L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Kull ħin imbierek l-Mulej, tifħiru dejjem fuq fommi. Bil-Mulej tiftaħar ruħi, jisimgħu l-fqajrin u jifirħu” (S 33: 2-3). Għażiż – x’se naqbad ngħidlek? Għax jien dejjem Fr Antoine nafek. X’qed tgħidulu – Arċisqof Antoine? Ma naħsibx. Ippermettili ngħidlek Fr Antoine, it-titlu nafuh. L-ewwel nett nifirħu miegħek. Tridx inċapcpulu? Aħna issa ċapċapnielek u ħa nċapċaphielek jien ukoll.

Aħna ltqajna biex miegħek bi spirtu ta’ fidi – iż-żgħażagħ tal-lum jgħidu: ‘ta’ vera’ – nitolbu dan is-Salm u we mean it. “Kull ħin inbierku l-Mulej, tifħiru dejjem fuq fommna; bil-Mulej tiftaħar ruħna”. B’xi mod inti tifhem mill-ewwel dan il-kliem huwa eku ta’ dak li Marija Stella Maris qalet hi u tfaħħar lill-Mulej: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla is-Salvatur tiegħi” (Lq 1:46).

“Jisimgħu l-fqajrin u jifirħu” (S 33:3). Jiena dan huwa l-awgurju li nixtieq nagħmillek fil-bidu tal-episkopat tiegħek, din is-sejħa li l-Mulej għamillek biex tkun suċċessur tal-appostli. Jalla kull fejn il-Mulej jibagħtek, u inti msejjaħ biex tirrapreżenta lis-suċċessur ta’ Pietru madwar id-dinja, jalla kull fejn tmur u kull fejn jibagħtek il-Mulej, “jisimgħu l-fqajrin u jifirħu”. Jifirħu għax fik il-fqajrin jagħrfu wieħed minnhom għaliex il-Mulej li jħobbok ħafna, jixtieqek tkun ħabib tal-fqar għax wieħed minnhom. Mhux qed nitkellem fuq il-faqar materjali imma fuq dak il-faqar radikali li l-Mulej ifaħħar meta jitfa’ l-ħarsa tiegħu fuq il-Publikan tal-Evanġelju, li skont Ġesù jinżel “id-dar iġġustifikat” (Lq 9:14).

“O Alla ħenn għalija għax jiena midneb” (Lq 9:13). Din l-ammissjoni sinċiera u umli toqgħod fuq fomm ta’ kull wieħed u waħda minna, imma l-iżjed fuq il-fomm tagħna l-isqfijiet. Għażiż ħija fl-episkopat, meta l-Knisja lilna l-isqfijiet tgħallimna ngħidu quddiem il-poplu tagħna li aħna qaddejja ta’ Alla mingħajr ma jistħoqqilna, tkun qed tgħallimna l-verità. Għax jekk hemm il-verità li l-Knisja titlob biha, hija t-talba tagħha u l-Isqof quddiem il-poplu tiegħu, bħalma għamilt int illum stess fit-talba ddedikata lill-quddiesa l-isqof jitlob għalih innifsu, tlabt lil Alla jħares fuqek qaddej tiegħu mingħajr ma jistħoqqlok.  

Id-dinjità tiegħek minn fejn ġejja? Ġejja mis-sejħa ta’ Alla, ġejja mill-ħarsa ta’ ħniena li tefa’ fuqek Ġesù. M’għażlekx għax sabek mingħajr dnub, imma ħenn għalik huwa u jsejjaħlek, u għalhekk kun devot tal-ħarsa tal-Imgħallem li tħares lejn Mattew, issejjaħlu u tħenn għalih. Miserando atque eligendo!

Kemm hi sabiħa dik l-espressjoni li għażilt bħala motto tal-episkopat tiegħek: Benedictum lignum ex quo fit iustitia, imbierka l-għuda li minnha joħroġ is-sewwa.

