• ****

    Direttur: Timur Beckmanbetov
    Atturi:  Jack Huston, Toby Kebbell, Rodrigo Santoro, Nazanin Boniadi, Ayelet Zurer u Morgan Freeman
    Ħin tal-Film: 123 min
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12        
     
    Judah Ben-Hur u ħuh adottiv Massala, kienu veru ħbieb tal-qalb għalkemm Judah kien Lhudi u Massala kien orfni, tifel ta’ Ġeneral Ruman, imrobbi b’għożża kbira mill-familja Hur. Waqt tiġrija fuq iż-żwiemel,  Judah iweġġa’ gravi u Massala jġorru lejn id-dar ġewwa Ġerusalemm. Għalkemm Massala kien maħbub u aċċettat l-aktar minn Naomi u Tirzah, omm u oħt respettivament ta’ Judah, Massala beda jħoss li postu ma kienx iktar f’Ġerusalemm. Għalhekk inkiteb fl-armata Rumana fejn hu spikka fuq kulħadd meta l-armata Rumana kient fi ġlied imdemmi ġewwa l-Ġermanja. Sadanittant, Judah jibda juri mħabbtu lejn Esther li kienet skjava tal-familja. Tliet snin wara li Massala kien ħalla Ġerusalemm, jerġa lura lejn il-kapitali Lhudija, din id-darba bħala uffiċjal għoli Ruman. Ir-ritorn tiegħu ġie fil-waqt li ġewwa Ġerusalemm kien hemm rewwixti miż-Żeloti. Wieħed minn dawn, Gestas, ftit  ġimgħat qabel, isib kenn fid-dar tal-familja Hur fejn hemm jiġi mdewwi minn Judah meta dan kien intlaqat minn vleġġa waqt ġlieda mar-Rumani. Sadanittant, Massala jagħmel żjara lill-familja li adottatu u jitlob lil Judah biex jirraporta xi attivita’ pjanata minnaħa taż-Żeloti. Jinfurmah ukoll li Pontius Pilatu kien sejjer ikun il-gvernatur ġdid ġewwa l-Palestina u kien sejjer jieħu residenza ġewwa Ġerusalemm. Mal-wasla tal-Gvernatur ġdid, waqt id-dħul uffiċjali ġewwa l-belt,  il-familja Hur kienet qegħda ssegwi meta f’daqqa waħda ż-Żelota Gestas jispara vleġġa lejn il-Gvernatur. Dan l-inċident kellu jbiddel għal kollox il-futur tal-familja Hur. Judah jiġi arrestat flimkien m’ommu u oħtu. Waqt li ommu u oħtu jiġu kkundanati għal kruċifissjoni, Judah Ben-Hur jispiċċa  skjav fuq xini Ruman, fejn fit-triq jiġi mgħejjun minn Gesu’ ta’ Nazareth. X’jiġri minn Judah wara ħames snin skjav? Tgħid ikun hemm bidla f’ħajtu wara li jirnexxielu jeħles lilu nnifsu waqt battalja fuq il-bahar u jsib ruħu fuq xatt fejn hemm jiltaqa’ ma’ Sheik Ilderim, deletant kbir taż-żwiemel tat-tiġrija? Film Amerikan, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Timur Beckmambetov, kitba ta’ Keith Clarke u John Ridley. Dan hu l-ħames film li nħadem fuq l-istess novella: Ben Hur: A Tale of the Christ, li nkitbet fl-1880. Minħabba xi xeni ta’ vjolenza u torturi, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.