Din is-sena, li hi d-90 anniversarju tal-Azzjoni Kattolika (AK), intgħażlet it-tema Mela Darba… – li qed tgħin lill-membri tal-AK jirriflettu fuq il-passat tal-għaqda, kif ukoll timmotivahom għall-ħidma preżenti u futura. Din wasslet biex permezz tal-iskema BeActive tal-Aġenzija Żgħażagħ, jiġu organizzati erba’ laqgħat online li laqqgħu numru ta’ żgħażagħ u anzjani, li minkejja huma membri tal-istess organizazzjoni, ftit li xejn ikollhom opportunitajiet fejn jiltaqgħu u jirrelataw b’mod iktar informali u soċjali flimkien.

L-għan ta’ dan il-proġett interġenerazzjonali hu li l-parteċipanti jġeddu l-memorji u jagħrfu li minkejja d-differenza fl-età, hemm ħafna affarijiet li huma komuni u li jgħaqqadhom flimkien permezz ta’ rakkonti u esperjenzi li għaddew minnhom. Il-proġett serva wkoll ta’ tama waqt l-imxija tal-COVID19 għal numru ta’ anzjani li joqogħdu d-dar, kif ukoll għaż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom minkejja li l-ħajja mgħaġġla u l-impenn tal-istudju, ix-xogħol u l-ħajja soċjali tagħhom ħafna drabi jieħdu prijorità fuq il-ħidma volontarja tagħhom.

Dawn il-laqgħat ġew irrekordjati u partijiet minnhom se jixxandru iktar tard din is-sena. Se jservu biex jippromwovu d-djalodu interġenerazzjonali bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, kif ukoll bħala promozzjoni tal-għaqda u x-xogħol volontarju fi ħdan l-AK.

Uħud mill-esperjenzi tal-parteċipanti fil-proġett Befriend

“Kienet esperjenza tal-ġenn għax permezz ta’ din l-attività indunajt kemm din l-għaqda hi kbira, mhux bħala ammont ta’ nies, imma kemm għandha x’toffri. Permezz tal-laqgħa ltqajna ma’ nies ta’ etajiet differenti fejn dawn qasmu magħna xi esperjenza minn tagħhom li għalija kienu ta’ interess. Mhux biss qsamt l-esperjenza tiegħi imma tgħallimt minn tal-oħrajn. Tgħallimt li bħala persuna fiż-ŻAK qatt m’għandi nieħu l-affarijiet tal-lum forgranted għax fil-passat kien hemm nies fejn ħadmu ħafna bie din l-għaqda tirnexxi u narawha kif inhi llum”.
Kirsty Cauchi, 16-il sena, ŻAK Ħal Tarxien

“Minbarra li ħadt pjaċir nara u nisma’ lil sħabi l-antiki li tant ħdimna Flimkien, kelli ċ-ċans niltaqa’ maż-żgħażagħ. Tant ħadt pjaċir nismagħhom jitkellmu: mimlijin inizjattiva u determinazzjoni. Japprezzaw l-esprerjenzi li għaddew minnhom u li bnewhom. Żgur li dawn iż-żgħażagħ huma garanzija li fuqhom jinbena l-futur tal-AK”.
Lorenza Debono, 74 sena, Azzjoni Kattolika Ħal Tarxien

“Dal-proġett laqqagħni ma’ sħabi membri taż-ŻAK kif ukoll ma’ membri anzjani fl-AKM. Rajt li f’dak li qsamna kien hemm ħafna esperjenzi u valuri komuni, grazzi għall-ħidma u s-sagrifiċċji li saru fl-AK fil-passat. Laqatni dak li qal wieħed mill-anzjani, Guido, li rridu nieħdu ħsieb lill-għaqda u l-membri tagħha hekk kif hi tieħu ħsieb lilna fil-formazzjoni tagħna. Mingħandna ġejna, u fiha naħdmu għall-ġejjieni ta’ membri oħra”.
Maria Zammit, 30 sena, ŻAK Siġġiewi

