• Hekk kif illum il-Ħamis, niċċelebraw il-festa ta’ San Pietru u San Pawl, magħrufa bħala l-Imnarja, Birżebbuġa u l-Pawlini tal-Belt illum se jkunu qed jiċċelebraw il-1950 anniversarju mill-martirju tal-patruni tagħhom, b’żewġ purċissjonijiet fiż-żewġ lokalitajiet.

    Il-purċissjoni f’Birżebbuġa se toħroġ fid-9:00am bis-sehem tal-baned lokali u se ssir bl-hekk imsejħa l-istatwa ż-żgħira ta’ San Pietru, l-ewwel statwa titulari ta’ dan il-qaddis li kellha l-parroċċa minħabba li l-istatwa titulari preżenti bħalissa għaddejja minn proċes ta’ restawr li jkun lest f’Awwissu li ġej. Imbagħad, il-quddiesa ta’ filgħaxija tal-festa se tkun immexxija mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P.

    MIn-naħa l-oħra, fil-Belt Valletta, il-purċissjoni bil-vara ta’ San Pawl se tibda fis-7:00p. Bid-differenza tas-soltu, flok se tgħaddi minn Strada Rjali u Merkanti, il-purċissjoni se tgħaddi mill-qalba tal-parroċċa, jiġifieri fl-inħawi fejn hemm il-Monument tal-Qanpiena, fejn hemmhekk se ssir l-istqarrija u t-tiġdid tal-fidi u t-tberik tal-Port il-Kbir. Il-Ħamis filgħodu wkoll, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jiċċelebra pontifikal solenni.