• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Is-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù

    22 ta’ Novembru 2017

    Id-diskors tal-mina hu attwali ħafna imma rridu nifhmu li meta Ġesù jitkellem fuq il-mina, qed jitkellem fuq għaxar kilo deheb; kienet is-somma tal-flus li Ġesù juża’ f’din il-parabbola.

    Il-kuntest tal-parabbola hija li Ġesù huwa b’xi mod doppju biex niddeskrivuh. L-ewwel nett huwa l-mument meta, wara li ħabbar li se jkun miċħud mill-poplu tiegħu, jiddeċiedi l-vjaġġ lejn Ġerusalemm. Kien qrib Ġerusalemm u fil-fatt l-Evanġelju jikkonkludi propju bid-deċiżjoni ta’ Ġesù li jibda dan il-vjaġġ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. Ġesù jiddeċiedi b’determinazzjoni kbira li jrid jaffaċċja l-aħħar konfront mal-poplu tiegħu.    

    Qegħdin fl-Evanġelju ta’ San Luqa fil-kapitlu 19 u niftakru li fl-ewwel kapitli l-Evanġelju ta’ San Luqa juża din l-espressjoni: li Ġesù huwa sinjal li jmeruh, signum contraditionis, kelma li Xmun jgħid lill-omm ta’ Ġesù fil-preżentazzjoni li aħna niċċelebraw fit-2 ta’ Frar ta’ kull sena. Jgħidilha: “Dan ikun sinjal li jmeruh […] biex jinkixfu l-ħsibijiet ta’ ħafna” (Lq 2, 34).

    Anke l-parabbola li jirrakkonta, din it-tema tal-kontradizzjoni, taċ-ċaħda, tirritorna meta Ġesù jitkellem dwar in-nies ta’ dan il-pajjiż li fuqu kien hemm dan is-sultan tal-parabbola, u “n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh lis-sultan tagħhom u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu: “Ma rriduhx li dan isaltan fuqna’” (Lq 19, 14).  Aħna nafu li fil-Ġimgħa l-Kbira l-poplu Lhudi kważi juża’ l-istess kunċett meta jgħid: “Aħna m’għandniex sultan ħlief Ċesare” (ara Ġw 19, 12). U jiċħdu lil Ġesù bħala l-Messija tagħhom, it-tama tagħhom, is-sultan tagħhom. Fil-misteru tal-Ġimgħa l-Kbira hemm iċ-ċaħda tal-poplu għal Ġesù.   

    Il-Mulej ħabbna billi wriena fiduċja kbira.

    U din hija regola li timxi mal-istorja tal-Knisja. Mhuwiex Ġesù biss is-sinjal li jmeru imma anke l-komunità Nisranija tgħaddi minn din l-espressjoni ta’ persekuzzjoni, ta’ mibegħda u ta’ rifjut. Huwa l-kuntest ukoll ta’ ħafna mis-soċjetajiet tagħna fejn, mingħajr ħafna kliem imma b’ħafna għemil konkret, lil Alla qed ngħidulu ‘ma rridukx issaltan fuqna’.    

    Lill-komunità l-Mulej afdalha ħafna. Hu telaq imma għandu jerġa’ jiġi u sadanittant lilna afdalna mhux għaxar kilo deheb imma afdalna l-komunitajiet tagħna, afdalna lil xulxin, afdalna l-kapaċitajiet tagħna. Il-Mulej ħabbna billi wriena fiduċja kbira. “Ħaddmuhom sa ma’ nerġa’ niġi” (Lq 19, 13).

    F’parabbola oħra m’hemmx il-kelma ‘mina’, hemm il-kelma ‘talent’. Talent huwa sitt darbiet iżjed minn mina, hux hekk? Sitt darbiet iżjed minn mina. F’din il-parabbola f’San Luqa, peress li hemm għaxra u mhux tlieta biss, iqassam mal-għaxar qaddejja, imma tahom għaxar miniet. Jiġifieri iżjed minn talent u qalilhom biex iħaddmuhom. Min ġie kkundannat? Min qallu: “Jien bżajt minnek u fl-istess ħin ma fdajtekx. Il-fiduċja li wrejt fija jiena ma ħaddimthiex” (ara v. 21).   