“Għalija kienet esperjenza differenti ħafna mis-soltu. Forsi qatt ma għaddieli minn moħħi li nista’ nieħu sehem f’diskussjoni ma’ tmienja min-nies hekk, online. Ħadt gost li kienet immexxija miż-żgħażagħ. L-entużjażmu tagħhom imlieni b’ħafna kuraġġ u tama li l-AK se tibqa’ għaddejja. Naturalment b’mixja skont is-sinjali taż-żminijiet, li hi ħaġa pożittiva ħafna. It-togħma tal-esperjenza nisperaw li niżlitilhom għasel ukoll liż-żgħażagħ allavolja forsi aħna għaż-żgħar nitqiesu xi ftit antiki. Però naħseb li l-erba’ żgħażagħ bravi, preżenti għal din il-laqgħa, dehru li apprezzaw l-input tagħna. Nirringrazzjakom li tajtuni l-opportunità nieħu sehem f dan il-proġett.
Carmen Francalanza, 59 sena, Azzjoni Kattolika Mosta

“Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Ġunju pparteċipajt f’sezzjoni tal-proġett Befriend. Kienet opporunità sabiħa fejn kelli ċ-ċans naqsam il-ħsibijiet u l-esperjenzi tiegħi fl-AK ma’ nies ta’ etajiet differenti. Spikka l-punt li permezz tal-AK għandna ċans naħdmu ma’ nies differenti, ta’ fehmiet u etajiet differenti li lili jgħinni nikber b’mod personali u jgħinni nifhem aktar in-nies ta’ madwari. Għalkemm konna nies ta’ etajiet u esperjenzi differenti kulħadd qabel li l-AK għenitu jkun aktar kunfidenti u bis-saħħa tagħha kapaċi naffaċċjaw l-affarijiet li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Indunajt u komplejt nifhem aktar kemm l-AK tħalli impatt spiritwali fuqna u l-esperjenzi li għaddejna minnhom isaħħu aktar il-fidi tagħna. Impressjonajt ruħi li għalkemm uħud mill-parteċipanti kienu kbar fl-età xorta waħda għadhom imħeġġa u kburin li jagħmlu parti minn din l-organizzazzjoni. Din lili mmotivatni aktar biex inkompli nagħmel ħilti u nkun parti minn din l-għaqda. Fl-aħħar mill-aħħar grazzi għan-nies li ġew qabilna, in-nies li għadhom preżenti u anke dawk li għadhom ġejjin – din l-organizzazzjoni tibqa’ ħajja.”
Maria Camilleri, 26 sena, ŻAK Birżebbuġa

“Kien ta’ pjaċir kbir għalija li nieħu sehem f‘Befriend maż-ŻAK. Iltqajna b’mod virtwali għal siegħa sħiħa; membri ta’ ċerta età, jien wieħed minnhom, ma’ żgħażagħ attivi fiż- ŻAK. Qsamna l-esperjenzi tagħna. Ħassejtni ferħan nirrakkonta ż-żmien tiegħi ta’ żagħżugħ adolexxent u mbagħad ta’ età akbar fl-AK. F’dak il-mument li kont qed nirrakkonta ċerti esperjenzi li għaddejt minnhom, ħassejtni qed nerġa’ ngħix dak l-avveniment li kont esperjenzajt imma wkoll bdew ġejjin quddiem għajnejja sħabi li kont qsamt magħhom tant mumenti sbieħ. Ftakart f’tant leaders, aktar anzjani minni li kienu ġenerużi fil-ħidma tagħhom fl-AKM u li minnhom tant tgħallimt. Fl-istess waqt ħadt ferm pjaċir nisma’, waqt din il-laqgħa, liż-żgħażagħ li ħadu sehem, jesprimu ruħhom b’tant maturità, u ħerqana li jibqgħu attivi fiż-ŻAK u miftuħa biex jitgħallmu ħiliet ġodda u jduqu esperjenzi formattivi għall-karattru u l-personalità tagħhom”.
Joe Rossi, 69 sena, Amministratur tal-gazzetta Il-Leħen u Segretarju tas-Segretarjat Assistenza Soċjali

