Fid‑dawl tas‑sitwazzjoni preżenti b’riżultat tal‑pandemija tal‑Covid‑19, l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex qegħdin joħorġu dawn id‑direttivi dwar: il‑Ġimgħa Mqaddsa u l‑Għid il‑Kbir, l‑Ewwel Tqarbina u l‑Griżma tal‑Isqof, u l‑Festi.

Il‑Ġimgħa Mqaddsa u l‑Għid il‑Kbir

Din is‑sena ma jsirux manifestazzjonijiet pubbliċi nhar id‑Duluri u tul il‑Ġimgħa Mqaddsa, inkluż Ħadd il‑Palm, il‑Ġimgħa l‑Kbira u l‑Għid il‑Kbir.

Ser jintbagħtu direttivi dettaljati lill‑kappillani, superjuri reliġjużi u saċerdoti, rigward iċ‑ċelebrazzjonijiet fil‑knisja b’rabta mal‑Ġimgħa Mqaddsa, fid‑dawl tad‑digriet maħruġ mill‑Kongregazzjoni għall‑Kult Divin u d‑Dixxiplina tas‑Sagramenti rigward il‑funzjonijiet tal‑Ġimgħa Mqaddsa.

Il‑purċissjonijiet tal‑Ġimgħa l‑Kbira din is‑sena ma jsirux. Dejjem jekk is‑sitwazzjoni tkun tippermetti f’dak iż‑żmien, il‑pellegrinaġġ tad‑Duluri jista’ jsir f’Settembru b’rabta mal‑Festa tad‑Duluri nhar il‑15 ta’ Settembru.

L‑Ewwel Tqarbina u l‑Griżma tal‑Isqof

Iċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑Ewwel Tqarbina u tal‑Griżma tal‑Isqof, li kienu ppjanati għal qabel is‑sajf 2020, huma posposti għal aktar tard meta s‑sitwazzjoni titjieb u jkun possibbli li jibdew isiru mill‑ġdid dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet.

Festi

Il‑festi kollha li kienu ppjanati li jsiru fil‑parroċċi u fil‑knejjes sal‑aħħar ta’ din is‑sena (2020) jistgħu jsiru biss wara li l‑awtoritajiet tas‑saħħa jkunu taw il‑permess li jistgħu jinġabru flimkien nies f’attivitajiet pubbliċi, u f’kull każ, għal din is‑sena 2020, isiru biss f’din il‑forma:

  • Il‑Ħadd biss (jew f’jum ta’ festa pubblika) isir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament bil‑vara meqjuma f’dik il‑festa.
  • Dakinhar issir ukoll quddiesa tal‑festa fil‑knisja.
  • Ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni jew esterni.

Aktar dettalji jingħataw skont kif tiżviluppa s‑sitwazzjoni.

Nitolbu biex il‑Mulej iżommna dejjem taħt il‑ħarsien tieghu.

Maħruġa mis‑Sede tal‑Konferenza Episkopali Maltija, il‑Furjana, illum 24 ta’ Marzu 2020.  

✠ Charles Jude Scicluna
   Arċisqof ta’ Malta
   President, Konferenza Episkopali Maltija

✠ Mario Grech
   Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex 

Joseph Galea‑Curmi
   Isqof Awżiljarju ta’ Malta

Direttivi dettaljati lill-kappillani, superjuri reliġjużi u saċerdoti, rigward iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa.

Direttivi dwar il-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, l‑Ewwel Tqarbina u l‑Griżma tal‑Isqof, u l‑Festi.