Din is‑sena wkoll, minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19, l‑Insara qed jiġu mistiedna jipparteċipaw fiċ‑ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa permezz tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. L‑Arċisqof Charles Scicluna ser imexxi dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet li ser jixxandru b’mod dirett fuq TVM2, u online fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.
Il‑Ħadd 28 ta’ Marzu, fid‑9:30 a.m., Mons. Arċisqof imexxi ċ‑ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il‑Palm, bit‑tberik tal‑friegħi taż‑żebbuġ u l‑palm, u wara jkompli bil‑Passjoni tal‑Mulej fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina.
It‑Tlieta 30 ta’ Marzu, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra quddiesa u wara jmexxi t‑talba tar‑Rużarju, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana.
Il‑Ħamis 1 ta’ April, Ħamis ix‑Xirka, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra l‑Quddiesa tal‑Griżma. F’din il‑quddiesa, saċerdoti djoċesani u reliġjużi jġeddu l‑wegħdiet li għamlu dakinhar tal‑ordinazzjoni tagħhom. Fis‑6:00 p.m., fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina, issir it‑Tifkira Solenni tal‑Ikla tal‑Mulej u wara ħin qasir ta’ adorazzjoni quddiem l‑artal tar‑ripożizzjoni.
Il‑Ġimgħa 2 ta’ April, il‑Ġimgħa l‑Kbira, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑3:30 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑Azzjoni Liturġika tal‑Passjoni u l‑Mewt tal‑Mulej, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina. Fis‑7:00 p.m., l‑Arċisqof jitlob il‑Via Crucis mis‑Seminarju tal‑Arċisqof, Tal‑Virtù.
Is‑Sibt 3 ta’ April, Sibt il‑Għid, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof imexxi l‑Uffiċċju tal‑Qari u t‑Tifħir ta’ Sbiħ il‑Jum, fil‑Kappella tal‑Madonna ta’ Manresa fil‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑Furjana. Fit‑8:00 p.m., l‑Arċisqof imexxi l‑liturġija tal‑Vġili tal‑Għid, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina,
Il‑Ħadd 4 ta’ April, fid‑9:30 a.m., Monsinjur Arċisqof jiċċelebra l‑quddiesa tal‑Għid il‑Kbir tal‑Mulej, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina.