L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur” (Ġoż 1:9).
Għeżież membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, dan il-kliem meħud mill-Ewwel Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè huwa l-awgurju tiegħi llum lil kull wieħed u waħda minnkom f’dan il-jum speċjali. Nixtieq li din iċ-ċelebrazzjoni tkun għalikom inkoraġġiment – tgħinkom biex tqawwu qalbkom għax il-Mulej jakkumpanjakom fil-ħidma tagħkom hekk importanti.
Illum nuru l-ewwel nett il-gratitudni għall-ħidma u għall-impenn tagħkom. Dan il-jum, Jum il-Forzi Armati, huwa ċelebrazzjoni ta’ ġieh għalikom li għażiltu li sservu lil pajjiżna bl-akbar sens ta’ dehen, għaqal u dixxiplina.
Servizz b’imħabba
Meta nħarsu lejn il-missjoni tagħkom, niftakru f’kemm hu prezzjuż dan is-servizz. Kull wieħed u waħda minnkom tridu taffaċċjaw sfidi differenti, kultant sitwazzjonijiet ta’ riskju u periklu, u tagħmlu għażliet diffiċli, mindaqqiet ukoll fi żminijiet kruċjali. U dan kollu jsir għalina, biex aħna, ċittadini ta’ dan il-pajjiż, nistgħu ngħixu fil-paċi u b’sigurtà, u jkollna moħħna mistrieħ.
Il-Kelma ta’ Alla llum tfakkarna fil-kmandament li jiġi l-ewwel: l-imħabba totali lejn Alla “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:30) u “lil għajrek bħalek innifsek” (Mk 12:31). Hi din l-imħabba li tkun l-isbaħ ispirazzjoni għas-servizz li intom tagħtu lin-nazzjon.
Illum, f’dan il-jum, irridu niftakru li dan is-servizz tagħkom, meta jkun espressjoni ta’ mħabba, jgħallimna li npoġġu l-ġid tal-oħrajn qabel tagħna nfusna, u f’dan inkunu qed nimxu fuq il-passi ta’ dak li Alla jrid minna.
F’din l-okkażjoni llum, irridu lkoll ninkoraġġukom biex tkompli l-ħidma tagħkom b’fedeltà u b’impenn sħiħ. Meta naraw il-bandiera Maltija titla’ ‘l fuq u nħossuna kburin bis-simbolu ta’ nazzjon ħieles, niftakru fikom għax intom hemm, dejjem lesti biex tipproteġu dan in-nazzjon. Intom turuna kemm għandha valur il-ħajja, għax bil-ħidma tagħkom tagħmlu dak kollu possibbli biex tiddefendu l-ħajja.
Ħidma umanitarja
Irrid hawnhekk insellem ukoll lil numru ta’ suldati Maltin stazzjonati mal-UNIFIL fil-Lvant tal-Libanu fuq il-fruntiera ma’ Israel. Sudati Maltin ilhom issa jitilgħu jagħtu servizz fis-settur taħt ir-responsabbiltà tal-Irlandizi. Nifhmu li bħalissa, minħabba l-qagħda kritika fir-reġjun, huma esposti ħafna għall-periklu u dan joħloq tħassib lill-familjari u lil dawk li qed isegwu l-iżviluppi f’dan ir-reġun.
Kemm għandna nkunu grati u napprezzaw is-sehem attiv ta’ suldati Maltin f’missjonijiet ta’ paċi bħal dawn, u missjonijiet oħrajn ta’ natura umanitarja, barra minn xtutna! Is-suldati tagħna qegħdin hemm mhux biex jattakkaw u joħolqu vittmi u ħerba, imma biex jiddefendu l-ħajja, biex jipproteġu, biex ikunu ta’ sostenn u għajnuna lil kulħadd, speċjalment lil dawk l-aktar f’riskju.
Ħidma pastorali
Irrid illum nuri l-apprezzament tal-Knisja f’Malta għall-ħidma tas-saċerdot kappillan tal-armata. Fr Joe Meli issa ilu numru sew ta’ snin bħala kappillan u jagħmel ħidma b’dedikazzjoni u bi mħabba kbira. Kien hu stess li ried li jkun hemm saċerdot aktar żagħżugħ li jitħarreġ f’dan, Fr Sergio Fenech, biex il-ħidma tista’ titkompla b’mod tajjeb fil-futur. Nixtieqkom tiftakru: dawn is-saċerdoti qegħdin biex jaqdu lilkom pastoralment, u lill-familji tagħkom. Għandhom f’moħħhom u f’qalbhom li jkunu ta’ servizz għalikom. Nixtieq li nuru l-gratitudni tagħna għal din il-ħidma pastorali magħmula bis-skiet u fil-kwiet imma b’tant ħeġġa u mħabba.
Iż-żgħażagħ li qed jibdew f’din il-missjoni
Fl-aħħar nett, irrid nagħmel appell lil dawk kollha li għażlu din it-triq li jkunu suldati fl-armata, u appell speċjali għaż-żgħażagħ li għadhom jibdew f’din il-missjoni. Li tgħix għall-valuri tal-lealtà, id-dixxiplina, u s-servizz għall-oħrajn hija triq mimlija sfidi, imma wkoll triq mimlija sodisfazzjon. Nixtieqkom iżżommu dejjem f’moħħkom u f’qalbkom id-difiża tal-ħajja u tal-ġid komuni u għalhekk tkunu xempju ta’ dak li nistgħu niksbu meta nqiegħdu lilna nfusna b’dedikazzjoni sħiħa għas-servizz tal-oħrajn.
Għeżież membri tal-Forzi Armati ta’ Malti, nitolbu għalikom u l-familji tagħkom, biex tkunu protetti, mimlijin kuraġġ u jkollkom is-saħħa biex tkomplu tgħixu dan is-servizz b’rieda soda u fiduċja f’Alla. Il-Mulej iberikkom, jakkumpanjakom fis-servizz tagħkom, u jżommkom dejjem taħt il-ħarsien tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju