L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-loġika ta’ Ġesù hija ftit differenti minn tagħna l-bnedmin. Aħna ħafna drabi, biex nimpressjonaw, naħsbu f’affarijiet kbar li jolqtu mill-ewwel l-għajn, li forsi jagħmlu ħafna ħoss.
Iż-żewġ tixbihat li juża’ Ġesù fl-Evanġelju tal-lum mill-kapitlu 13 tal-Evanġelju ta’ San Luqa, huma tixbihat ta’ affarijiet ċkejknin: iż-żerriegħa tal-mustarda ċkejkna, ċkejkna li tikber biż-żmien u ssir arbuxell. It-tradizzjoni tagħna tgħid siġra imma hija propju arbuxell kbir li tant ikun b’saħħtu li l-għasafar jistrieħu fuqu u anke jagħmlu xi bejta fiha.
It-tixbieha l-oħra hija dwar ftit ħmira. Il-ħmira tgħolli l-għaġna fis-silenzju mingħajr ħoss imma l-effett tagħha tarah.
Mela, kif il-mustarda miċ-ċokon tagħha fis-silenzju, biż-żmien, bil-paċenzja, fost l-irjiħat tal-istaġuni u x-xemx tas-sajf u x-xita tax-xitwa tikber f’arbuxell, siġra kbira, hekk ukoll il-ħmira. L-għaġna ttellagħha bil-kwiet.
Dawn iż-żewġ tixbihat ta’ Ġesù jfakkruni f’kelma li kien iħobb jgħid Dun Ġorġ Preca. Kien iħobb jgħidha għax qraha xi mkien bit-Taljan. Kien jgħid: Il bene non fa chiasso u il chiasso non fa bene. Jiġifieri l-ġid ma jagħmilx ħafna storbju, mhux showy, mentri l-ħafna storbju, il-kjass, ma jagħmilx ġid.
Kemm tkun ħaġa sabiħa li nifhmu din il-loġika ta’ Ġesù li jippreferi l-affarijiet ċkejknin u jħallihom jikbru b’effett kbir, mingħajr ħafna storbju, mingħajr ħafna show, mingħajr ħafna frugħa, u kif ngħidu bil-Malti, mingħajr fanfarunati.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Efes 5, 21-33
Salm: 127 (128), 1-2.3.4-5
Evanġelju: Lq 13, 18-21