“Grazzi għal din l-opportunità, kellna ċ-ċans naqsmu l-esperjenzi tagħna ma’ nies ikbar minna fl-età u nisimgħu wkoll minn xiex għaddew membri ta’ qabilna fl-AK. Il-laqgħa tatna l-ispazju biex insaqsu u niskopru l-għeruq tal-AK. Skoprejna kemm offriet opportunitajiet u kemm kienet taf tadatta maż-żminijiet biex tgħin lis-soċjetà inġenerali. Ngħid għalija ħadt gost nisma’ li fi żmien meta jien kont għadni anqas twelidt, kien ġa qed ikun hemm diversi opportunitajiet biex tlaqqa’ l-pajjiżi u l-kulturi differenti, li llum grazzi għal dik il-ħidma, li kompliet tiżviluppa, qed ikollna iktar kuntatt ma’ għaqdiet oħra fl-Ewropa u f’kontinenti oħra. Nista’ ngħid li l-persuni kollha preżenti f’dan il-laqgħa, kollha qbilna li l-AK hija parti importanti minn ħajjitna fejn rawmitna biex inkunu żgħażagħ u adulti b’valuri sodi, biex insiru nisa u irġiel attivi fil-komunità, kif rajna ukoll permezz ta’ dan il-proġett. Tajjeb li dawn l-esperjenzi jibqgħu jitqassmu biex b’hekk dawn ir-rakkonti u l-memorja tan-nies ma tintilifx maż-żmien”.
AnnMarie Bonnici, 32 sena, ŻAK Birżebbuġa

“Dan il-proġett offrieli esperjenza innovattiva għax stajt nagħmel ftit ħin naqsam ideat ma’ membri żgħażagħ u anzjani. Tal-ewwel kienu persuni li jidhirli ma kont naf lil ħadd minnhom: impressjonawni bl-entużjażmu tagħhom. Jidhirli li l-AK għandha sehem strateġiku f’ħajjithom. L-oħrajn xi ftit jew wisq kont naf bihom, iżda – anki peress li rari nipparteċipa f’laqgħat Malta – ftit li xejn kien kelli okkażjoni li nieqaf nitkellem magħhom. Laqatni l-punt li jħarsu lura b’ħarsa pożittiva, kemm lejn mexxejja u membri tal-passat li kienu essenzjali biex huma saru membri, u kemm lejn is-snin ta’ ħidma f’diversi karigi u setturi. Innutajt li, b’mod ġenerali, dawk preżenti – minkejja li ngħixu f’pajjiż żgħir u allura tistenna li joffri realtajiet xi ftit jew wisq simili – enfasizzaw punti varjati ġmielhom”.
Antoine Vassallo, President Djoċesan, 69 sena, AK f’Għawdex

Befriend tani esperjenza unika. Minkejja li kont naf li l-għaqda li ninsab membru fiha hija parti minn għaqda ikbar, xorta waħda qatt ma kelli l-opportunità li jkolli konverżazzjoni mal-membri anzjani tal-AK. Ħassejtni grata li stajna nsiru nafu waħda mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna u nisimgħu dak li kellhom xi jgħidu kif ukoll l-esperjenzi tagħhom ta’ meta kienu iżgħar u narahom jitbissmu waqt li jirrakkontaw. Qalulna li kieku ma kinux parti mill-AK, il-prinċipji u l-valuri li mxew fuqhom matul ħajjithom u li għadhom jimxu fuqhom s’issa ma kinux ikunu l-istess.
“Apparti li stajt nagħraf kemm dawk tampari esperjenzaw affarijiet simili bħali fiż-ŻAK u li kollha kemm sibna xi ħaġa li kabbritna bħala persuni u li għenitna fil-ħajja personali tagħna. Lejn l-aħħar, il-membri tal-AKM bdew jisħqu kemm għandna r-responsabbilità li nkomplu l-ħidma tagħhom u li m’għandniex naqtgħu qalbna biex nibqgħu naħdmu għal dak li jista’ jtejjeb lis-socjetà. Irringrazzjajniehom tal-ħidma u l-entużjażmu tagħhom. Wara kollox, huma kienu li wettqu dak li qed ingawdu minnu u li qed intejbu aħna llum il-ġurnata”.
Erika Pace, 20 sena, ŻAK Iklin

“Nista’ ngħid li żidt esperjenza oħra fiż-ŻAK. Ħadt pjaċir nisma’ lil żgħażagħ ta’ etajiet differenti, ilkoll bl-avventuri sbieħ tagħhom, u l-istejjer ta’ anzjani li ilhom ammont ta’ snin fl-AK u li ħadmu qatigħ biex ikabbru din l-istess għaqda u b’hekk jilħqu iktar nies. Bis-saħħa ta’ din l-esperjenza għaraft iktar x’tista’ toffri l-AK għall-ġid kemm tal-membri u anke tal-komunità. Mid-diskussjoni tgħallimt li qatt m’għandi naqta’ qalbi meta nipprova xi ħaġa ġdida, speċjalment fl-AK, għax nista’ nikber jien u nkun ta’ għajnuna għall-proxxmu”.
Rachel Paris, 18-il sena, ŻAK Birżebbuġa