Kun devot tal-ħarsa ta’ Ġesù li fil-bitħa tad-dar ta’ Kajfa, is-saċerdot il-Kbir, jiltaqa’ ma’ Pietru li kien għadu kemm ċaħdu tliet darbiet u jistiednu għall-indiema (ara Lq 22:61). Il-ħarsa ta Ġesù mimlija ħniena. Il-Mulej qed isejjaħlek biex inti tkun il-ħarsa tiegħu fuq tant popli. Min jaf kemm se ddur id-dinja anke jekk diġà dortha. Il-Mulej se jibagħtek fost popli dejjem indikati lilek mis-suċċessur ta’ Pietru, u inti se tkun għalihom, għall-isqfijiet tagħhom, għas-saċerdoti tagħhom, għall-poplu kollu, biex ma ngħid ukoll għall-gvernijiet, il-ħarsa mimlija ħniena ta’ Ġesù. U din il-ħarsa inti tikber fiha għaliex taf li jekk inti, jew aħna, jkollna nafdaw, bħalma għamlu l-Fariżej sfortunatament, fil-bravura tagħna, ma nkunux strumenti f’idejn Ġesù. Ġesù jridna umli biex jużana hu, kif u fejn irid hu.

“Niżel id-dar iġġustifikat” (Lq 18:14). Il-ġustizzja tiegħek il mfissra b’mod straordinarju fil-mitra li libbislek l-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, nhar il-Festa ta’ San Franġisk fl-4 ta’ Ottubru u li llum tilbes inti, hija l-libsa tal-glorja u s-sejħa ta’ qdusija. Hekk tgħid il-Knisja fir-ritwal tal-ordinazzjoni tal-isqof. Imma aħna nafu, u inti taf, li l-qdusija tal-isqof, il-ġustifikazzjoni tiegħu hija opra, biex ma ngħidx kapulavur, tal-ħniena ta’ Alla. Kien hemm xi ħadd ħallas għaliha dik il-qdusija fuq l-għuda tas-salib. 

U kemm hi sabiħa dik l-espressjoni li għażilt bħala motto tal-episkopat tiegħek: Benedictum lignum ex quo fit iustitia, imbierka l-għuda li minnha joħroġ is-sewwa. Inti meta interpretajtha, fakkartna fl-għuda tas-salib, imma fakkartna wkoll f’Marija Stella Maris, dik il-laqxa ta’ tama li lill-baħrin tagħtihom salvazzjoni. Imma b’mod l-iżjed providenzjali u propizju inti taf ukoll li dik  is-silta mill-Ktieb tal-Għerf, aħna l-Maltin nużawha biex fl-10 ta’ Frar inkantaw is-Salm Responsorjali, li dakinhar ta’ dik il-festa tant għażiża għalina u solenni, nikkonkludi propju s-Salm Responsorjali b’dik il-frażi li għażilt inti: ‘imbierka l-għuda li biha jsir is-sewwa’. 

Il-Mulej ikun miegħek inti u tobdi lill-Papa fil-missjoni li qiegħed jafdalek u aħna ferħanin u kburin bik u nwiegħduk it-talb tagħna. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien tiegħu miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

Il-missjoni tiegħek bħala nunzju appostoliku huwa li b’mod konkret fid-dinja kollha, kull fejn tkun tħaddem dan il-ministeru tal-ħbiberija, solidarjetà bejn il-bnedmin, rikonċiljazzjoni fejn hemm bżonn, attenzjoni għall-foqra, fejn hemm l-inġustizzja soċjali, inti bħala isqof u nunzju appostoliku fdat b’mod speċjali dan il-ministeru ta’ din il-ħbiberija, li ġabilna Ġesù minn fuq is-salib imqaddes tiegħu.

Jalla Sidtna Marija Stella Maria tkun miegħek dejjem u Sant’Antnin ma jinsikx. Meta San Franġisk, li fil-festa tiegħu int sirt isqof, sema bil-predikazzjoni ta’ Antonio ta’ Lisbona, aħna  ngħidulu ta’ Padua, feraħ u qal: ‘Mela se jkolli l-ewwel isqof’. Antonio ta’ Padua ma sarx isqof imma għandna lilek. Jalla fejn tkun u ma jkunx hemm il-paċi, tgħinhom isibuha, fejn hemm xi komunjoni ekkleżjali tgħinhom isibuha. Se tkun f’ħafna ambjenti fejn issib ħafna affarijiet. Il-paradoss huwa kbir fil-Malti: issib ħafna affarijiet mitlufin. Itlob lill-patrun tiegħek biex jgħinek issibhom, biex tkun tassew ta’ servizz għall-bnedmin u ta’ glorja lil Alla.

Għażiż Arċisqof Antoine, nawgurawlek u nifirħulek!

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 35, 12-14.16-18
Salm: 33, 2-3.17-18.19 u 23
Qari II: 2 Tim 4, 6-8. 16-18
Evanġelju: Lq 18, 9-14

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti