħniena. Ftakru dejjem fis-Samaritan it-Tajjeb li jħenn għal ħuh, bniedem bħalu, imċerċer, imneżża mid-dinjità tiegħu, imħolli għall-mewt ma ġenb it-triq, ftakru li Ġesù għamel hekk magħkom u intom għamlu hekk ukoll ma’ ħutkom. Kunu nies li l-ħarsa tagħkom tkun dejjem ħarsa ta’ ħniena. Tajjeb tkun taf x’tgħid il-liġi imma tajjeb ukoll li inti tħaddimha, u jiena nberikkom fil-pellegrinaġġ tagħkom, nawguralkom ukoll li tikbru fl-imħabba nisranija lejn xulxin. Il-pellegrinaġġ se jkun ukoll test għall-paċenzja tagħkom, biex tistennew fil-kjuwijiet għal kollox, biex tiekol u ħwejjeġ oħra – kollox flimkien, u titlob paċenzja erojka. Ovvjament jalla jkollkom ħafna eserjenzi sbieħ u se jkollkom lukanda iktar komda minn tas-Samaritan. Jiena nitlob anke il-barka fuq il-leaders tagħkom, fuq il-presbiteri li se jakkompanjawkom, u l-Mulej hu u jgħallimkom permezz tal-katekeżi li se tirċievu jkun d-dawl u l-ferħ tagħkom.
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
     
    Photo: Curia Communications Office