-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Knisja Parrokkjali, is-Siġġewi
2 ta’ Ġunju 2019Ir-rakkont ta’ San Luqa mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli pprova jispjega l-misteru li qegħdin niċċelebraw imma fl-istess ħin jagħtina rakkont li għandu messaġġ għalina llum. Id-dixxipli kienu draw jiltaqgħu ma’ Ġesù fl-irxoxt tiegħu; għal 40 jum dehrilhom, għallimhom, u pperswadiehom li ma kienx fantażma imma dak li ġara f’Ħadd il-Għid kien avveniment ta’ vera u mhux ħrafa tal-bnedmin, imma ġrajja ta’ vera. Draw iħarsu lejh, ifittxuh u għalkemm ħafna drabi ma għarfuhx mill-ewwel, kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż, fil-mess tal-pjagi tiegħu jew meta kien fix-xtajta jippreparalhom l-ikel. “Il-Mulej dan” (Ġw 21:7).
Aħna wkoll bħalhom. Ħarsitna tfittex lill-Mulej. “Huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: ‘Rġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?’” (Atti 1, 9-11). Din hija l-mistoqsija li l-Mulej jagħmel lilna wkoll. ‘Qegħdin tfittxuni, imma m’hemmx għalfejn ħarsitkom tkun dejjem lejn is-sema. Ħarsu lejn xulxin, jiena hemm ukoll. Ħarsu lejn min qiegħed ibati, lili ssibuni hemmhekk. Ħarsu lejn uliedkom, jiena fihom. Qimuni fit-tarbija fil-ġuf, fir-raġel tax-xogħol, fil-barrani li qed ifittex il-kenn u x-xogħol fostkom, jiena hemm. X’intom tħarsu lejn is-sema?’
Illum niċċlebraw it-tlugħ tal-Mulej, mhux it-tluq tiegħu. Il-wegħda tiegħu qegħdin niċċelebrawha wkoll illum: “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żminijiet”. L-istedina tal-anġli hi li ma nfittxuhx fis-sema imma fostna. Ġesù qiegħed hawnhekk u meta se niltaqgħu miegħu se jgħidilna: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25, 35-36). U aħna ngħidulu: ‘Meta?’ “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Intom u tfittxu wkoll lil Ġesù bħala r-Ragħaj it-Tajjeb toqgħodux tħarsu lejn is-sema, ħarsu lejn l-arċipriet. Għandkom id-dritt li fil-ħarsa tal-arċipriet, ta’ Dun Josef, tiltaqgħu mal-ħarsa tar-ragħaj it-tajjeb għax ir-ragħaj mibgħut mill-isqof fil-komunità bħala r-ragħaj tal-komunità Nisranija, huwa sinjal u strument tal-preżenza ta’ Ġesù.
Fr Josef, qed tismagħni? Aħna għandna l-ħerqa li hawnhekk fis-Siġġiewi, minn fejn ħriġt, tagħti ħajtek għaliex inti u timxi fit-toroq ta’ dan ir-raħal għażiż, se tkun preżenza ta’ Ġesù. Mhux ċajta li ngħidu alter Christus (Kristu ieħor). Mhux qed ngħid li m’intix miksi bid-dgħufija bħalna u m’għandekx id-dnubiet tiegħek, imma inti midneb maħfur, inti ġġorr il-ferħ ta’ min jersaq lejn il-Mulej fis-sagramenti u jitlob il-ħniena mbagħad iqassam il-ħniena b’ġenerożità u paċenzja.
Inti l-‘ħobż miksur’ li għandek il-privileġġ li minn fuq l-altar tgħidilna: “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Inti saċerdot ta’ Ġesù, il-passi tiegħek ikunu tiegħu, il-kelma tiegħek tkun il-kelma ta’ Ġesù. Aħna nitolbu ħafna għalik, Fr Josef, biex fuq l-eżempju ta’ San Nikola ta’ Bari, tkun ragħaj li taf tagħti ħajtek għall-merħla. M’hemmx għalfejn tagħmel kolla mal-warrani biex teħel mas-siġġu, m’hemmx għalfejn. L-ubbidjenza tal-isqof tgħidlek hi meta jkun hemm bżonn taqbad it-tinda u tmur x’imkien ieħor, bħalma jkollu jagħmel l-isqof ukoll. Dak li jagħtina l-Mulej hija li ningħaqdu miegħu u mhux mas-siġġijiet; ningħaqdu mal-qalb tiegħu. Inti trid tagħti ħajtek billi bl-ubbidjenza tkun xhud ta’ libertà kbira; fl-imħabba tiegħek lejn il-poplu ħadd mhu tiegħek għax tħobb lil kulħadd. Għalhekk, il-Mulej sejjaħlek biex ma tiżżewiġx biex ikollok l-inkwiet ta’ kulħadd u l-faraġ ta’ kulħadd.
Bil-ħarsa safja tiegħek, kun strument li permezz tiegħu Ġesù jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna, hi x’inhi l-età u l-kundizzjoni tagħna għall-imħabba. Inti tagħti ħajtek biex turina kif inħobbu; tirrispondi għall-għatx li għandna għall-imħabba u tgħallimna li t-triq tal-imħabba timliena bil-ferħ. “Mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalem” (Lq 24:52). L-esperjenza li kellhom l-ewwel dixxipli bħal-lum, 40 jum wara l-qawmien mill-imwiet, ma kinetx tluq ta’ niket imma kienet il-glorifikazzjoni tal-maħbub tagħhom Ġesù.
Aħna llum niċċelebrawh fil-leminija tal-Missier mimli bil-qawwa, igglorifikat u fejn daħal hu r-ras tagħna, aħna mistednin nidħlu. Din mhijiex bilfors imma l-istedina qiegħda hemm. Għinna, għażiż Arċipriet, biex il-passi tagħna jkunu dawk ġusti. Tibżax tisfida liż-żgħażagħ ġenerużi ta’ dan ir-raħal biex jagħtu ħajjithom għall-komunità fis-Sagrament taż-Żwieġ, fis-Sagrament tal-Ordni Sagri. Itlob li minn dan ir-raħal għażiż mhux biss ikollna ċittadini onesti imma wkoll politiċi ta’ eżempju li jieħdu ħsieb il-komunità lokali u dik nazzjonali, għax dik ukoll vokazzjoni ta’ mħabba.
Itlob li dan il-poplu għażiż jibqa’ jgħożż il-ġawhra li hija d-Dar tal-Providenza. Jiena naf kemm is-Siġġiewin għandhom għall-qalbhom id-Dar tal-Providenza. Dan huwa l-unur tagħkom, għeżież Siġġiewin, dan hu l-kobor tagħkom: is-sapport li tagħtu lil dawn ħutna li ħafna drabi m’għandhomx biex jgħidulna lanqas grazzi. Imma l-Mulej jaħdem fir-ruħ tagħhom. Aħdmu flimkien, ikkoperaw ma’ Dun Josef; biex tiġġieled miegħu trid tagħmel sforz kbir, ngħidilkom jien. Imma għinuh, tabbużawx mit-tjubija tiegħu għax buono sì ma buono buono, no. Sewwa? Qed ngħidilkom quddiem ommu u missieru u ħutu li tafuhom.
Illum, waqt li nifirħu f’din il-festa solenni, nifirħu wkoll bid-don tas-saċerdozju. Wara kollox d-don tas-saċerdozju jitwieled fil-familja. Il-ġenituri tal-arċipriet din is-sena jagħlqu 40 sena miżżewġin; lill-Knisja tawha dan il-wild u dan id-don. Nitolbu għall-vokazzjonijiet. Nitolbu biex il-Knisja tikber fil-qdusija bis-Sagrament taż-Żwieġ u bis-Sagrament tal-Ordni Sagri. Dawn huma ż- żewġ sagramenti li jibnu l-Knisja u l-komunità. Illum, waqt li nitolbu għar-ragħaj il-ġdid ta’ din il-parroċċa, bl-interċessjoni ta’ San Nikola nitolbu wkoll li intom, għeżież Siġġiewin, tkomplu tikbru f’komunità ħajja ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 1, 1-11Salm: 46 (47), 2-3.6-7.8-9Qari II: Lhud 9, 24-28; 10, 19-23Evanġelju: Lq 24, 46-53 -
-
-