    Illum intom qed tiċċelebraw u aħna nifirħu magħkom il-konklużjoni ta’ mixja ta’ formazzjoni f’diversi oqsma. Mhux biss nifirħulkom imma anke nirringrazzjakom, nirringrazzja f’isem il-Knisja lil kull min qed jiggradwa llum għaliex nifhem li wara l-isforz tagħkom hemm dan is-sens ta’ responsabbiltà. L-impenn tagħkom għall-formazzjoni tagħkom mhuwiex żgur espressjoni ta’ rifjut imma espressjoni ta’ impenn biex taħdmu għas-saltna. U l-Mulej se jafdakom, se jbierek, infatti intom ilqajtu l-fiduċja tiegħu u rrispondejtu b’ġenerożità kbira.      

    Bħalissa l-Knisja, f’dawn l-aħħar jiem tas-sena liturġika, issemmagħlna l-ktieb tal-Makkabin miktub f’kuntest ta’ persekuzzjoni. Huwa kommoventi ħafna r-rakkont li smajna llum tal-martirju tal-iżgħar mis-sebat aħwa, mis-seba’ wlied ta’ din il-mara qawwija, kuraġġuża, mara Lhudija denja tal-isem. Dan iċ-ċkejken bil-mod kif għażlu il-kliem ta’ ommu bl-ilsien ta’ missirijiethom, jirreżisti għat-tentazzjonijiet tat-tirann li pprova jixtrilu mhux biss id-dinjità tiegħu imma anke l-integrità tiegħu.   

    Parti miċ-ċaħda li l-poplu tagħna qed jagħmel lil Alla hija għaliex mogħmi, mixtri u sedott mill-frugħa ta’ din id-dinja.

    Il-kuntrast kbir li nixieq li nirrifletti fuqu f’dan l-aħħar ħsieb tiegħi llum, huwa l-kuntrast bejn dak li Antijoku jipprova jgħid lit-tifel biex jixtrih. Jipprova jwiegħdu l-ġid ta’ din id-dinja, jagħnih, jagħmlu l-aktar bniedem ħieni, jgħoddu bħala ħabibu, jafdalu f’idejh uffiċċji pubbliċi (ara 2 Mak 7, 24). Hu l-mod kif in-nies ta’ din id-dinja jixtru l-integrità ta’ ħafna nies, storja antika. Imma l-omm lil binha qaltlu: “Nitolbok, ibni, tħares lejn is-sema u l-art u ara kull ma fihom. Kun af li mix-xejn għamilhom Alla; hekk ukoll sar ġens il-bniedem. Tibżax minn dan il-biċċier imma kun ta’ ġieħ għal ħutek u ilqa’ l-mewt, sabiex jiena niksbek mill-ġdid fi żmien il-ħniena flimkien ma’ ħutek” (vv. 28-29).

    Dan il-kliem huwa attwali għaliex parti miċ-ċaħda li l-poplu tagħna qed jagħmel lil Alla hija għaliex mogħmi, mixtri u sedott mill-frugħa ta’ din id-dinja. U jiena naħseb f’dan meta tirritornaw fil-komunitajiet tagħkom li taħdmu biex il-poplu tagħna jibqa’ jiftakar biex “iħares lejn is-sema u l-art u jara kull ma fihom” u jiftakar li Alla huwa l-ħallieq, li Alla huwa l-Missier ta’ kulħadd. Nitolbu biex fuq id-dinja, fuq pajjiżna, niksbu mill-ġdid żmien il-ħniena meta ma nagħmux mill-ġid tad-dinja u bil-frugħa tad-dinja imma naċċettaw lill-Mulej bħala s-sultan tal-qalb tagħna.

    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja