L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ilbieraħ il-Papa Franġisku ħareġ Enċiklika bl-isem Fratelli tuttiIlkoll aħwa, li titkellem fuq il-fraternità u l-imħabba soċjali. U fit-tieni kapitlu ta’ din l-Enċiklika, il-Papa jagħmel riflessjoni proprju fuq din il-parabbola li għadna kemm smajna llum: il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb.

Hemm ħafna punti sbieħ li jsemmi l-Papa; se nsemmi punt wieħed biss. Hawnhekk, eżatt qabel il-parabbola, hemm dik il-mistoqsija li għamel l-għaref tal-liġi: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” Dik kienet mistoqsija interessanti, għax fi żmien Ġesù, għal ħafna min-nies, il-mentalità kienet li l-proxxmu hu min hu tal-istess pajjiż, tal-istess art. Il-proxxmu jasal sal-fruntiera. U tifhem din għax proxxmu tfisser min hu viċin, allura dawk li huma viċin, dawk li huma tal-istess pajjiż. Sa hemm jasal il-proxxmu.

Meta saret din il-mistoqsija lil Ġesù – “il-proxxmu tiegħi min hu?” – innutaw li Ġesù ma jweġibhiex. Imma jgħid parabbola provokattiva għalihom, fejn isemmi lil dak li qabżu fuqu l-ħallelin, ħallewh hemmhekk imbiċċer bis-swat, nofsu mejjet. Jgħaddu tnejn min-nies tal-istess grupp, tal-istess pajjiż, wieħed levita u l-ieħor qassis; u jgħid l-Evanġelju, mhux ma indunawx bih għax kienu aljenati, imma rawh, għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin. Imbagħad jgħaddi Samaritan, li ma kienx jikkwalifika ta’ proxxmu – u l-Evanġelju kemm-il darba juri kif is-Samaritani u l-Lhud ma kinux jitħammlu bejniethom, kien avversarju – u dan rah, tħassru, waqaf, mar idewwilu l-ġrieħi, jagħtih l-għajnuna li hemm bżonn, ħadu wkoll il-lukanda, biex jara dak kollu li kellu bżonn u jieqaf miegħu. “Min ġab ruħu ta’ proxxmu?”, jgħid Ġesù. Min ħenn għal dal-bniedem? Is-Samaritan.

Ġib ruħek ta’ proxxmu ma’ kull min għandu bżonn l-għajnuna. U allura ma tagħmilx distinzjoni meta tgħin.

Innutaw kif Ġesù jaqleb il-mistoqsija, mhux iwieġeb il-mistoqsija ta’ dak l-għaref tal-liġi. Dak staqsieh: “Il-proxxmu tiegħi min hu?” U Ġesù jgħidlu: “Min ġab ruħu ta’ proxxmu?” Din hi d-differenza kbira. Meta tgħid “il-proxxmu tiegħi min hu?”, int qisek qiegħed fiċ-ċentru u tħares lejn in-nies madwarek u tgħid: dak proxxmu, dak mhuwiex; dak ngħinu, dak le. Mentri qed jgħid Ġesù: int ġib ruħek ta’ proxxmu ma’ kull min għandu bżonn l-għajnuna. U allura ma tagħmilx distinzjoni meta tgħin. Ma tgħidx: dak tal-partit tiegħi, ngħinu, dak mhux tal-partit tiegħi ma ngħinux; dik tar-reliġjon tiegħi, ngħinha, dik mhux tar-reliġjon tiegħi, ma ngħinhiex; dik tar-razza tiegħi, ngħinha, dik tar-razza jew lewn ieħor, ma ngħinhiex. Ma tgħidx hekk, għax int iġġib ruħek ta’ proxxmu ma’ kull min għandu bżonn l-għajnuna. Hawn Ġesù qed jgħid xi ħaġa li, jekk naħsbu ftit, nistgħu nagħmluha dejjem fil-ħajja tagħna. Mhux qed jitkellem fuq xi ħaġa ta’ barra minn hawn li tiġina opportunità ta’ darba, imma fuq xi ħaġa konkreta fil-ħajja tagħna li nistgħu ngħixuha dejjem.

Dejjem nistgħu nkunu proxxmu għall-oħrajn. Ħu, pereżempju, għajnuna materjali tista’ tagħti. Jew inkella xi ħadd imdejjaq li jrid min jisimgħu, u toqgħod tisma’ biss bla ma titkellem – ukoll qed tkun proxxmu. Jew inkella tgħid kelma ta’ ġid jew anke tbissima li tagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor isbaħ. Jew tieħu ftit mill-ħin tiegħek u tużah għall-oħrajn. Il-Papa Franġisku jgħid fuq dan is-Samaritan it-Tajjeb: dan waqaf minn dak li kien qed jagħmel, u l-ħin tiegħu użah biex jgħin lil dan. Allura hemm diversi mumenti fil-ħajja tagħna fejn nistgħu nkunu proxxmu għall-oħrajn.

Nitolbu lill-Mulej illum il-grazzja u l-għajnuna tiegħu biex, kif uriena permezz ta’ din il-parabbola, aħna nkunu proxxmu għall-oħrajn, u biex niftakru f’dak li qalilna hu: ‘Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti tkunu qed tagħmluh miegħi’.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju